Lejn Teoloġija tal-Mediterran: RT Med b’konferenza internazzjonali f’Malta

26/06/2025: Grupp min-Netwerk Teoloġiku Mediterranju (RT Med) iltaqa’ f’Malta għal konferenza internazzjonali, bit-titlu: “Fuq ir-Rotot Mediterranji: Linji Gwida Metodoloġiċi għal Teoloġija mill-Mediterran”.

Il-konferenza laqqgħet riċerkaturi mill-Marokk, l-Alġerija, l-Eġittu, il-Libanu, it-Turkija, l-Albanija, l-Italja, Franza, Spanja u Malta.

L-attività bdiet b’ħarsa dettaljata dwar il-kuntest Mediterranju Malti, bl-istorja u l-għeruq tagħha, iżda wkoll b’ħarsa lejn il-preżent u lejn l-isfidi u l-opportunitajiet tal-lum. Din għenet sabiex tinħoloq teoloġija li tista’ tifhem ir-realtajiet kumplessi tar-reġjun Mediterranju. Il-parteċipanti semgħu diversi esperjenzi kulturali li arrikkew ir-riflessjoni b’mod tanġibbli.

Tema ewlenija tal-konferenza kienet kif il-Mediterran jista’ jkun spazju ta’ laqgħa u għaqda. Permezz tal-metafora tal-vjaġġ u ċerti figuri mill-istorja ta’ Malta, il-parteċipanti ħadmu flimkien biex jgħinu jitfassal metodu li jista’ jiggwida teoloġija mill-Mediterran.

Il-programm tal-konferenza inkluda wkoll żjarat fil-katakombi ta’ Sant’ Agata u l-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat u l-Konkatridral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Il-parteċipanti kellhom ukoll l-opportunità jgħixu x’toffri l-festa Maltija b’mawra sal-festa tal-Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba.

Il-konferenza ntemmet biċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, ippreseduta mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Awżiljarju fakkar fl-għan tan-Netwerk fid-dawl tas-Solennità tat-Trinità Qaddisa:

“F’Mediterran immarkat minn kunflitti, firdiet u migrazzjonijiet, it-Trinità toffrilna mudell ta’ koeżistenza fid-differenza. Hekk kif it-tliet Persuni divini jgħixu f’għaqda perfetta mingħajr ma jikkanċellaw id-diversità, bl-istess mod is-soċjetajiet Mediterranji tagħna huma msejħin biex japprezzaw il-kulturi, il-lingwi u t-tradizzjonijiet mingħajr biża’ mill-ieħor.”

In-Netwerk Teoloġiku Mediterranju huwa impenjat li jkompli jbaħħar lejn orizzonti ġodda fil-Mediterran, mhux biss sabiex jinseġ rabtiet ġodda mhux biss bejn studjużi u istituzzjonijiet, iżda wkoll bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet differenti tal-Mediterran.

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading