20/06/2025: Il-grupp soċjo-spiritwali Christ Our Neighbour Group esprima l-pożizzjoni tiegħu favur kura paljattiva ta’ kwalità. Mill-esperjenza tagħhom huma jemmnu li qabel ma l-pajjiż jiddeċiedi dwar l-ewtanasja, għandu jsir avvanz qawwi fis-servizzi tal-kura paljattiva.

Dan ħareġ f’dokument ta’ opinjoni kontra l-leġislazzjoni proposta favur l-ewtanasja volontarja assista.
“Id-dokument ma jfittixx li jidħol fl-implikazzjonijiet morali u legali tal-ewtanasja volontarja”
Id-dokument tagħhom joffri perspettiva msejsa fuq l-esperjenzi u d-dixxerniment relatat mal-proċess tal-mewt, u ma jfittixx li jidħol fuq l-implikazzjonijiet morali u legali tal-ewtanasja volontarja – “Nemmnu li dan għandna nħalluh għal persuni u assoċċjazzjonijiet iktar kwalifikati minna f’dan l-aspett”.
Huma spjegaw il-pożizzjoni tagħhom b’rabta ma’ argumenti li jġibu min hu favur l-ewtanasja volontarja – jiġifieri li pazjent jingħata d-dritt li jtemm ħajtu jekk irid.
Qalu li jekk nimxu bl-argument li “ġismi huwa tiegħi, u għalhekk nista’ niddisponi minnu jekk niddeċiedi jien (bħal kull oġġett ieħor li jkolli)”, allura l-ewtanasja volontarja tista’ tkun aċċessibbli għal kull min irid itemm ħajtu, tkun xi tkun ir-raġuni.
Qalu wkoll li dan huwa rikonoxxut “imqar b’mod impliċitu” fid-dokument għad-diskussjoni maħruġ mill-Gvern, li jistqarr li t-talba għall-ewtanasja volontarja assistita tista’ ssir biss bir-rieda espressa, libera, u dokumetata ta’ persuna b’marda terminali u irreversibbli li tissodisfa numru ta’ kriterji.
B’rabta ma’ restrizzjonijiet oħrajn li jinsabu fid-dokument – fosthom li pazjenti b’mard li jitfejjaq ma jikkwalifikawx għall-ewtanasja, u li kundizzjonijiet mentali, diżabilità, u kundizzjonijiet mediċi marbuta ma’ età avvanzata bħal dimensja, ma jitqisux bħala marda terminali – huma qalu li bl-argument tad-dritt fuq ġisimna, kieku ma jkunx hemm bżonn ta’ restrizzjonijiet – “Iżda dan ikun qed jippromwovi s-suwiċidju assistit, u jmur kontra l-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju f’Malta 2025-2030”.
“Il-mewt b’dinjità u l-ewtanasja volontarja huma żewġ kunċetti differenti għalkollox minn xulxin”
B’referenza għat-tieni argument – il-biża’ tal-proċess tal-mewt u l-konsegwenzi li jġib miegħu – il-grupp irrefera għal Dame Cicely Saunders, li waqqfet dak li llum huwa magħruf bħala l-moviment Hospice, li qalet “Jimpurtana minnek għaliex inti int, u jimpurtana minnek sa ma tieħu l-aħħar nifs. Se nagħmlu kulma nistgħu mhux biss biex ngħinuk tmut fil-paċi, imma anke biex tibqa’ tgħix sakemm tmut”.
Dan il-prinċipju jidher fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Kura Paljattiva 2025 – 2035 – “Dan id-dokument jgħaqqad b’mod tajjeb l-istrateġija maħsuba għall-kura paljattiva ma’ tmiem dinjituż għall-ħajja, billi jħares lejn l-aspetti kollha tal-kura u s-sapport li jinkludu sintomi soċjali, psikoloġiċi u fiżiċi”.
Qalu li b’hekk, dak li jkun iserraħ rasu li l-kura u d-dinjità umana jkunu mħarsa f’kull stadju tal-ħajja, tkun xi tkun l-età u d-dijanjosi tal-persuna.
“In-nuqqas ta’ informazzjoni fost il-professjonisti twassal għal kura paljattiva ta’ livell mhux mixtieq”
Għad li l-grupp stqarr li l-professjoni medika għandha l-għodda meħtieġa biex il-proċess ta’ tmiem il-ħajja jkun komdu u dinjituż, in-nuqqas ta’ informazzjoni fost il-professjonisti dwar l-aspetti morali, legali, u mediċi f’sitwazzjonijiet marbuta ma’ tmiem il-ħajja, twassal għal kura paljattiva ta’ livell mhux mixtieq.
Dan filwaqt li semmew li kellhom nies qrib tagħhom li “setgħu ġew ikkurati aħjar” biex il-proċess tal-mewt ikun aktar komdu bl-inqas tbatija possibbli.
Dawn jinkludu mara ta’ 55 sena b’kanċer terminali li l-immaniġjar tal-uġigħ tagħha kien restritt minħabba biża’ tal-professjonisti fuq vizzji, minkejja kien fadlilha biss ftit jiem ħajja.
Każ ieħor ta’ raġel ta’ 80 sena b’falliment fl-organi kellu l-idratazzjoni mwaqqfa u ma sarux sforzi biex is-sintomi tiegħu jittaffew – “Tqiegħed f’kantuniera ta’ ward u tħalla hemmhekk”.
Dan fid-dawl ta’ oġġezzjonijiet mill-Knisja li qed issostni li l-ewtanasja volontarja assisista ma taqbilx mat-tagħlim Kattoliku, kif ukoll tħassib tagħha fuq il-possibiltà ta’ abbuż.
Kif ukoll, 134 akkademiku mill-Università ta’ Malta avżaw f’pubblikazzjoni li din il-leġizlazzjoni jaf tnaqqas il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet mediċi u “tbiddel b’mod radikali l-valuri ċentrali ta’ Malta” – “Ikun messaġġ perikoluż li l-ħajja tista’ tintrema malli jidhrilna li m’għadhiex ta’ użu”.
X’inhu Christ Our Neighbour Group?
Christ Our Neighbour Group – CONG – huwa grupp soċjo-reliġjuż li twaqqaf f’nofs is-snin 70 bil-għan li jġib ’il quddiem id-dixxerniment u l-applikazzjoni tal-kelma t’Alla fil-ħajja ta’ kuljum, bi prijorità partikolari għal dawk fil-bżonn u vulnerabbli fis-soċjetà.
Bħalissa CONG iħaddan madwar 35 membru.
L-attività tal-grupp hija msejsa fuq it-tagħlim soċjali tal-Knisja Kattolika Rumana, li ssostni li l-ewtanasja ma hija qatt moralment ġustifikata – “Il-ħajja hija don ta’ Alla, u għaldaqstant hija sagra u għandha tkun dejjem rispettata u protetta”.
Huma qalu li dan il-prinċipju jħaddnuh ukoll għadd ta’ reliġjonijiet oħra bħall-Iżlam, il-Ġudaiżmu, l-Induiżmu, u l-Buddiżmu.
Fuq nota simili, il-Kap Eżekuttiv ta’ Life Network Miriam Sciberras ħeġġet lill-pubbliku biex isemmgħu leħinhom fuq oqtollugigh.org – “Malta m’għandhiex bżonn suwiċidju assistit. Malta għandha bżonn l-aħjar kura għal dawk li resqin lejn l-aħħar ta’ ħajjithom”.
Il-perjodu ta’ konsultazzjoni fuq l-ewtanasja jagħlaq fit-2 ta’ Lulju.
“Hemm sapport limitat għall-ewtanasja” – CONG
Il-grupp CONG qal ukoll li data turi nuqqas ta’ appoġġ pubbliku għall-ewtanasja.
F’poll riċenti tat-Times of Malta ikkwotat minn CONG, 54% minn 2,790 parteċipant ikkunsidraw l-ewtanasja bħala “kompletament inaċċettabbli”.
Stħarriġ minn 2004 juri li 12% biss urewha sapport definit.
Iżda stħarriġ riċenti minn MaltaToday żvela li l-opinjoni pubblika hija maqsuma, b’49.1% ta’ dawk li wieġbu jappoġġjaw l-ewtanasja volontarja, 29.1% kontra, u 21.8% indeċiżi.
Fost tħassib tekniku fuq il-proposti, CONG semma kif se noħorġu bi stima li tikkalkula b’mod eżatt jekk pazjent b’marda terminali jkunx fadallu sitt xhur ħajja, kif ukoll tħassib fuq l-istat metali ta’ individwu li qed jirċievi dijanjonsi kiefer.
Il-grupp CONG qal li d-diskussjoni fuq l-ewtanasja volontarja assistista hija bikrija għax għad m’hemmx sistema ta’ kura paljattiva komprensiva – “Jekk indaħħlu l-liġi tal-ewtanasja, inkunu qed nassumi l-falliment tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Kura Paljattiva għal Malta 2025-2035.”
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti