Meditazzjoni tal-Papa Ljun XIV fil-Ġublew tas-Seminarji.

MEDITAZZJONI TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA LJUN XIV 
LIS-SEMINARJANI FL-OKKAŻJONI TAL-ĠUBLEW TAGĦHOM

Bażilika ta’ San Pietru,
It-Tlieta, 24 ta’ Ġunju, 2025

Grazzi, grazzi lil kulħadd!

Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Il-paċi magħkom!

Eminenzi, Eċċellenzi, lill-formaturi u speċjalment lilkom seminaristi, l-għodwa t-tajba lil kulħadd!

Ninsab kuntent ħafna li qed niltaqa’ magħkom u nirringrazzjakom ilkoll, seminaristi u formaturi, tal-preżenza kordjali tagħkom. Grazzi l-ewwelnett għall-ferħ u l-entużjażmu tagħkom. Grazzi għax bl-enerġija tagħkom qegħdin tmantnu l-fjamma tat-tama fil-ħajja tal-Knisja!

Illum intom m’intomx biss pellegrini , imma wkoll xhieda tat-tama: qegħdin tagħtu xhieda kemm lili  kif ukoll lil kulħadd, għax ridtu tinvolvu ruħkom fl-avventura affaxxinanti tal-vokazzjoni saċerdotali fi żmien diffiċli. Aċċettajtu s-sejħa biex issiru ħabbâra mansweti kif ukoll qawwija tal-Kelma li ssalva, qaddejja ta’ Knisja miftuħa u Knisja li toħroġ għax hi missjunarja.

U ngħid kelma wkoll bl-Ispanjol, grazzi talli aċċettajtu b’kuraġġ l-istedina tal-Mulej biex timxu warajh, biex tkunu dixxipli, biex tidħlu fis-seminarju. Tridu tkunu kuraġġużi u ma tibżgħux!

Lil Kristu li qed isejħilkom, intom qed tgħidulu “iva”, bl-umiltà u bil-kuraġġ; u din il-kelma li tgħidulu “hawn jien”, hija kelma li tinbet fil-ħajja tal-Knisja u li mbagħad tiġi akkumpanjata minn mixja ta’ dixxerniment u formazzjoni.

Ġesù, kif tafu, isejħilkom l-ewwelnett biex tgħixu esperjenza ta’ ħbiberija miegħu u ma’ sħabkom (ara Mk 3:13); esperjenza li mbagħad trid tkompli tikber b’mod permanenti anke wara l-ordinazzjoni, u li tinkludi l-aspetti kollha tal-ħajja. Fil-fatt, m’hemm xejn ġo fikom li jrid jintrema, imma kollox irid jiġi trasfigurat, ftakru fil-qamħa, sabiex intom issiru nies u saċerdoti kuntenti, “pontijiet” u mhux tfixkil għall-persuni li jersqu lejkom u li jridu jiltaqgħu ma’ Kristu. Iva, Hu jrid jikber u aħna rridu niċkienu, biex inkunu rgħajja skont Qalbu [1] .

Meta nitkellmu dwar il-Qalb ta’ Ġesù Kristu, kif nistgħu ma niftakrux fl-Enċiklika Dilexit nos li tana l-maħbub Papa Franġisku ? [2] Preċiżament f’dan iż-żmien li qed tgħixu, jiġifieri ż-żmien ta’ formazzjoni u dixxerniment, huwa meħtieġ li ddawru l-ħarsa tagħkom lejn iċ-ċentru, lejn il-“magna” li tmexxi l-vjaġġ kollu tagħkom: il-qalb! Is-seminarju, ikun xi jkun il-mod kif ikun magħmul, għandu jkun skola ta’ affetti. Illum b’mod partikolari, f’kuntest soċjali u kulturali mmarkat minn kunflitt u narċiżiżmu, jeħtieġ li nitgħallmu nħobbu, u nħobbu bħal Ġesù [3] .

Bħalma Kristu ħabb b’qalb ta’ bniedem [4] , intom imsejħa biex tħobbu bil-Qalb ta’ Kristu! Imma biex titgħallmu din l-arti, tridu taħdmu fuq il-ħajja interjuri tagħkom, għax huwa preċiżament hemm fejn jinstema’ l-leħen tiegħu, u huwa propju hemm fejn jittieħdu l-aktar deċiżjonijiet importanti; imma nafu wkoll li hemm, il-ħajja interjuri, hija l-post ta’ tensjoni u taqbida (ara Mk 7:14-23), u dan sabiex tikkonvertuha (l-ħajja interjuri), sabiex l-umanità kollha tagħkom tkun tfuħ bil-Vanġelu.

L-ewwel xogħol għalhekk jeħtieġ isir fuq il-ħajja interjuri. Ftakru sew l-istedina ta’ Santu Wistin biex nerġgħu lura lejn il-qalb, għax hemm insibu l-passi ta’ Alla. Il-qalb xi kultant tista’ tbeżżagħna, għax fiha jista’ jkun hemm ukoll il-ġrieħi. Tibżgħux tieħdu ħsieb il-ġrieħi li jista’ jkun hemm, u ħallu lil min jgħinkom, għax huwa preċiżament minn dawk il-ġrieħi li titwieled il-ħila li nkunu qrib in-nies li jbatu. Mingħajr il-ħajja interjuri, lanqas il-ħajja spiritwali mhi possibbli, għax Alla jkellimna preċiżament hemm, fil-qalb. Alla jkellimna f’qalbna, u rridu nkunu nafu kif nisimgħuh. Parti minn dan ix-xogħol fuq il-ħajja interjuri, huwa wkoll it-taħriġ biex titgħallmu tagħrfu l-movimenti tal-qalb: mhux biss l-emozzjonijiet li jiġu malajr, u li jikkaratterizzaw il-ħajja taż-żgħażagħ, iżda fuq kollox is-sentimenti tagħkom, li jgħinukom tiskopru d-direzzjoni ta’ fejn sejra ħajjitkom. Jekk titgħallmu tkunu tafu lil qalbkom, tkunu dejjem aktar persuni awtentiċi u ma jkollkomx bżonn tużaw il-maskri. U t-triq privileġġjata li twassalna lejn il-ħajja interjuri hija t-talb: fi żmien li fih il-komunikazzjoni hija tant faċli, hija dejjem aktar diffiċli li nesperjenzaw is-skiet u s-solitudni. Jekk ma niltaqgħux miegħu, lanqas biss nistgħu nkunu nafu tassew lilna nfusna.

Nistedinkom sabiex sikwit titolbu lill-Ispirtu s-Santu, ħalli jifforma fikom qalb doċli, kapaċi li tilqa’ l-preżenza ta’ Alla, anke billi tisimgħu l-ilħna tan-natura u tal-arti, tal-poeżija, tal-letteratura [5] u tal-mużika, kif ukoll tax-xjenzi umani [6] . Fl-impenn rigoruż tal-istudju teoloġiku, tgħallmu wkoll kif tisimgħu permezz ta’ moħħkom u qalbkom miftuħa l-ilħna tal-kultura, bħall-isfidi reċenti tal-intelliġenza artifiċjali u dawk tal -midja soċjali.[7] Fuq kollox, bħalma għamel Ġesù, tgħallmu  isimgħu l-għajta, li ħafna drabi tkun siekta, taż-żgħar, tal-fqar u tal-maħqurin u ta’ tant nies, speċjalment żgħażagħ, li qed ifittxu sens f’ħajjithom.

Jekk tieħdu ħsieb qalbkom, l-iktar permezz ta’ mumenti ta’ silenzju, meditazzjoni u talb ta’ kuljum, tistgħu titgħallmu l-arti tad-dixxerniment. Din ukoll hija biċċa xogħol importanti: titgħallmu tagħmlu dixxerniment. Meta nkunu żgħar, inġorru fina ħafna xewqat, ħolm u ambizzjonijiet. Il-qalb spiss tkun iffullata u xi kultant inħossuna mħawdin. Minflok, jekk nieħdu l-eżempju tal-Verġni Marija, il-ħajja interjuri tagħna issir kapaċi tgħożż u timmedita. Kapaċi ta’ synballein – kif jikteb l-evanġelista Luqa (2:19.51): tgħaqqad il-biċċiet flimkien [8] . Oqogħdu attenti mis-superfiċjalità, u għaqqdu flimkien il-biċċiet tal-ħajja tagħkom permezz tat-talb u l-meditazzjoni.  U staqsu lilkom infuskom: x’qed nitgħallem minn dak li qed ngħix? Fejn qed imexxini l-Mulej?

Għeżież tiegħi, jalla jkollkom qalb ħelwa u umli bħal dik ta’ Ġesù (ara Mt 11:29). Fuq l-eżempju tal-Appostlu Pawlu (ara Fil 2:5s), jalla jkollkom is-sentimenti ta’ Kristu, biex timxu ’l quddiem fil-maturità umana, speċjalment dik affettiva u fejn jidħlu r-relazzjonijiet. Huwa importanti, anzi meħtieġ, sa minn żmien is-Seminarju, li tiffokaw ħafna fuq il-maturazzjoni umana, billi twarrbu minnkom kull maskra u kull ipokresija. Filwaqt li żżommu ħarsitkom fuq Ġesù, tgħallmu għatu isem u leħen ukoll lin-niket, lill-biża’, lit-tensjoni, lir-rabja, billi nġibu kollox fir-relazzjoni ma’ Alla. Il-kriżijiet, il-limitazzjonijiet, id-dgħufijiet m’għandniex naħbuhom, imma huma pjuttost okkażjoni ta’ grazzja u esperjenza tal-Irxoxt.

F’dinja fejn spiss hemm ingratitudni u għatx għall-poter, fejn xi kultant il-loġika tar-rimi tidher li tgħolli rasha, intom imsejħa biex tixhdu l-gratitudni u l-gratwità ta’ Kristu, l-hena u l-ferħ, il-ħlewwa u l-ħniena ta’ Qalbu. Għixu stil ta’ ħajja akkoljenti, li tkunu qrib l-oħrajn, billi taqdu b’mod ġeneruż u diżinteressat, u hekk tħallu lill-Ispirtu s-Santu “jidlek” l-umanità tagħkom saħansitra qabel l-ordinazzjoni.

Il-Qalb ta’ Kristu hija animata minn kompassjoni kbira: huwa hu s-Samarijan it-Tajjeb tal-umanità u jgħidilna: “Mur u agħmel hekk int ukoll” ( Lq 10:37). Din il-kompassjoni ġġiegħlu jaqsam mal-folol il-ħobż tal-Kelma u tal-ġid (ara Mk 6:30-44), u tħallina naraw dak li għamel fiċ-Ċenaklu u fuq is-Salib, meta kien se jagħti lilu nnifsu bħala ikel, u jgħidilna: “Agħtuhom intom x’jieklu” ( Mk 6:37), jiġifieri, għamlu ħajjitkom don ta’ mħabba.

Għeżież Seminaristi, l-għerf ta’ Omm il-Knisja, megħjuna mill-Ispirtu s-Santu, matul iż-żmien dejjem fittxet l-aktar metodi adattati għall-formazzjoni tal-ministri ordnati, skont il-ħtiġijiet tal-postijiet. U x’inhu x-xogħol tagħkom f’dan kollu? Huwa li tħarsu fil-għoli, li qatt ma tkunu sodisfatti, li ma tkunux biss fuq in-naħa ta’ min qed jirċievi b’mod passiv, imma li tkunu mimlijin ħeġġa għall-ħajja saċerdotali, li tgħixu l-preżent u tħarsu lejn il-futur b’qalb profetika. Nittama li din il-laqgħa tagħna tgħin lil kull wieħed minnkom biex tapprofondixxu d-djalogu personali tagħkom mal-Mulej, u itolbuh li tkunu tixbħuh fis-sentimenti tiegħu, is-sentimenti ta’ Qalbu. Dik il-Qalb li tħabbat bl-imħabba għalikom u għall-umanità kollha. Il-vjaġġ it-tajjeb! Nakkumpanjakom bil-barka tiegħi.

__________________

[1] Cf. San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni. Ap. Pastores dabo vobis (25 ta’ Marzu 1992), 43.

[2] Ittra Enċiklika Dilexit nos , dwar l-imħabba umana u divina tal-Qalb ta’ Ġesù Kristu (24 ta’ Ottubru 2024).

[3] Ara ibid. , 17.

[4] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Passata Gaudium et spes , 22.

[5] Ara Franġisku, Ittra dwar ir-rwol tal-letteratura fl-edukazzjoni , 17 ta’ Lulju 2024.

[6] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Passata Gaudium et spes , 62.

[7] Kongregazzjoni għall-Kleru, Ratio Fundamentalis Institutionis Sacerdotalis , Id-Don tal-Vokazzjoni Saċerdotali (8 ta’ Diċembru 2016), 97.

[8] Ara Franġisku, Ittra Enċiklika Dilexit nos, dwar l-imħabba umana u divina tal-Qalb ta’ Ġesù Kristu (24 ta’ Ottubru 2024), 19.

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading