L-esperti tas-saħħa f’Malta jgħidu le għall-ewtanasja

26/06/2025: L-Assoċjazzjoni tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika f’Malta (MAPHM) ħarġet b’saħħitha kontra il-proposta tal-Gvern għall-introduzzjoni tal-ewtanasja volontarja fejn insistiet li minflok għandna ninvestu bis-sħiħ fil-kura paljattiva.

Ritratt: flickr

Fi stqarrija, l-assoċjazzjoni sejħet il-pjan bħala prematur u li bħalissa jista’ jagħmel aktar ħażen milli ġid.

L-MAPHM qablet mal-Assoċċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM), li wkoll espremiet it-tħassib tagħha dwar il-proposta.

Skont l-assoċjazzjoni, dak li qed jiġi propost huwa differenti u propjament huwa suwiċidju assistit minn tabib mhux ewtanasja, bit-tossina li tkun amministrata mill-pazjent innifsu jew persuna oħra.

L-assoċjazzjoni qalet li l-użu ħażin ta’ terminoloġija jmur kontra l-Istrateġija nazzjonali kontra l-prevenzjoni tas-Suwiċidju li tnediet aktar kmieni din is-sena.

Osservat ukoll li m’hemmx riċerka b’saħħitha li saret f’Malta jew f’pajjiż iehor li turi li hemm bżonn tal-ewtanasja assistita f’Malta, waqt li qalet li m’hemmx informazzjoni dwar jekk il-pubbliku jew l-esperti kinux ikkonsultati qabel ma ġiet ippubblikata l-proposta.

L-MAPHM saħqet li minħabba li dan hu suġġett sensittiv, jeħtieġ feedback mingħand tobba, avukati, esperti tad-drittijiet umani, gruppi reliġjużi u rappreżentati tal-pazjenti qabel ma tittieħed deċiżjoni.

Apparti hekk, l-assoċjazzjoni wissiet li l-ewtanasja assistita tista’ tnaqqas il-fiduċja tal-pubbliku fit-tobba. Organizzazzjonijiet kbar bħall-World Medical Association u l-European Association for Palliative Care t-tnejn qalu li ma jaqblux magħha u l-esperti tas-saħħa f’Malta jaqblu ma’ dan il-valutazzjoni.

Malta diġà nediet pjan fuq medda ta’ 10 snin bl-għan li titjieb il-kura paljattivau għaldaqstant l-MAPHM qalet li l-isforzi kollha għandhom immorru sabiex jiġi attwat dan il-pjan minflok dak tal-ewstanasja volontarja.

L-assoċjazzjoni espremiet ix-xewqa li tara qafas legali adegwat għad-direttivi dwar il-kura avvanzata, dokumenti li jippermettu lin-nies jiddeċiedu minn qabel dwar x’tip ta’ kura medika jridu fl-aħħar ta’ ħajjithom.

L-MAPHM sostniet li anke jekk jidħlu fis-seħħ regoli, hemm ċans li n-nies xorta jħossuhom sforzati biex jagħżlu li jmutu speċjalment jekk iħossuhom ta’ piż għall-familthom jew ikollhom inkwiet dwar l-ispejjeż.

Ir-riskju għal dan huwa ogħla fil-komunitajiet żgħar ta’ Malta.

L-assoċjazzjoni rreferiet għal data mill-Istati Uniti li turi li ż-żmien li jieħu pazjent biex imut wara li jingħata d-droga tvarja ħafna minn ftit minuti għal numru ta’ ġranet. Għaldaqstant qed jargumentaw li dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala mewta ta’ paċi.

Il-proposta tissuġġerixxi li t-tobba li joġġezzjonaw għall-ewtanasja assistita għandhom xorta jkunu meħtieġa li jirreferu l-pazjenti għand xi ħadd ieħor.

Il-MAPHM ma taqbilx ma’ dan hekk kif il-professjonisti mediċi m’għandhomx jkunu parteċipi fil-proċess jekk tmur kontra il-kuxjenza tagħhom. Qalet ukoll li dan għandu japplika għall-istudenti jew min għadu qed jitħarreġ ukoll.

Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni qalet li l-għarfien pubbliku dwar l-ewtanasja assistita hu baxx. Infatti, stħarriġ li sar l-Ingilterra sab li aktar min-nofs il-parteċipanti ma kinux jafu id-differenza bejnha u bejn l-kura paljattiva.

Din turi li l-pubbliku għandu jkun edukat sew qabel ma jiġu kkunsidrati bidliet kbar.

L-MAPHM wissiet ukoll li l-istħarriġ dwar opinjonijiet pubbliċi m’għandhomx ikunu fdati minħabba li hemm min ma jifhimx xi jkunu qed iwieġbu.

Rigward dak li għandu jsir, l-assoċjazzjoni temmen li Malta m’għandhiex iddaħħal l-ewtanasja assistita għalissa u minflok għandha tiffoka fuq li:

  • Timplimenta l-istrateġija nazzjonali dwar il-kura paljattiva
  • Toħloq sistema ta’ appoġġ legali għad-direttivi dwar il-kura avvanzata
  • Tipproteġi persuni vulnerabbli
  • Tirrispetta standards etiċi
  • Tippermetti lill-professjonisti tas-saħħa li ma jaqblux biex ma jipparteċipawx fil-proċess

L-assoċjazzjoni qalet li liġi li tista’ tidħol fis-seħħ fil-futur għandha tkun ibbażata fuq evidenza robusta, tkun trasparenti u tinkludi l-feedback tal-esperti f’kull stadju.

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading