Il-Mirakli Ewkaristiċi (81)
minn Manwel Cutajar
Madwar tliet snin ilu, fis-seba’ artiklu f’dis-sensiela ta’ artikli fuq il-paġna tal-LAIKOS dwar il-Mirakli Ewkaristiċi konna tkellimna dwar il-Miraklu Ewkaristiku li seħħ fis-sena 1263, ġewwa Bolsena, l-Italja.
Peress li dal-Miraklu Ewkaristiku kellu u għad għandu konnessjonijiet teoloġiċi, duttrinali u storiċi kbar mat-tema li qegħdin nitkellmu dwarha daż-żmien, jiġifieri dik tal-Istorja tat-Twaqqif tal-Festa ta’ Corpus Christi, xieraq hawnhekk nagħmlu referenza għal dal-Miraklu.
Għaldaqstant, nerġgħu nirrakkontaw fil-qosor il-ġrajja, iċ-ċirkustanzi, u l-konsegwenzi teoloġiċi, spiritwali u storiċi ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku.
Il-Miraklu Ewkaristiku f’Bolsena
Fis-sena 1263, saċerdot mill-Boemja, Don Pedro da Praga, li ġieli kien jiddubita fil-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija, waqt li kien f’pellegrinaġġ lejn Ruma, waqaf għal-lejl fil-belt ta’ Bolsena, qrib Viterbo, madwar 70 mil fit-tramuntana ta’ Ruma. Mar fil-Knisja ta’ Santa Cristina, qaddisa lokali taż-żmiijiet bikrin tal-Knisja Nisranija.
Kien sema’ dwar l-artal mirakoluż tal-qaddisa, u talab biex jiċċelebra l-Quddiesa fuq dak l-artal.
L-għada filgħodu ċċelebra l-Quddiesa fuq dak l-artal.
Iżda hawn, waqt il-quddiesa, ġrat xi ħaġa tabilħaqq grandjuża, sabiħa u Mirakoluża.
Dil-Ġrajja tinsab kollha miktuba fil-“Kronaka” tad-dumnikan Antonino Pierozzi (1389-1459), Arċisqof ta’ Firenze: “Waqt li l-qassis, Don Pedro da Praga, kien qed jiċċelebra l-quddiesa, fil-mument tal-Konsagrazzjoni l-Ostja bdiet tnixxi d-Demm. Id-Demm waqa’ fuq il-Korporal . Il-qassis, imbeżża’ u xxukkjat, ma kienx jaf x’għandu jagħmel. Keffen sew l-Ostja kkonsagrata fil-Korporal, tewa l-Korporal, u niżel minn fuq l-Artal. Hekk kif kien nieżel, qtar ta’ Demm xterdu fuq l-art tal-irħam quddiem l-artal. Id-Demm tebba’ l-Korporal u dak kollu li kien fuq u qrib l-artal, inkluż it-taraġ.
Il-qassis Pedro, flimkien mal-kanoniċi tal-knisja ta’ Santa Cristina u xi xhieda preżenti għall-Miraklu, marru lejn Orvieto fil-qrib, fejn il-Papa Urban IV kien qed joqgħod hemmhekk għal xi żmien flimkien ma’ membri tal-Kurja Papali. Il-Papa kien qed joqqħod hemmhekk minħabba l-instabbiltà politika u l-gwerra ċivili f’Ruma, li heddew is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Papa .
Don Pedro sogħbien għall-aħħar stqarr mal-Papa Urbanu IV id-dubji tiegħu, u talab għall-maħfra u l-Assoluzzjoni.
Hekk kif il-Papa sema’ b’dil-Ġrajja Mirakoluża, minnufih bagħat lill-isqof ta’ Orvieto Giacomo lejn Bolsena, biex jivverifika l-fatti u jġiblu r-relikwi kollha konnessi ma‘ dal-Miraklu Ewkaristiku.
Mal-konferma tal-veriċità tal-Miraklu, l-Isqof Giacomo, il-kleru u l-poplu ta’ Bolsena ffurmaw u ħadu sehem f’Purċissjoni Ewkaristika Solenni biex iwasslu l-Korporal imtebba’ bid-Demm ta’ Kristu f’Orvieto kif kien talab il-Papa Urbanu IV.
Il-Papa ma stenniex li l-Isqof jasal minn Bolsena. Iżda, huwa, flimkien mal-Kardinali, u dinjitari tal-Knisja u tal-Istat u l-poplu ta’ Orvieto, ħareġ jiltaqa’ mal-Isqof Giacomo.
Iltaqgħu ħdejn il-Ponte Rio Chiaro, (magħruf ukoll bħala l-Pont tax-Xemx) barra Orvieto.
Il-Papa u l-poplu laqgħu u sellmu b’ferħ kbir il-purċissjoni minn Bolsena bil-Korporal mtebba’ bid-Demm ta’ Kristu.
Minnufih, Il-Papa Urbanu niżel għarkopptejh biex jirċievi mingħand l-Isqof Giacomo l-Korporal, u fost l-emozzjoni, l-eżultazzjoni u l-qima ta’ kulħadd, ħa l-Korporal f’purċissjoni lejn il-Katidral ta’ Santa Maria ta’ Orvieto.
Wara l-Papa poġġa il-Korporal fis-Sagrarju fejn għadu esebit hemmhekk, għall-qima ta’ kulhadd f’relikwarju tad-deheb fil-Kappella tal-Korporal”.
Skont it-tradizzjoni popolari, kien dakinhar li n-nies ta’ Orvieto ddeċidew li jibnu l-Katidral akbar u grandjuż b’qima u radd il-ħajr lil Alla għal dal-Miraklu tant Qaddis, u ġewwa fih jinżammu l-Korporal u l-purifikatur, filwaqt li f’Bolsena, fil-knisja ta’ Santa Cristina, jinżammu l-erba’ ċangaturi tal-irħam imtebbgħin bid-Demm li waqa’ fuqhom.
Il-Katidral ta’ Orvieto huwa post ta’ ħafna pellegrinaġġ minn diversi postijiet, fosthom Malta u Għawdex, fejn kull sena, fil-Festa ta’ Corpus Christi tiġi ċċelebrata b’qima kbir b’purċissjoni Ewkaristika Solenni li fiha jieħu sehem eluf ta’ fidili biex jonoraw l-Miraklu Ewkaristiku u japprofondixxu fid-devozzjonijiet tagħhom lejn l-Ewkaristija Divina.
Il-Wirt tal-Miraklu Ewkaristiku
Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Bolsena-Orvieto u t-twaqqif sussegwenti tal-Festa ta’ Corpus Christi ħallew marka li ma titħassarx fuq il-Knisja Kattolika. Dal-Miraklu Ewkaristiku mhux biss indirizza d-dubji ta’ saċerdot wieħed iżda saħħaħ ukoll il-fidi ta’ għadd kbir ta’ insara li jemmnu fil-Preżenza reali ta’ Sidna Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Divina, u ħadha kontra d-diversi ereżiji u duttrini żbaljati u eretiċi dwar l-Ewkaristija li kienu eżistenti fl-Italja u pajjiżi oħra fid-dinja Kristjana u Kattolika f’dawk iż-żminijet.
Il-Festa ta’ Corpus Christi tkompli tkun Ċelebrazzjoni u Tifkira qawwija tal-fidi Kattolika, li tispira devozzjoni qima mill-aktar profonda lejn is-Sagrament tal-Ewkaristija Divina. Il-Miraklu Ewkaristiku huwa u jservi bħala xhieda tal-Misteru profond tal-Ewkaristija, u jistieden lill-fidili Nsara biex jersqu lejn l-Ewkaristija b’Fidi u Imħabba.
Fit-tifkira tal-Festa ta’ Corpus Christi, il-Kattoliċi madwar id-dinja jiċċelebraw il-Preżenza dejjiema ta’ Kristu fl-Ewkaristija, li ġiet manifestata permezz tal-Miraklu f’Bolsena. Din il-festa solenni tibqa’ bħala għelm ta’ Twemmin, billi tressaq lill-fidili Nsara eqreb lejn is-Sors tal-ħajja Sagramentali tal-Knisja u tapprofondixxi l-fehim tagħhom fil-Misteru tal-Ewkaristija Divina.
Dan l-avveniment Mirakoluż kien meqjus bħala affermazzjoni Divina tal-Preżenza Reali u kellu impatt sinifikanti fuq il-Knisja u t-tagħlim tagħha.
Rabta Providenzjali bejn dal-Miraklu Ewkaristiku ta’ Bolsena u id-Dehriet ta’ Santa Ġuljana ta’ Liege
Kemm il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Bolsena kif ukoll il-viżjonijiet ta’ Santa Ġuljana ta’ Liège huma maħsuba li kellhom rwol importanti ferm fid-deċiżjoni tal-Papa Urban IV biex jistabbilixxi l-Festa ta’ Corpus Christi:
Il-Miraklu Ewkaristiku f’Bolsena, fejn saċerdot esperjenza ħruġ ta’ Demm ta’ Kristu mill-Ostja Kkonsagrata, saħħaħ it-twemmin fil-Preżenza Reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija.
Santa Ġuljana, is-Soru ta’ Liège , li kellha viżjonijiet ta’ qamar kwinta b’tebgħa skura, li tirrappreżenta s-sena Liturġika tal-Knisja b’festa ddedikata lill-Ewkaristija. li kienet nieqsa mill-Kalendarju Liturġiku.
Il-Papa Urbanu IV, ispirat minn dawn iż-żewġ ġrajjiet prodiġjużi, stabbilixxa uffiċjalment il-Festa ta’ Corpus Christi fl-1264., bil-Bulla tieghu Transiturus de hoc Mundo. Huwa talab ukoll lit-teologu dumnikan San Tumas ta’ Akwinu,li f’dak iż-żmien kien ukoll f’Orvieto, biex jikteb innijiet Ewkaristiċi għall-Quddiesa u l-Uffiċcju Divin ta’ Corpus Christi, kif se naraw fl-artikli li jmiss.