Festa ta’ żagħżugħ minn tagħna. Omelija tal-Isqof Anton Teuma fil-Festa ta’ San Ġorġ Martri

Il-Ħadd, 20 ta’ Lulju 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ San Ġorġ Martri. Bażilika ta’ San Ġorġ Martri, Victoria.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Jixraq tassew li nagħmlu festa kbira lil dan il-ġuvni, lil dan ir-raġel, lil dan iż-żagħżugħ. Jixraqlu tassew Ġorġi li aħna nduru madwaru, li nitgħaxxqu bih, inħarsu lejh, inħallu x-xbieha tiegħu tidħol fil-moħħ u fil-qalb tagħna. Jixraq tassew, għax dan iż-żagħżugħ mhux żagħżugħ tal-istorja, mhux monument tal-passat. Dan iż-żagħżugħ mhux persunaġġ antik, imma hu modern u attwali, hu żagħżugħ minn tagħna, wieħed minna. U għalhekk jixraq li nagħmlulu festa. Allura m’aħniex nagħmlu festa lill-istorja, m’aħniex nagħmlu festa ta’ xi ħaġa li għaddiet, tal-passat, imma qed nagħmlu festa lil raġel li jfakkarna fis-sejħa tagħna li nagħmlu l-frott. Hekk qalilna l-Vanġelu tal-lum (Ġw 15:1-8): dan iż-żagħżugħ, bit-tagħsir tal-ġisem tiegħu u ta’ demmu, għamel il-frott tad-dielja. Ġab il-ferħ madwaru u fil-persuna tiegħu.

Inkiteb ħafna fuq San Ġorġ. Aktar ma hu persunaġġ antik u jmur ’il bogħod fl-istorja, aktar l-immaġinazzjoni ġriet u kibret. Imma hemm almenu erba’ fatti mill-ħajja tiegħu illi ħadd ma jista’ jmerihom, erba’ mumenti f’ħajtu li huma storiċi u li ġraw tassew.

U jekk qed ngħidu li l-istorja ta’ San Ġorġ mhix fil-passat imma fil-preżent, jekk qed ngħidu li San Ġorġ irnexxielu jagħmel il-frott bil-persuna tiegħu, allura qegħdin ngħidu li dawn l-erba’ mumenti tal-istorja tiegħu huma erba’ mumenti li huma sejħa lill-istorja tagħna, huma vokazzjoni, huma għajta tal-Knisja permezz ta’ dan ir-raġel biex aħna, l-Insara tal-lum – jew almenu aħna li nqisu lilna nfusna bħala Nsara f’dinja pagana, li taħsibha totalment differenti minn kif kienet taħsibha sa ftit snin ilu – irridu nobdu u nisimgħu din is-sejħa li San Ġorġ qiegħed jagħmlilna.

L-ewwel mument: trobbija Nisranija f’dinja pagana

Aħna nafu fiż-żgur li San Ġorġ twieled fis-sena 280, fil-Kappadoċja, fit-Turkija tal-lum, minn familja mħallta. Missieru Ġeronzju u ommu Polikronja ma kinux mill-istess nazzjon. Nistgħu nġibu f’moħħna l-ħafna familji ta’ żmienna li huma wkoll ġejjin u magħmulin minn kulturi u ideat differenti.

Ommu kienet ġejja mill-Greċja. Missieru kien mill-Kappadoċja. It-tnejn li huma, imma, iltaqgħu mal-persuna ta’ Ġesù, u t-tnejn li huma għamlu għażliet importanti f’ħajjithom. Ma ninsewx li qed ngħixu fit-Turkija tal-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu. Qegħdin fi żmien meta l-Kristjaneżmu kien biss irrappreżentat minn komunitajiet żgħar, minn minoranzi, mill-ftit, forsi kif huwa rrappreżentat illum. Dakinhar, bħal-lum, il-Kristjaneżmu veru, dak awtentiku, kien qiegħed jikber.

Anki llum, jiena nemmen li l-Kristjaneżmu veru, id-dixxipli veri ta’ Ġesù qegħdin jikbru. Qegħdin jonqsu l-Insara tal-qoxra, tal-apparenza, l-Insara tar-roti, dawk li jmorru biss il-Knisja meta xi ħadd jeħodhom, fil-Magħmudija, għas-sagramenti tal-Preċett u l-Griżma, iż-Żwieġ forsi, u l-Funeral. Dawk l-Insara, bil-mod il-mod, qegħdin jonqsu, anki fi żmienna, u qegħdin jikbru l-Insara l-oħra.

Proprju f’din is-soċjetà Ġeronzju u Polikronja jrabbu lil dan it-tifel. Irabbuh fil-formazzjoni u fl-edukazzjoni Nisranija. Jien mort inqalleb ftit u nfittex x’jiġifieri formazzjoni Nisranija f’dak iż-żmien, fit-tieni seklu, u ltqajt ma’ Tertulljanu u ma’ Oriġine, żewġ Missirijiet kbar tal-Knisja. Isimgħu x’jgħidulna b’mod sempliċi immens: ‘Il-Kristjan jipprova jiltaqa’ ma’ Alla l-ewwel ħaġa filgħodu u jipprova jiltaqa’ ma’ Alla l-aħħar ħaġa filgħaxija’… It-talb ta’ filgħodu u t-talb ta’ filgħaxija.

Jgħoddx għalina llum dak illi għex San Ġorġ flimkien mal-familja tiegħu? Aħna li ngħidu li aħna Nsara, għandniex bżonn nerġgħu niskopru u nirkupraw it-talb li forsi għaddewlna missirijietna, il-mumenti ta’ talb importanti: it-talba ta’ filgħodu qabel ma tibda l-ġurnata u t-talba ta’ filgħaxija? Għandniex bżonn nerġgħu nirkuprawhom biex inħallu lil San Ġorġ ikellimna tassew, hu illi għex f’din il-klima familjari? Għandniex bżonn nerġgħu, fil-familji żgħar tagħna, aħna li forsi aħna aktar adulti – forsi nanniet, zijiet, ħbieb – inqumu fuq tagħna u nħallu lil Alla jitkellem permezz tagħna? Inħallu lil Ġorġi jtawwal ilsienu u jdejh bina, u jitkellem permezz tagħna, u ngħidulhom lil dawn il-familji żgħar tagħna li mingħajr il-laqgħa tagħna u r-relazzjoni ma’ Alla, il-ħajja tista’ tidher kuntenta u sabiħa, imma nkunu qegħdin nitilfu ħafna.

Oriġine jkompli jgħidilna li l-Insara din il-qawwa ġabuha mill-mument tal-Ewkaristija. Huma jitolbu qabel kull ikla għax kull ikla tfakkarhom fl-Ewkaristija. Fejn hu t-talb tagħna ta’ qabel l-ikel? Aħna forsi familji moderni, li, minkejja li qed ngħixu f’din is-soċjetà, forsi għadna nixtiquh u għadna nħobbuh it-timbru ta’ familji Nsara, ejjew dalgħodu ma nħallux din il-festa tgħaddi, tagħmina bil-ħsejjes, id-dwal u l-kuluri sbieħ tagħha. Ejjew nidħlu fil-profondità tal-messaġġ ta’ dak li jrid iwasslilna Alla permezz tal-Knisja u tal-qaddisin tiegħu.

San Ġustinu, li għex ftit żmien qabel San Ġorġ, jirrakkonta kif l-ewwel familji Nsara kienu jiltaqgħu fid-djar u fil-familji biex jiċċelebraw l-Ewkaristija, b’mod speċjali l-Quddiesa tas-Sibt billejl jew tal-Ħadd filgħodu kmieni. Dik il-Quddiesa tfakkarna f’dak li hu l-aktar importanti għall-Kristjan. Il-Kristjan mhuwiex Kristjan mingħajr l-Ewkaristija tal-Ħadd! Ejjew ma nħalluhiex taħarbilna minn idejna l-Ewkaristija tal-Ħadd. Ejjew nitħeġġu aħna u nħeġġu lill-oħrajn.

Din kienet il-familja ta’ San Ġorġ, il-familja li rabbietu fil-fidi vera Nisranija. Din hija l-ewwel verità li nsibu fl-istorja ta’ San Ġorġ. Jiena nħoss li mhix verità tal-passat, imma hija verità tal-preżent. U għalhekk inħoss li San Ġorġ u l-familja tiegħu mhumiex familja tal-imgħoddi, imma huma familja minn tagħna, bħalna, fostna. Din hija aħbar u sinjal għalina, għalija, għalikom, għal kull wieħed u kull waħda minna, biex inqumu fuq tagħna u l-Kristjaneżmu tagħna ngħixuh bħalu, bħal Ġorġi, bħall-familja tiegħu.

It-tieni fatt: suldat ta’ fiduċja li ta servizz

Aħna nafu li dan ir-raġel tant trabba sew, tant kellu prinċipji sodi, tant trabba b’sens ta’ responsabbiltà, li kien wieħed mill-aħjar suldati Rumani meta mar fil-Palestina, fl-Art Imqaddsa. Ma ninsewx il-Palestina meta nsemmuha bħalissa, u dak li qed jiġri fiha. Ma nagħlqux għajnejna, widnejna u qalbna għal dak l-uġigħ u għat-tbatija kbira li bħalissa għaddejja f’din l-art għażiża ta’ Ġesù.

San Ġorġ kien suldat responsabbli, tant responsabbli li Djoklezjanu, wieħed mill-aħħar imperaturi persekuturi li ppersegwitaw il-Knisja, jagħżlu bħala wieħed mill-uffiċjali tal-milizja l-iktar qrib tiegħu. Kien bniedem ta’ fiduċja.

Issa dakinhar, fi żmien l-imperaturi Rumani, it-tradiment kien xi ħaġa ta’ kuljum. Kienu jieklu bih it-tradiment. Biex wieħed jilħaq flok l-ieħor, il-gwerra tal-poter kienet xi ħaġa li tiġri kuljum fl-Imperu Ruman. Allura biex jiġi magħżul raġel żagħżugħ bħal Ġorġi biex ikun il-bniedem ta’ fiduċja tal-Imperatur, ifisser li dan kien bniedem tassew integru, matur u ta’ prinċipji. Ifisser li dan kien bniedem responsabbli fuq xogħlu, fid-dmirijiet tiegħu, fuq dak li għandu jagħmel.

Jien hawn nagħmel riflessjoni oħra dwar Ġorġi, dan iż-żagħżugħ qalbieni, dan is-suldat li kien jaħdem għall-flus! Il-kelma suldat ġejja mill-kelma sold, għax l-ewwel nies li kienu jitħallsu bil-melħ (sale) kienu s-suldati. Huma l-ewwel nies li daħħlu paga. Għalhekk il-kelma suldat hi soldato, dak illi jitħallas bis-sold, dak illi jitħallas bil-melħ, dak li għandu dritt ta’ rimunerazzjoni, ta’ paga għal dak li jagħmel. Kien jaħdem għall-flus San Ġorġ, mela le, bħalma nagħmlu aħna! Imma kien jaħdem ukoll għax kienet responsabbiltà tiegħu, għax kienet vokazzjoni tiegħu li jkun qaddej, li jaqdi l-pajjiż, lil ħutu, lil sħabu. Inħoss li San Ġorġ qiegħed jgħajjat, jisħaq, iħambaq magħna biex nerġgħu nirkuprawha fil-pajjiż tagħna din id-dimensjoni.

Mhux kulħadd imma, ngħiduha kif inhi! Kemm hemm nuqqas ta’ responsabbiltà waqt xogħolna, f’dak li hu ħin, f’dik li hi kwalità ta’ rendiment – kemm nagħtu, kemm naħdmu, kemm nistinkaw! Kemm aħna ddedikati? Għax l-ewwel u qabel kollox il-flus saru l-ewwel u l-uniku skop ta’ kull ħaġa li nagħmlu. Tgħiduli: ‘Ilna nisimgħuha din’. Veru, ilna nisimgħuha ħafna din li l-flus saru kollox għalina. Imma ħa ngħidilkom xi ħaġa oħra dalgħodu. Mhux il-flus li lill-bniedem jagħmluh kuntent. Tgħiduli: ‘Din nafuha wkoll’. Mela x’jagħmlu kuntent lill-bniedem?

Il-bniedem isib postu fis-soċjetà, iħossu realizzat, iħossu kuntent, iħossu f’postu fil-ħajja, meta jħossu utli għal xi ħadd, meta dak li jagħmel jagħmlu biex jaqdi lill-oħrajn. Tagħmel x’tagħmel f’ħajtek, hu x’inhu x-xogħol, aħna msejħin biex bix-xogħol tagħna ma naħsbux biss fil-but tagħna, imma naħsbu fis-servizz u fil-qadi li rridu nagħmlu lill-oħrajn. Minn hawn tiġi d-dinjità tal-bniedem. Aħna nimmaġinaw li d-dinjità tal-bniedem tiġi min-numri li għandu fil-bank. Le, mhux veru! Id-dinjità tal-bniedem tiġi minn kemm iħossu utli fis-soċjetà, fi kliem ieħor, minn kemm iħobb, minn kemm jagħti, minn kemm jaqdi, minn kemm ħsiebu biex lil min ser jiġi biex jitlob il-bżonn mingħandu jew mingħandha, jaqdih bil-qalb, jagħtih dak kollu li jista’.

Minn hawn tiġi d-dinjità tal-bniedem. Dinjità li inti tħossha, mhux dinjità li tiġi minn xi mkien ieħor. Dinjità li tneħħi kull tip ta’ frustrazzjoni oħra li aħna jkollna meta naħdmu biss għall-flus. Meta taħdem biss għall-flus tispiċċa ffrustrat, qatt m’inti kuntent, qatt m’inti ferħan. U din hija l-esperjenza ta’ ħafna. Tonqosna xi ħaġa aktar profonda. Għax meta ngħidu li x-xogħol jagħti dinjità lill-bniedem ifisser li lix-xogħol, il-qadi tiegħek, il-kapaċità tiegħek, il-kwalità tiegħek tpoġġiha għas-servizz tal-oħrajn, kif għamel Ġorġi, u din lilek tgħinek tħossok f’postok, tħossok xi mkien, tħoss li inti tappartieni għal xi ħadd. Il-bqija nħossuna ħafna nies f’kompetizzjoni ma’ xulxin, nibżgħu minn xulxin, b’suspetti kbar lejn xulxin u kulħadd jaħseb biss għal butu, kulħadd jaħseb biss għal rasu. Huwa l-estrem, imma jekk ma noqogħdux attenti, bil-mod il-mod ’l hemm immorru.

It-tielet fatt: bniedem tal-qalba li ma ddejjaqx jisfida

It-tielet fatt mill-istorja ta’ Ġorġi hu li kien tal-qalba mal-Imperatur, kien ta’ ġewwa mal-Imperatur. Imma dan l-Imperatur Djoklezjanu, f’waħda mill-eħrex persekuzzjonijiet tal-Knisja, l-aħħar waħda, ifettillu fis-sena 303 joħroġ l-editt li bih jerġa’ għal darb’oħra, bħal ħafna imperaturi ta’ qablu, jitlob li kulħadd, b’mod speċjali l-Insara, jagħtu qima lill-Imperatur u lill-allat. U din Ġorġi ma qagħadx għaliha.

Issa ppruvaw irriflettu ftit! Dan Ġorġi kien il-bniedem tal-fiduċja tal-Imperatur, mill-grupp intimu tiegħu. U jkun kapaċi jmur kontra l-kelma tal-Imperatur! Kapaċi nagħmilha jien? Kapaċi tagħmilha int bħalissa, fis-soċjetà u fid-dinja li qed ngħixu fiha bħalissa? Jew is-sens ta’ appartenenza jdallmilna moħħna, iċajprilna għajnejna, u nibdew nirraġunaw bħall-massa? Għax dak il-grupp li jien għalih nappartieni jirraġuna b’dan il-mod, allura anki jien nirraġuna b’dak il-mod.

Fejn hu l-Kristjaneżmu tagħna? Fejn hu l-ferħ li qegħdin inħossu llum fil-Festa ta’ San Ġorġ? Fejn hu, jekk jien imbagħad inkun favur l-abort u favur l-ewtanasja? Hemm bżonn li niddeċiedu. Mhux qed ngħidlek iżżommx mal-ewtanasja. Mhux qed ngħidlek tkunx favur l-abort – avolja dak diġà ħażin! –, imma kun koerenti u għid: ‘Hawnhekk (fil-Knisja) mhux posti, għax dawn in-nies ma jemmnux fl-abort, dawn in-nies ma jemmnux fl-ewtanasja. Hawnhekk mhux posti’.

Inkunu koerenti, jew almenu, jekk għandna mistoqsijiet, infittxu, nistaqsu. Inkella nkunu iktar Insara tal-qoxra, li bil-mod il-mod qegħdin imajnaw u jonqsu, imma ma nkunux Insara ta’ veru bħal dawk li kienu jikbru fi żmien Ġeronzju u Polikronja, fi żmien Ġorġi meta kien għadu żgħir.

Kif jista’ jkun jien, Kristjan, ngħaqqad flimkien id-disprezz lejn il-ħajja u l-quddiesa tal-Ħadd? Kif jista’ jkun jien ngħaqqad flimkien li nkun favur l-abort u li nemmen f’Alla u f’Ġesù Kristu? Tgħidli: ‘Ma nifhimix’. Għandek kull dritt li ma tifhimx għalfejn l-abort ħażin. Għandek kull dritt li ma tifhimx għalfejn l-ewtanasja assistita ħażina. Imma staqsi, fittex, idħol fil-fond. Ma joqogħdux flimkien. Hemm xi ħaġa li mhix sew. Tant drajna fi skiżofrenija soċjali, tant drajna ngħixu f’kontradizzjonijiet, li l-moħħ tagħna jibda jgħix b’dak li ngħidulu splitting, b’mod separat: issa qiegħed il-knisja, imbagħad qiegħed il-każin, imbagħad mal-ħabiba, u mbagħad mal-familja!

Fejn hi l-koerenza tagħna bħala Nsara? Fejn hi l-qawwa ta’ dak il-bniedem li għalkemm kien ħabib u bniedem tal-fiduċja ma’ Djoklezjanu, ikun kapaċi jgħidlu: ‘Le, ħabib, hekk le issa!’. U jitlaq Ġorġi. Dan hu dak li qed niċċelebraw dalgħodu, ħuti għeżież. Dan hu l-kobor ta’ dan il-bniedem, din hi s-sbuħija tiegħu. Din hi l-istorja tiegħu. Dan hu s-sabiħ ta’ bniedem kbir!

Naf li mhux diskors faċli. Qalilna l-ktieb tal-Apokalissi (7:9-17), San Ġwann fl-immaġinazzjoni tiegħu fuq il-gżira ta’ Patmos, li kulħadd beda jistagħġeb meta raw lil dawn deħlin bl-ilbies l-abjad. Minn huma dawn? Dawn ħaslu lbieshom fid-demm tal-Ħaruf. U mhux faċli taħsel ilbiesek fid-demm tal-Ħaruf! Imma dan hu l-Kristjaneżmu, din hi s-sejħa li qed jagħmlilna Ġesù llum permezz ta’ dan ir-raġel, mingħajr ma nkunu integralisti. Imma ma nistgħux nibqgħu nkunu b’sieq ’l hawn u sieq ’l hemm kontinwament, mingħajr ma nieħdu deċiżjoni, għax hekk jaqblilna.

Ir-raba’ fatt: Ġorġi jagħti ġidu u lilu nnifsu

Ir-raba’ u l-aħħar fatt: il-martirju ta’ Ġorġ. Imma flimkien miegħu nixtieq ukoll infakkarkom li qabel ma ta lilu nnifsu, qabel ma ta ħajtu, Ġorġi ta ġidu kollu. Allura, tgħiduli, Ġorġi qiegħed isejħilna biex nagħtu ġidna lill-oħrajn? Le. Ġorġi qiegħed jgħidilna, almenu, biex inkunu aktar komunità, biex naħsbu ftit aktar fl-oħrajn. Ġorġi qed jgħidilna, almenu, biex inkunu anqas egoisti.

Aħna l-Insara qed ngħixu f’dinja ta’ egoiżmu, qed ngħixu f’dinja fejn kulħadd jgħid: ‘l-ewwel jien, imbagħad jien, imbagħad jien’. Naf li qegħdin ngħixu f’din id-dinja, imma Ġesù lilna qiegħed isejħilna, illum aktar mill-bieraħ, biex inkunu differenti. Il-Kristjan hu msejjaħ biex ikun differenti. U rridu nkunu konxji minn din id-differenza. ‘Jien Kristjan!’… irridu nibdew ngħiduha. Anzi, kien messna ilna li bdejna ngħiduha. ‘Jien Kristjan. Jien ma naħsibhiex b’dak il-mod għax jien Kristjan, jien ta’ Ġorġi. Ma naħsibhiex b’dak il-mod’.

Għaliex qed ngħidu dan? Għax fid-dinja li qed ngħixu, l-egoiżmu kiber tant illi kollha kemm aħna sirna bil-mentalità li nkun sew jien, li noqgħod sew jien, u qegħdin ninsew lil ta’ madwarna. Ħa nġibilkom ftit eżempji żgħar ħa niftiehmu, minn dak li qed jiġri madwarna. Kull meta tiġri traġedja familjari, personali, nazzjonali, anki f’pajjiżna stess, x’jitla’ l-ewwel? Araw fuq il-midja soċjali. Il-bżonn li nieħdu aktar ħsieb xulxin, li nkunu attenti aktar għal xulxin, li nkunu hemm meta jkun hemm persuni f’diffikultà. Dawn huma l-karatteristiċi tal-Insara. Dawn huma l-karatteristiċi ta’ Ġesù. Minn fejn jagħrfuna li aħna dixxipli ta’ Ġesù? Mill-imħabba ta’ bejnietna. Minn fejn kienu jagħrfuhom l-ewlenin Insara li kienu dixxipli ta’ Ġesù? Mill-imħabba ta’ bejniethom.

Allura din il-ġenerożità ta’ Ġorġi li jagħti lilu nnifsu, li jagħti l-ġid tiegħu, lilna almenu trid tfakkarna li aħna għandna sejħa bħala Kristjani li nkunu attenti għal xulxin. Ftit żmien ilu kellna anqas flus, konna anqas komdi, imma konna aktar familja. Għax hija awtomatika li meta jikber il-ġid, insiru aktar egoisti. Kull meta u aktar ma jidħlu l-flus, aktar nibdew naħsbu fina nfusna u aktar il-ħsieb tal-ieħor jew tal-oħra jitbiegħed mill-qalb tagħna. Din mhix deċiżjoni li nagħmlu, imma hija għażla inkonxja li ssir mingħajr ma nindunaw. Hija attitudni awtomatika li kull bniedem jieħu meta jħossu li għandu ftit aktar.

Dan ifisser li aħna l-Kristjani rridu nkunu ħafna aktar attenti għall-bżonnijiet ta’ xulxin. Irridu nkunu iktar attenti għall-anzjana li hemm toqgħod fit-triq tagħna. Irrid inkun aktar attent għal dak jew dik jew l-ieħor li naf li għandhom bżonn, li għaddejjin minn mumenti iebsa u diffiċli tal-ħajja. Irridu nkunu aktar attenti b’mod speċjali għaż-żgħażagħ u għall-adolexxenti, f’dawn il-mumenti delikati.

Ma ninsewx li qed ngħixu f’soċjetà li ma tantx għadha tikkura u tieħu ħsieb dak li l-aktar hu importanti fil-familja. Meta tonqos il-familja, tkun qed tonqos il-bażi, tkun qed titneħħa l-art minn taħt saqajn it-tfal tagħna u ż-żgħażagħ tagħna, u jispiċċaw verament iperpru, jgħixu fis-sħab. Meta neħħejtilhom il-familja, int neħħejtilhom il-bażi li fuqha jistgħu jpoġġu, li fuqha jistgħu jagħmlu l-passi, żgħar jew kbar, ’il quddiem. Meta neħħejna l-familja, neħħejna dan kollu.

Ejjew nitolbu lil San Ġorġ dalgħodu biex jagħtina, l-ewwel u qabel kollox, li nerġgħu nitħeġġu bħala Nsara f’dinja li m’għadhiex Nisranija, f’Malta li m’għadhiex Nisranija. Ma niddejjaqx ngħidha: bħala Nsara f’Malta li m’għadhiex Nisranija. Ejjew aħna nagħmlu differenza. Ejjew l-ewwel u qabel kollox inkunu attenti għall-familji tagħna. Inrabbu lit-tfal tagħna fil-fidi Kristjana. Inrabbu lit-tfal tagħna fil-biża’ ta’ Alla, mhux fit-twerwir imma bil-preżenza ta’ Alla ġo nofshom. Inrabbu lit-tfal tagħna għad-dell tal-parroċċi. Inrabbu t-tfal tagħna fil-katekiżmu. Kemm hu importanti l-katekiżmu! Inrabbu t-tfal tagħna fil-Quddiesa tal-Ħadd.

U hekk, jista’ jkun li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar aħna l-Insara jkollna nies responsabbli, irġiel u nisa li tista’ torbot fuqhom, kif kien Ġorġi; nies li kapaċi ma jħallux il-partit jew is-sens ta’ appartenenza tagħhom itappnilhom u jċajprilhom għajnejhom u jibdew jgħixu mod ieħor minn dak li fil-fatt u fil-fond ta’ qalbhom jemmnu. Nies li jkunu ġenerużi, li ħsiebhom f’xulxin, li jħobbu lil xulxin. Mhux qed nippretendi li dan id-diskors jgħodd għal Malta jew Għawdex kollu.

Ħuti għeżież, hekk il-Festa ta’ Ġorġi ma tkunx festa ta’ statwa, ma tkunx festa ta’ persunaġġ tal-passat, imma tkun il-festa ta’ żagħżugħ minn tagħna llum.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading