Omelija fil-Festa tal-Martirju ta’ San Ġwann Battista
Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Il-Ġimgħa 29 ta’ Awwissu 2025
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex
L-UMILTÀ HI VERITÀ FIR-RELAZZJONIJIET
Xi snin ilu ġiet riċerka f’idejja li kienet saret fl-Istati Uniti tal-Amerika. Fost l-oħrajn fil-konklużjonijiet tagħha nstab illi fi Stat żgħir fl-Amerika kien hemm l-inqas depressjoni, kien hemm l-inqas mard terminali, l-inqas diffikultajiet bejn il-ġenituri u t-tfal u fl-iskola, u inqas problemi anki ekonomiċi. Meta l-istudjużi marru jfittxu r-raġuni għalfejn kien hemm dan, sabu li f’dan l-Istat il-familja kienet b’saħħitha ħafna.
Illum qegħdin niċċelebraw il-Qtugħ ir-Ras ta’ Ġwanni l-Battista. Imma aktar mill-qtugħ ir-ras, aktar mill-att fih innifsu, qegħdin niċċelebraw lil xi ħadd illi ta ħajtu għat-tisħiħ tal-familja, għall-valuri l-iktar importanti tal-bniedem. Il-Qari li smajna – l-Ewwel Qari minn Ġeremija (1:17-19) u t-Tieni Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lil Timotju (4:1-8) – kollu kemm hu jinsisti biex aħna ngħidu l-verità. Lil Ġeremija Alla jgħidlu: ‘Tibżax minnhom għax inkella nbeżżgħek jien quddiemhom; u ‘nagħmlek belt fortizza, kolonna tal-ħadid, ħajt tal-bronż, nagħtik il-qawwa biex tgħid il-verità’. L-istess San Pawl lil Timotju jgħidlu: ‘Wissi, widdeb, ċanfar, fi żmienu barra minn żmienu’, u saħansitra jasal biex jgħidlu li għad jiġi żmien illi l-verità li jxandar hu jqisuha bħala ħrejjef u l-ħrejjef jibdew jinżlu għarkupptejhom u jadurawhom. Forsi qegħdin ngħixu f’dan iż-żmien!
L-ebda familja ma hi perfetta
Il-familja hi importanti għax minnha tiddependi s-serenità tal-qalb tal-bniedem, kemm inkunu fil-paċi jew le, kemm inkunu sew jew le. Aħna nkunu sew jew le daqskemm nitwieldu, nikbru u ngħixu f’ambjent li jagħtina l-konvinzjoni illi aħna maħbubin u l-kapaċità li nħobbu. Din hija s-serenità: ma jagħtuhilniex il-flus, ma tagħtihilniex il-proprjetà, ma tagħtihilniex il-pożizzjoni, imma tagħtihielna ċ-ċertezza illi aħna nitwieldu, nikbru u jekk Alla jrid ngħixu u nibqgħu fiha: illi aħna maħbubin, aħna ta’ min iħobbna. Il-problema l-kbira tagħna, li ddejjaqna u tmarradna, hi l-mistoqsija: ‘Imma jien ta’ min iħobbni jew le?’. U minħabba f’din il-mistoqsija kultant nagħmlu ħafna trampi u kummiedji.
Issa intom tafu iktar minni illi l-ħajja tal-familja mhix ward u żahar, imma fiha d-diffikultajiet u l-problemi tagħha. Inkunu għomja u ma nkunux ta’ veru jekk ngħidu illi teżisti xi tip ta’ familja li m’għandhiex diffikultajiet jew problemi. Inkunu nidħku bina nfusna. U allaħares xi ħadd minna jidħol għaż-żwieġ bl-idea illi issa daqshekk problemi, li issa mhux se jkun hemm iktar diffikultajiet. B’xorti ħażina din hija illużjoni, idea żbaljata illi llum ħafna miż-żgħar tagħna jidħlu għaliha. ‘Kelli ħafna problemi meta kont id-dar ma’ missieri u ommi, dejjem jiġġieldu; mela nfittex li nitlaq mid-dar, insib tfajla li nħobbha u li tħobbni, biex ma jkollniex iktar problemi’… Jekk jien nitlaq b’din l-idea, mal-ewwel problema li se jkolli fid-dar, x’se nagħmel? Ħa ngħidilha ‘saħħa’ lill-mara, lir-raġel tiegħi, għax tlaqt bl-idea illi jien mhux se jkolli diffikultajiet u problemi fid-dar.
Allura meta San Ġwann Battista lil Erodi kien jgħidlu li ma jistax iżżommha għandu lill-mara ta’ ħuh (Mk 6:17-29) – fi kliem ieħor, ‘int ħu ħsieb il-mara tiegħek u ħalli lil ħuk jieħu ħsieb il-mara tiegħu’ – x’kien qiegħed jgħidlu? X’jiġifieri nieħdu ħsieb xulxin? X’jiġifieri naħdmu u nistinkaw biex il-familja tagħna tkun verament bejta li tagħti paċi u mħabba lil kull membru li hemm fiha, lil kull persuna li tagħmel parti minnha?
Ma nistax nippretendi li fi ftit ħin nitkellem magħkom dwar kif għandna naħdmu u nistinkaw biex insaħħu l-familji tagħna. Imma jixraq li xi affarijiet żgħar ngħiduhom illejla, b’mod speċjali għal dawk il-familji li għaddejjin minn maltempati, minn diffikultajiet, minn problemi.
Mela l-ewwel riflessjoni importanti li semmejna hija din: m’hemm l-ebda familja perfetta. Il-familji huma konkreti, magħmula min-nies tad-demm u l-laħam. Aħna ngħidu li anki l-imsaren ikollhom fuq xiex igorru, aħseb u ara n-nies! Allura se jkun hemm kunflitti bejnietna. Imma liema huma dawk l-atteġġjamenti, dispożizzjonijiet u virtujiet li aħna rridu nistinkaw u naħdmu ħafna fuqhom biex ir-relazzjoni fil-familja mhux tiddgħajjef u jiġrilha bħalma ġralha r-relazzjoni bejn Erodi u martu u Filippu u martu, imma tissaħħaħ?
L-umiltà
L-ewwel u qabel kollox hemm bżonn nikbru lkoll kemm aħna f’dik li ngħidulha l-umiltà; jew kelma oħra flok l-umiltà, li inqas tbeżża’, hi l-kelma verità. L-umiltà hija verità. X’jiġifieri umiltà? Il-kelma umiltà ġejja minn kelma bil-Latin humus, li tfisser demel. U minn hemm ġejja l-kelma bniedem, uman. Issa tgħiduli: ‘Aħna daqshekk baxxi, daqshekk ’l isfel?’. Le, m’aħniex daqshekk ’l isfel, għax aħna għandna l-Ispirtu ta’ Alla fina; imma dik il-parti baxxa tagħna, dik ma rridux ninsewha. Irridu nkunu konvinti illi aħna dgħajfin, irridu nitilqu minn dik il-konvinzjoni li kollha kemm aħna dgħajfin. Għax meta jien ma nimliex rasi, meta jien inkun naf lili nnifsi u sakemm kapaċi nasal, jiġifieri d-dgħufijiet tiegħi, allura l-ewwel u qabel kollox noqgħod ħafna attent biex ma nittarrafx, biex jekk jien taqbiżli ħafna, meta nħoss ir-riefnu ġej, jien nara kif nagħmel: jew noħroġ ’il barra, jew nipprova nikkalma ftit, jew nitbiegħed. Għax naf lili nnifsi u l-esperjenza għallmitni illi jekk jien ma ma niġbidx il-brejkijiet, ser inkisser, se nagħmel il-ħsara. Allura l-umiltà, il-verità, titlobni biex jien noqgħod attent fuqi nnifsi.
L-umiltà lili tgħinni wkoll naċċetta li l-ieħor kapaċi jiżbalja bħali. Ħafna drabi jiġrilna li meta l-ieħor jagħmel żball, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt! Ma naħfirlu jew ma naħfrilha qatt! U mingħalija li nkun qed nagħmel sew ma naħfirlux jew ma naħfrilhiex. Meta jien ma naħfirx lil min jiżbalja, b’mod speċjali fil-familja, mingħajr ma ngħajjat, inkun qiegħed ngħid f’qalbi: ‘Jien żgur mhux ħa nagħmel bħal dan, jien żgur mhux se niżbalja qatt, jien żgur li l-persuna li għandi quddiemi mhux ser inweġġagħha qatt’. Xi ħaġa li ma tistax tkun!
Għalhekk l-umiltà hija l-verità! Jekk jien mingħalija li l-ieħor biss iweġġagħni u jien qatt ma nweġġgħu, jien m’iniex veru, m’iniex vera miegħi nnifsi. Jien qiegħed nistaħba xi mkien. Jien qed ngħatti d-dgħufijiet u l-iżbalji tiegħi. Allura l-umiltà hi tant importanti għax tgħinna biex minflok nagħlqu u narmu kollox, meta xi ħadd jiżbalja, ngħidu: ‘Mela inti dgħajjef u jiena dgħajfa, mela aħna dgħajfin it-tnejn; ejja nippruvaw nikbru flimkien fl-aċċettazzjoni ta’ xulxin, fl-imħabba ta’ xulxin, fl-għotja tagħna lil xulxin’. U dan hu li jagħtina l-paċi.
Jien naħseb li qed nitkellem ma’ nies li għandhom ħafna esperjenza, forsi iktar minni. Imma ħafna miż-żgħar tagħna, forsi ħafna minna, b’xorti ħażina mmorru bl-idea illi jekk jien għalaqt kapitlu u ftaħt ieħor, jekk jiena għalaqt ma’ xi ħadd u se niftaħ ma’ xi ħadd ieħor, issa dak il-kapitlu kien f’dinja oħra, dak mhux se jibqa’ jeżisti. Kemm inkunu żbaljati meta naħsbu hekk! Kemm immorru żmerċ meta mingħalina li issa l-passat spiċċa u għadda! Il-passat jagħmel parti minn ħajjitna u nibqgħu nġorruh, nibqgħu ngħixuh, u jekk ma noqogħdux attenti kif nittrattaw miegħu u kif nirrikonċiljaw ruħna miegħu, itaqqalna aktar milli konna mtaqqla meta konna ġo fih. Hija l-esperjenza din. Għalhekk l-umiltà!
Ir-relazzjoni ma’ Ġesù
It-tieni parir li nixtieq inħallilkom illejla huwa li jkollkom relazzjoni mal-persuna ta’ Ġesù. Hija r-relazzjoni mal-persuna ta’ Ġesù li kull membru tal-koppja u tal-familja jkollu, illi qisha t-termometru li jurik jekk għandekx deni jew le. Imma mhux biss! Hija l-vitamina, il-qawwa, l-enerġija li tgħinna nħobbu, naħfru, nerġgħu nibdew, naċċettaw il-persuna dgħajfa li hemm quddiemna u l-persuna dgħajfa tagħna stess.
Hija din ir-relazzjoni ma’ Ġesù li b’xorti ħażina fi żmienna qegħdin nittraskuraw, għax qed inqisuha bħala xi ħaġa żejda. U jaħasra qegħdin immorru nfittxu s-soluzzjoni f’affarijiet li jikkumplikaw ħajjitna minflok isolvuhielna. Jekk jien għamilt għomri naħdem għall-flus u hu għamel għomru jaħdem għall-flus, u spiċċajna mifrudin minn xulxin, dawk il-flus li aħna ħdimna għalihom u ħsibna li se jsalvawna u se jsalvaw ir-relazzjoni, l-imħabba ta’ bejnietna, il-familja, dawn jispiċċaw biex iktar jindannawna meta niġu biex kulħadd imur għal rasu. U dak li mingħalik se jgħinek biex issolvi, ikissrek.
Hija l-persuna ta’ Ġesù, ir-relazzjoni tagħna miegħu, is-smigħ tal-Kelma – li saħaq tant fuqha San Pawl ma’ Timotju – li lilna jpoġġuna f’postna, jgħinuna nindunaw fejn qegħdin fil-kwadru. Wara li tmur ir-rabja, wara li jmorru dawk l-emozzjonijiet ta’ mibegħda u ta’ wġigħ fil-qalb, hemmhekk nindunaw tassew aħna min aħna fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla.
Għalhekk ejjew ilkoll kemm aħna llum nitolbu bl-interċessjoni tal-Battista, li huwa l-Patrun mhux biss tar-raħal tagħkom imma wkoll ta’ kull familja, ta’ kull relazzjoni ta’ fedeltà, ta’ kull relazzjoni li tibqa’. Nitolbuh l-ewwel nett għalina, għall-familji tagħna, imma wkoll għal ħafna familji oħra illi tkissru, mhux tort tagħhom, mhux għax huma ħżiena, imma minħabba l-mod ta’ kif ġraw il-ġrajjiet, kif żvolġiet ruħha l-istorja. Mingħajr ma nikkundannaw jew niġġudikaw lil ħadd, ejjew nitolbu biex ilkoll kemm aħna, bid-dawl li tagħtina l-Kelma li nisimgħu, bid-dawl li jagħtina Ġesù, ikollna dan l-ispirtu ta’ umiltà li jżommna saqajna mal-art fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.