MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
GĦALL-ĦAMES JUM DINJI TAN-NANNIET U L-ANZJANI
[27 ta’ Lulju 2025]
Imbierek min ma tilifx it-tama tiegħu (cfr Bin Sirak 14,2)
Għeżież ħuti,
il-Ġublew li qed ngħixu bħalissa jgħinna niskopru li t-tama dejjem hi għajn ta’ ferħ, f’kull età. Meta mbagħad din tkun ittemprata min-nar ta’ ħajja twila ssir għajn u milja ta’ beatitudni.
L-Iskrittura Mqaddsa ttina diversi każi ta’ rġiel u nisa diġà mdaħħlin fiż-żmien, li l-Mulej ixerikom miegħu fil-pjanijiet tas-salvazzjoni. Niftakru f’Abraham u Saraj: anzjani, jibqgħu mistgħaġbin quddiem il-kelma t’Alla li jwegħedhom iben. Għalihom il-ġejjieni kien bla tama ladarba ma setgħux jiġġeneraw ulied.
Ir-reazzjoni ta’ Zakkarija xejn ma kienet b’anqas meta tħabbarlu t-twelid ta’ Ġwanni l-Battista: “Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien!” (Lq 1,18). Ix-xjuħija, l-isterilità, is-saħħa fiżika li tnin donnhom jitfu t-tama tal-ħajja u tal-fertilità ta’ dawn l-irġiel u n-nisa kollha. Anki l-mistoqsija li Nikodemu jagħmel il Ġesù, meta dan ikellmu dwar “twelid ġdid”, tidher purament retorika: “Kif jista’ wieħed jitwieled wara li jkun xjieħ? Jista’ forsi jerġa’ jidħol f’ġuf ommu u jitwieled?” (Ġw 3,4). Madankollu, kull darba, quddiem tweġiba prevedibbli, il-Mulej jissorprendihom b’intervent li jsalva.
L-anzjani, sinjali ta’ tama
Fil-Bibbja, Alla juri l-providenza tiegħu diversi drabi meta jkellem persuni ta’ età avvanzata. Hekk jiġri, minbarra ma’ Abraham, Saraj, Żakkarija u Eliżabetta, ma’ Mosè wkoll, imsejjaħ biex jeħles il-poplu tiegħu meta diġà kellu tmenin sena (cfr Eż 7,7). B’dawn l-għażliet Alla jgħallimna li f’għajnejh ix-xjuħija hi żmien ta’ barka u grazzja u li għalih, l-anzjani huma l-ewwel xhieda tat-tama. “X’jista’ jkun daż-żmien tax-xjuħija?” – isaqsi Santu Wistin? U jżid, hawn iwieġbek Alla: “Ħalli tonqoslok saħħtek dment li tibqa’ fik il-qawwa tiegħi u tkun tista’ tgħid mal-Appostlu: Meta nkun dgħajjef, inkun qawwi” (Super Ps. 70,11). Il-fatt li l-għadd ta’ persuni ta’ età avvanzata illum qed jiżdied, għalina hu sinjal taż-żmien li msejħin biex niddixxernu, biex naqraw sewwa s-sinjali tal-istorja li qed ngħixu.
Il-ħajja tal-Knisja u tad-dinja, infatti, tinftiehem biss fid-dawl tal-mixja tal-ġenerazzjonijiet u t-tħaddina ta’ anzjan tgħinna nifhmu li l-istorja mhix biss il-preżent, lanqas mhi xi laqgħa mgħaġla jew relazzjonijiet frammentarji, imma timmira dejjem lejn il-ġejjieni. Fil-Ktieb tal-Ġenesi nsibu l-episodju kommoventi tal-barka li x-xwejjaħ Ġakobb jagħti lin-neputijiet, ulied Ġużeppi: kliemu jixprunahom biex iħarsu lejn il-futur bit-tama, bħal fi żmien il-wegħdiet ta’ Alla (cfr Ġen 48,8-20). Jekk allura hu minnu li l-fraġilità tal-anzjani għandha bżonn l-enerġija taż-żgħażagħ, daqstant hu minnu li n-nuqqas ta’ esperjenza taż-żgħażagħ teħtieġ ix-xhieda tal-anzjani biex huma jfasslu l-futur bid-dehen u l-għaqal. Kemm drabi u ta’ spiss in-nanniet kienu għalina eżempju ta’ fidi u devozzjoni, ta’ onestà ċivika u impenn soċjali, ta’ memorja u perseveranza waqt il-provi! Dan il-wirt sabiħ, li huma għaddewlna b’tama u mħabba, għalina dejjem se jibqa’ sors ta’ gratitudni u sejħa għall-perseveranza u l-koerenza.
Sinjali ta’ tama għall-anzjani
Sa mill-oriġini tiegħu, il-Ġublew dejjem kien meqjus bħala żmien ta’ liberazzjoni: l-iskjavi kienu jkunu mirhuna, id-dejn maħfur, l-art mogħtija lura lill-propjetarji oriġinarji. Kien moviment ta’ restawrazzjoni tal-ordni soċjali skont ir-rieda t’Alla, żmien li fih kienu jissewwew id-diżugwaljanzi u l-oppressjonijiet li jkunu ilhom jinġemgħu snin. Ġesù jġedded dawn il-ġrajjiet ta’ liberazzjoni meta fis-sinagoga ta’ Nazaret jagħti l-Aħbar it-Tajba lill-foqra, il-dawl lill-għomja, il-ħelsien lill-priġunieri u l-maħqurin (cfr Lq 4,16-21). Aħna u nħarsu lejn il-persuni anzjani f’dil-perspettiva ġjubilari, aħna wkoll għandna sejħa li ngħixu din il-liberazzjoni flimkien magħhom, speċjalment il-ħelsien mis-solitudni u l-abbandun. Din hi s-sena propizja biex dan jitqiegħed fis-seħħ: il-fedeltà ta’ Alla lejn il-wegħdiet tiegħu tgħallimna li hemm beatitudni fix-xjuħija, ferħ evanġeliku awtentiku, li jitlobna nwaqqgħu l-ħitan tal-indifferenza, li spiss l-anzjani jsibu ruħhom magħluqin fihom. Is-soċjetajiet tagħna, f’kull latitudni, spiss wisq imdorrijin li das-settur ta’ valur u għani ta’ ħajjithom iwarrbuh u jinsewh.
Quddiem dis-sitwazzjoni, hemm bżonn nibdlu r-rotta, rotta li tkun xhieda li l-Knisja kollha qed terfa’ r-responsabbiltà tagħha. Kull parroċċa, kull assoċjazzjoni, kull grupp ekkleżjali hu msejjaħ biex isir protagonista “tar-rivoluzzjoni” tal-gratitudni u tal-kura, li ssir biż-żjarat spiss lill-anzjani, billi jinħolqu ktajjen ta’ sostenn u talb għalihom u flimkien magħhom, jintisġu relazzjonijiet li jnisslu tama ġdida u dinjità f’min iħossu minsi. It-tama nisranija timbuttana biex nirriskjaw dejjem aktar, biex naħsbu aktar kbir, biex ma nikkuntentawx bis-sitwazzjoni kif inhi. Din hi sitwazzjoni li tixprunana għal bidla biex lill-anzjani jintraddulhom lura l-istima u l-għożża.
Għal dir-raġuni, il-Papa Franġisku ried li l-Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani jkun iċċelebrat qabel kollox b’laqgħa ma’ min hu waħdu. U għall-istess raġuni qatgħha li dawk li matul dis-sena ma jkunux istgħu jagħmlu l-pellegrinaġġ f’Ruma, ikunu jistgħu “jaqilgħu l-indulġenza tal-Ġublew jekk għal żmien xieraq imorru jżuru lill-anzjani waħdehom (…) qieshom qed jagħmlu pellegrinaġġ lejn Kristu li hu preżenti f’dawn il-persuni (cfr Mt 25, 34-36” (Penitenzerija Appostolika, Normi għall-Konċessjoni tal-Indulġenza Ġjubilari, III). Żjara lil xi anzjani hi mod kif bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù, laqgħa li teħlisna mill-indifferenza u s-solitudni.
L-anzjan ukoll jista’ jittama
Il-Ktieb ta’ Bin Sirak jafferma li l-beatitudni hi ta’ dawk li ma tilfux it-tama tagħhom (cfr 14,2), u jrid ifiehem li f’ħajjitna – speċjalment jekk twila – jista’ jkun hemm bosta raġunijiet biex inħarsu lura pjuttost milli lejn il-futur. Madankollu, kif kiteb il-Papa Franġisku meta kien l-isptar fl-aħħar żmien ta’ ħajtu, “Il-fiżiku tagħna hu dgħajjef, madankollu xejn ma jżommna milli nħobbu, nitolbu, nagħtu lilna nfusna, u fil-fidi nkunu għal xulxin sinjali mdawla ta’ tama” (Angelus 16 ta’ Marzu, 2025). Aħna mogħnijin b’libertà li ebda diffikultà ma tista’ tisraqhielna: dik li nħobbu u u nitolbu. Kulħadd, dejjem jista’ jħobb u jitlob.
L-għożża tagħna għall-għeżież tagħna – għar-raġel, għall-mara li magħhom qattajna l-biċċa l-kbira ta’ ħajjitna, għall-ulied, għan-neputijiet li jallegraw jiemna – ma tintefiex meta jħalluna l-forzi tagħna. Anzi, spiss, l-għożża tagħhom tqanqal fina enerġiji ġodda, tnissel fina tama u serħan.
Dawn is-sinjali tal-vitalità tal-imħabba, li għandhom għeruqhom f’Alla nnifsu, jtuna kuraġġ u jfakkruna illi “jekk il-bniedem ta’ barra jitħassar, il-bniedem ta’ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum” (2 Kor 4,16). Fuq kollox, bħala anzjani għandna nippereseveraw fil-fiduċja tagħna f’Alla. Inħallu l-laqgħa tagħna miegħu iġġeddidna kuljum bit-talb u bil-Quddiesa. Ejjew nittrażmettu bl-imħabba l-fidi li għexna għal tant snin, fil-familja, fil-laqgħat tal-ħajja ta’ kuljum: infaħħru dejjem lill-Mulej għat-tjubija tiegħu, nikkultivaw l-għaqda mal-għeżież tagħna, niftħu qalbna għal min hu l-aktar imbiegħed, u partikolarment, għal min jinsab fil-bżonn. Inkunu sinjali ta’ tama, hi xhini l-età tagħna.
Mill-Vatikan, 26 ta’ Ġunju, 2025
Ljun PP. XIV
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber