Il-Mirakli Ewkaristiċi (80)
minn Manwel Cutajar
Fl-artiklu preċedenti tkellimna fil-qosor dwar Santa Ġuljana ta’ Liège u d-dehriet mistiċi li kellha u li taw bidu għaċ-Ċelebrazzjonijiet u l-Festa ta’ Corpus Christi. Illum nixtieq inkompli nitkellem kemxejn aktar fit-tul dwar Santa Ġuljana u dwar il-ħajja, il-ħidma u l-Vokazzjoni Reliġjuża tagħha.
Nibda biex nikkwota silta mid-diskors li l-Papa Benedittu XVI għamel f’Udjenza Ġenerali nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Novembru 2010, fejn qal hekk dwar Santa Ġuljana ta’ Liège: “Hija ftit magħrufa iżda l-Knisja hija profondament obbligata lejha, mhux biss minħabba l-qdusija ta’ ħajjitha iżda wkoll għax, bil-fervur kbir tagħha, ikkontribwiet għalI-istituzzjoni ta’ waħda mill-akbar Liturġiji Solenni importanti tas-sena: Corpus Christi”
Il-Ħajja u l-Ħidma ta’ Santa Ġuljana ta’ Liège
Ġuljana ta’ Liège (imsejħa wkoll Ġuljana ta’ Mont-Cornillon), twieldet fis-sena ċ.1191/3 fir-raħal ta’ Retinnes fil-prinċipalità ta’ Liège, il-Belġju. Hija u t-tewmija oħtha Agnes saru orfni fl-età ta’ ħames snin u trabbew taħt il-kura tas-sorijiet Norbertini fil-monasteru u kanonikat ta’ Mont-Cornillon. Dal-kanonikat kien ġie mwaqqaf fuq il-mudell ta’ monasterju doppju, kemm bil-kanoniċi (reliġjużi rġiel) kif ukoll bil-kanoniċissi (reliġjużi nisa) kollha jgħixu fil-kwartier propju tagħhom fl-istess binja tal-monasteru.
Il-monasteru kellu wkoll kwartier speċjali li kien jintuża bħala sptar, partikolarment għal-lebbrużi, li f’dawk iż-żminijiet tal-mard tal-ġdiem kien hemm ħafna minnhom mifruxin fl-Ewropa. Biex jipproteġu liż-żewġt ibniet minn xi infezzjoni u mard is-sorijiet bagħtuhom jgħixu f’razzett mibdul f’monasterju żgħir, kemxejn imbiegħed mill-belt. Oħtha Agnes wisq probabbli mietet żgħira peress li m’hemm l-ebda aktar referenza għaliha fl-arkivji.
Minn età żgħira Ġuljana dejjem kellha Imħabba profonda lejn l-Ewkaristija Divina. Aktar tard irċeviet l-abitu reliġjuż fl-età ta’ 13-il sena u ddedikat ruħha għat-talb, studju u xogħol fil-monasterju.
Hawnhekk, Ġuljana rċeviet l-edukazzjoni tagħha minn Suor Sapientia, u kibret bħala żagħżugħa intelliġenti ħafna, taqra u tistudja l-kitbiet tas-Santi Padri u tal-qaddisin kbar u kotba oħra tat-teoloġija u l-ispiritwalità li kienu miżmuma fil-librerija tal-monasterju.”Hija tant saret għarfa li setgħet taqra l-kliem tal-Missirijiet tal-Knisja, b’mod partikolari ta’ Santu Wistin u San Bernard,bil-Latin. Minbarra intelliġenza qawwija, Ġuljana wriet propensità speċjali għall-kontemplazzjoni sa mill-bidu nett. Kellha sens profond tal-Preżenza ta’ Kristu, li esperjenzat billi għexet is-Sagrament tal-Ewkaristija b’mod partikolarment intens u billi waqfet spiss biex timmedita fuq il-kliem ta’ Ġesù: “U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). (Diskors tal-Papa Benedittu XVI)
Meta Ġuljana kellha 16-il sena, kienet imħassba lejl u nhar bid-dehra stramba ta’ qamar qawwi b’faxxa jew tebgħa skura għaddejja minn nofsu. Għall-ewwel beżgħet li din setgħet kienet illużjoni dijabolika. Imbagħad Sidna Ġesù Kristu dehrilha f’dehra jew ħolma u spjegalha t-tifsira ta’ dik id-dehra: Il-qamar, jirrappreżenta ċ-ċiklu tal-festi fil-Kalendarju tal-Knisja Kattolika. Il-faxxa skura kienet tfisser li kien għad hemm Festa annwali importanti ħafna nieqsa mill-Kalendarju u l-Liturġija tal-Knisja Kattolika: dik ta’ Qima u Devozzjoni profonda lejn tas-Sagrament tal-Ewkaristija Divina.
Il-Papa Benedittu XVI kompla jgħid hekk: “Il-Mulej għenha tifhem it-tifsira ta’ dak li kien dehrilha. Il-qamar kien jissimbolizza l-ħajja tal-Knisja fid-dinja, il-linja opaka, min-naħa l-oħra, kienet tirrappreżenta n-nuqqas ta’ Festa Liturġika li għall-twaqqif tagħha Ġuljana kienet mitluba titlob b’mod effettiv: jiġifieri, festa li fiha dawk li jemmnu jkunu jistgħu jaduraw l-Ewkaristija sabiex jikbru fil-Fidi, javvanzaw fil-prattika tal-virtujiet u jagħmlu riparazzjoni għall-offiżi lis-Sagrament Imqaddes”.
Il-Mulej żvela wkoll li kellha titlob għal dil-Festa speċjali sabiex l-Ewkaristija tkun tista’ tiġi adorata, iżżid il-Fidi fost in-nies kollha, tespandi l-prattika tal-virtujiet, u tagħmel tpattija għall-offiżi li jsiru lejn is-Sagrament Qaddis tal-Ewkaristija.
Billi ma riditx tiġbed l-attenzjoni lejha nnfisha, Ġuljana għall-ewwel kienet iżżomm dawn id-dehriet għaliha nnifisha. Għaldaqstant, hija żammet sigrieta dir-Rivelazzjoni Divina li kienet imlitilha qalbha bil-ferħ għal madwar 20 sena.
Eventwalment, ftit ta’ snin wara, Ġuljana saret soru Norbertina ta’ Mont-Cornillon. Ovvjament, għal xi żmien ma kinitx f’qagħda li tagħmel xi ħaġa fir-rigward tat-twaqqif ta’ Festa Ewkaristika.
Madankollu,Suor Ġuljana ħasset il-ħtieġa li tiftaħ qalbha maż-żewġ nisa devoti ferventi li kienu jaqsmu l-istess devozzjoni lejn Ewkaristika. Waħda minnhom kienet Eva, li kienet tgħix bħala eremita, u l-oħra kienet Isabella, li kienet tgħix fil-monasterju ta’ Mont-Cornillon.
Fis-sena 1225,Suor Ġuljana ġiet eletta Prijura tal-monasterju tagħha u issa rrakkontat id-dehriet tagħha lill-konfessur tagħha, il-Kanonku Ġwanni ta’ Lausanne li kellu ħafna kuntatti fost it-teologi Franċiżi distinti u l-professuri Dumnikani li kienu għal xi żmien jgħixu f’Liège.
Dawn kienu jinkludu lill-Isqof ta’ Liège, Robert de Thourotte; Hugh ta’ Saint-Cher, il-Pirjol Provinċjali Dumnikan għal Franza: u Jacques Pantaleon ta’ Troyes, l-Arċidjaknu ta’ Liège, li kif għidna fl-artiklu preċedenti, aktar tard sar Isqof tad-Djoċesi ta’ Verdun, imbagħad Patrijarka Latin ta’ Ġerusalemm, u wkoll aktar tard ġie elett Papa, b’isem ta’ Urbanu IV, għalkemm ma kienx Kardinal.
Il-Kanonku Ġwanni, bil-permess ta’ Ġuljana, tkellem dwar dawn id-dehriet ta’ Ġuljana ma’ dawn il-mexxejja reliġjużi u teoloġi distinti. Dawn qablu unanimament li fl-ideja u fid-devozzjoni ta’ Festa Ewkaristika ma kien hemm xejn kuntrarju għall-fidi Kattolika, u appoġġjaw it-Twaqqif tad-devozzjoni u l-Festa Ewkaristika.
Malli kisbet l-approvazzjoni tat-teoloġi, Ġuljana ma waqqfitx hemm!
Minflok,fil-fatt bdiet tikteb flimkien mal-Kanonku Ġwanni Uffiċċju Liturġiku ta’ talb u innijiet Ewkaristiċi għall-Festa. Flimkien huma kkomponew il-verżjoni inizjali tal-Uffiċċju Latin, Animarum cibus (Ikel tar-ruħ). Dan l-Uffiċċju bikri jinsab fil-manuskritt kompost, The Hague, Librerija Nazzjonali tal-Olanda (KB 70.E.4).
Eventwalment, fis-sena 1246, l-Isqof Robert de Thourotte waqqaf l-ewwel festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu (Corpus Christi) għad-djoċesi tiegħu stess.
Madankollu, huwa miet aktar tard fis-16 ta’ Ottubru 1246 dik l-istess sena, u qatt ma ra iċ-Ċelebrazzjoni tal-Festa tagħha, għax dil-Festa kienet ġiet iċċelebrata għall-ewwel darba mill-kanonċi ta’ San Martin fis-sena 1247.
Fis-sena 1233, il-monasterju ta’ Ġuljana ġie taħt is-superviżjoni ta’ Superjur Ġenerali, jismu Roger, li kiseb dil-pożizzjoni ta’ Superjur-Ġenerali permezz ta’ intriċċi u tixħim. Billi ma għoġbuhx il-virtujiet u l-qdusija ta’ Ġuljana,u aktar u aktar it-talbiet u l-ħidma tagħha,qanqal u nissel dubji u akkużi inġusti u qarrieqa kontrieha,u xewwex liċ-ċittadini tal-belt kontrieha billi akkużaha li hija ddevjat u serqet il-fondi tal-isptar. Wara, dawn l-akkużi kollha rriżultaw gideb u malfamanti, frott tal-mibegħda ta’ dan Roger lejn Ġuljana
Ġuljana kellha titlaq mill-kunvent u, flimkien ma’ diversi sorijiet oħra, qagħdu bħala mistednin f’diversi monasterji għal għaxar snin,mill-1248 sal-1258.
Wara ingħataw kenn mill-abbatessa ta’ Salzinnes f’Namur.
Iżda aktar tard ir-Re Enriku II tal-Lussemburgu assedja lil Namur, u din l-abbazija ġiet maħruqa.
Flimkien mas-sorijiet l-oħra Ġuljana marret f’monasterju f’Fosses-la-Ville, u baqgħet tgħix hemm sal-mewt tagħha li ġrat fil-5 ta’ April 1258.
Ġiet midfuna f’Villiers- la- Ville.
Aktar tard il-Papa Urbanu IV fl-11 ta’ Awwissu 1264 bil-Bulla tiegħu Transiturus de hoc Mundo, kif rajna fl-artiklu preċedenti, waqqaf is-Solennità ta’ Corpus Christi nhar il-Ħamis wara l-festa tat-Trinità Qaddisa bħala festa universali għall-Knisja Kattolika.
Suor Ġuljana ġiet ikkanonizzata fl-1869 mill-Papa Piju IX.
Fl-okkażjoni tas-750 Anniversarju tal-Festa tas-Solennità ta’ Corpus Christi, il-Papa Ġwanni Pawlu II kien kiteb ittra li fiha għamel referenza għal Santa Ġuljana u fakkar u faħħar il-qdusija u qlubija tagħha u fuq kollox l-Imħabba kbira li hija kellha lejn l-Ewkaristija Divina.