Vanġelu Politiku. Omelija tal-Isqof Anton Teuma f’Jum il-Vittorji

Il-Ħadd, 7 ta’ Settembru 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa tal-Kommemorazzjoni Nazzjonali ta’ Jum il-Vittorji. Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, Xagħra.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Eċċellenza, għażiż Sindku, kunsilliera, Onorevoli Ministri, persuni distinti, Arċipriet, ħuti saċerdoti u intom ilkoll Insara, il-Festa t-tajba lil kulħadd.

Forsi dan il-Vanġelu (Mt 1:1-16,18-23) mill-ewwel jagħlqilna l-ħitan ta’ moħħna. Ngħidu: ‘Ismijiet ħa nisimgħu. X’nistgħu nieħdu minn dan?’. X’jgħidilna dan il-Vanġelu b’mod speċjali f’din l-okkażjoni?

Ma nafx hux b’kumbinazzjoni, imma huwa Vanġelu profondament politiku. Il-lista tal-ismijiet kollha hi ta’ slaten, mexxejja li kienu fir-responsabbiltà tal-poplu ta’ Iżrael. Allura diġà din tpoġġina f’perspettiva differenti, b’mod speċjali dalgħodu. Tant hu politiku li San Mattew qagħad attent illi jgħid: “Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, Bin David, bin Abraham” (v. 1). Abraham ġie ħafna qabel David, imma billi David kien is-sultan, u billi San Mattew għandu f’moħħu li jippreżenta lil Ġesù bħala sultan u politiku, allura jsemmi lil David l-ewwel.

Il-Lhud għandhom mod differenti minn tagħna kif iħarsu lejn l-ismijiet. Aħna nifhmu t-tifsira tal-isem, l-etimoloġija. Il-Lhud jifhmu l-valur numeriku tagħhom. Kull ittra, kull konsonanti għandha valur numeriku. Il-valur numeriku tal-kelma Lhudija david – dawid – huwa n-numru 14. Smajnieh jidwi fil-Vanġelu tal-lum: “Minn Abraham sa David, erbatax-il nisel; minn David sal-eżilju ta’ Babilonja, erbatax-il nisel; u mill-eżilju ta’ Babilonja sal-Messija, erbatax-il nisel” (v. 17) Fil-verità mill-eżilju ta’ Babilonja sa Ġesù hemm 13-il nisel!

Kull mexxej ħolqa f’katina

Huwa Vanġelu profondament politiku li jmiss fil-qalba tal-qalb tagħna lil kollha kemm aħna li għandna xi tip ta’ awtorità. L-ewwel impressjoni li tieħu minnu hi li kull sultan imsemmi hu sempliċement ħolqa ġo katina twila. Allura, allaħares xi sultan jew mexxej – u sa ċertu punt anki jien u s-saċerdoti, u mhux dawk li huma fl-awtorità ċivili biss – jimla rasu li kollox idur miegħu. Allaħares nimla rasi li d-dinja bdiet miegħi u ser tispiċċa miegħi, għax inkun żbaljat bl-ikrah. Jien sempliċement ħolqa ġo katina twila. Jien sempliċement isem fost ħafna nies oħra li ġew qabli u oħrajn li ġejjin warajja, illi aħna msejħin inwettqu x-xogħol u l-ħidma tagħna. U l-Vanġelu jgħidilna liema hi l-ħidma tagħna.

Qadi ċivili u tal-fidi id f’id biex ninbnew fuq il-mudell ta’ Ġesù

F’dan il-Vanġelu, San Mattew għandu filosofija partikulari li tista’ tgħinna kollha kemm aħna. L-ewwel u qabel kollox, jagħraf illi kull sultan għandu effetti fil-ħidma tiegħu anki fl-aspett spiritwali tal-poplu. Ma jistax il-politiku jħares biss lejn l-aspett materjali. Dak importanti, imma meta l-aspett materjali, il-benessri ekonomiku u tan-nies jispiċċa biex jeskludi u jwarrab fil-ġenb, jew b’xorti ħażina jipprova jissostitwixxi d-dimensjoni spiritwali tal-bniedem u l-mistoqsijiet profondi li għandu, is-servizz tal-politika ma jkunx kif jixraq u sħiħ kif għandu jkun.

Bil-maqlub, jekk is-servizz tagħna s-saċerdoti li nippruvaw inħarsu u ngħaddu l-fidi, nirriservawh biss għall-aspett spiritwali – spiritwaliżmi maqtugħin mill-art –, aħna ma nkunux qegħdin nagħmlu servizz lill-fidi. Ġesù kien bniedem politiku, mhux fis-sens partiġjan imma fis-sens li l-kelma, il-messaġġ u x-xhieda tiegħu jħallu effett fuq il-polis, fuq il-belt, fuq il-mod ta’ kif ngħixu, fuq ir-relazzjonijiet.

Allura dan ifisser illi dawn iż-żewġ tipi ta’ servizziil-qadi ċivili u l-qadi tal-fidi – iridu jaħdmu id f’id bi skop wieħed għall-ġid tal-bniedem sħiħ. Il-bniedem mhux ġisem biss, mhux ruħ biss, imma ġisem u ruħ. Aħna nemmnu tassew li Ġesù Kristu ġie jsalva l-bniedem bil-ġisem u bir-ruħ. Ma ġiex isalva r-ruħ biss. Ma ġiex isalvana għal dinja oħra. Jekk aħna nirriflettu ftit bis-serjetà fuq il-Beatitudnijiet, dawn huma regoli ta’ din il-belt, ta’ din id-dinja, huma regoli tagħna, għalina. Il-‘henjin’ ma tgħoddx għal wara li mmutu u mbagħad min jaf x’jiġri, imma għalina.

Jekk qed ngħidu li f’dan il-Vanġelu li qrajna hemm filosofija politika, din toħroġ ċara u b’mod sabiħ immens, għax San Mattew ried jgħidilna li fl-aħħar mill-aħħar dawn il-mexxejja li segwew wieħed wara l-ieħor lil xulxin, spiċċaw biex taw il-ħajja lil Ġesù. Hawn San Mattew għandu ħsieb profond u sottili li jien inħoss li lilna lkoll jista’ jgħina ħafna.

San Mattew qed jgħidilna li fl-aħħar mill-aħħar, il-bniedem ikun tassew bniedem, tassew ħieles u jilħaq l-umanità tiegħu meta jinbena bil-mod il-mod fuq il-mudell li tana l-Missier, dak ta’ Ġesù, meta kollha kemm aħna nimxu lejn il-persuna ta’ Ġesù fil-maturità umana, finanzjarja, ekonomika, psikoloġika u spiritwali tagħna. Ġesù hu l-mudell tal-bniedem. Forsi tidher stramba li lkoll kemm aħna, nagħmlu x’nagħmlu fil-polis, fil-politika, anki aħna fil-Knisja, inħawdu u ngerfxu kemm ingerfxu, hemm pjan li hu aktar profond, li jmur lil hinn minn dak li naraw aħna, mid-deċiżjonijiet li nieħdu aħna, li jrid iwassal lill-bnedmin għall-milja tagħhom f’Ġesù. U dan hu li ser jiġri.

Pjan ta’ salvazzjoni

Tgħiduli: ‘Allura aħna determinati’. Le, m’aħniex. Aħna għandna l-libertà li permezz tagħha nistgħu nagħżlu li nimxu skont dan il-pjan jew inkella nitbiegħdu minnu. Imma aħna tikka, kif qalilna l-Ewwel Qari (Mik 5:1-4a)! Qabel konna ngħidu li d-dinja kbira, imma llum m’għadniex ngħidu hekk. U aħna fejn qegħdin? Aħna tikka, Malta tikka! U aħna kull wieħed u waħda minna, tikka fuq tikka! U d-dinja hi tikka fl-univers! Imbagħad jien immur nimla rasi li ser niddeċiedi, ser nagħmel għażliet, ser immexxi!

Hemm pjan li huwa wisq aqwa minn dak li naraw b’għajnejna, wisq akbar minn dak li aħna niddeċiedu u naħsbu. Hu pjan ta’ ħelsien, ta’ salvazzjoni għall-bnedmin, għalina kollha kemm aħna, li jaħrabilna minn idejna. Aħna nistgħu nikkollaboraw f’dan il-pjan jew intellfuh. Għandna sehem fih. Imma l-Missier lil kull wieħed u waħda minna ħalaqna għall-ħelsien, għal dik li ngħidulha s-salvazzjoni, għall-milja tal-umanità tagħna. Irridu jew ma rridux, aħna maħluqin biex ġurnata nidħlu fl-hena, fil-milja tal-Missier. Aħna mingħalina li qed nieħdu deċiżjonijiet liberali, li qed nagħmlu għażliet li ma jaqblux mal-fidi, imma nagħmlu x’nagħmlu u nagħżlu x’nagħżlu, illum jew għada aħna mexjin f’dik id-direzzjoni. Aqraw filosfi politiċi, veri, tajbin, u araw jekk jaqblux ma’ dak li qiegħed ngħid jien b’xi mod jew ieħor. Dan ifisser illi jekk aħna nagħmlu għażliet skont il-Vanġelu, ser igawdi l-poplu. Jekk aħna nagħmlu għażliet li lill-bniedem iressquh lejn Ġesù u mhux ibegħduh minnu, aħna ser ngħinu lill-bniedem jilħaq il-qofol tal-umanità tiegħu.

Tgħiduli: ‘Aħna kultant ikollna nimxu fejn irid il-poplu’. Ġustament, għax id-demokrazija hekk titlob. Imma intom tafu, bħali jew aktar minni, illi ħafna drabi aħna rridu min jiftħilna għajnejna, għax faċli ħafna nilbsu nuċċali li jġagħalna naraw sa mneħirna jew ftit lil hinn minnu. Faċli ħafna nippruvaw insolvu l-problemi ta’ issa u jiġrilna li noħolqu aktar problemi għal imbagħad. Imma l-importanti li bħalissa l-poplu sodisfatt, b’ħalqu magħluq, kuntent u jċapċap… Jiena naħseb li nkunu qed nagħmlu nuqqas ta’ servizz lill-poplu meta naġixxu b’dan il-mod. Naħseb li ma nkunux qed inkunu qaddejja tad-dinjità u tal-libertà illi għaliha sejħilna dak li għamilna, il-Missier Alla l-Imbierek. Ma nkunux qegħdin ngħinu lin-nies jinbnew fuq il-persuna ta’ Ġesù, illi fl-aħħar mill-aħħar aħna lkoll imsejħin biex nixbhu.

Vanġelu ta’ kuraġġ

Dan il-Vanġelu jagħmlilna kuraġġ kbir, għax jemmen illi l-politiċi, is-slaten, wieħed wara l-ieħor, il-parti l-kbira minnhom jaġixxu u jiddeċiedu b’intenzjonijiet tajba, anki jekk niżbaljaw, jekk imbagħad ngħidu: ‘Ma messnix għamilt hekk, imma messni għamilt mod ieħor’. Qed ngħid għalija l-ewwel wieħed. Jagħmlilna kuraġġ għax Alla jidħol ukoll biex isalva l-iżbalji u l-inganni tagħna. Alla jidħol ukoll hemm biex isalva fejn l-interessi tagħna ma jkunux verament għall-ġid tal-poplu li aħna msejħin biex inservu.

Illum, jekk tmorru l-Università u tistaqsu lill-istudenti li jkunu qed jagħmlu l-kors tal-Amministrazzjoni, ngħidu aħna, jisħqu magħhom ħafna fuq dak li jgħidulu servant leadership. Kellhom bżonn jgħaddu elfejn sena biex nibdew ngħallmu s-servant leadership! Biżżejjed taqra l-Vanġelu, il-kapitlu 13 ta’ San Ġwann, u tara lil dak li hu verament leader jilbes il-fardal, jinżel għarkupptejh, jaqbad l-ilma, jaħsel ir-riġlejn tad-dixxipli wieħed wieħed, u jixxuttahomlhom u jgħidilhom: “Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (v. 14).

Marija, il-persuna ffurmata fuq il-mudell ta’ Ġesù

Ejjew nitolbu lill-Madonna, hi li qalet: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1:38). Jekk Ġesù kien servant leader, dan għax kellu l-eżempju fuq xiex jimxi. Nistgħu ngħidu li Marija hija l-ewwel frott ta’ dan il-pjan ta’ ħelsien li għandu l-Missier. Meta nħarsu lejha, naraw kif aħna nistgħu nkunu. Jekk inneħħulha x-xejxi u d-devozzjonaliżmu, u nqisuha bħala mara li timxi fit-triq, li tgħix man-nies, hi toħroġ quddiemna bħala l-persuna verament salvata, meħlusa, mibnija u ffurmata diġà fuq il-mudell ta’ Ġesù, kif aħna lkoll imsejħin li nkunu.

Qabel ma nimxu f’dik id-direzzjoni, nibqgħu ngħixu fl-ansjetà u r-rabja li forsi huma żewġ emozzjonijiet dominanti fis-soċjetà ta’ żmienna minkejja l-benessri ekonomiku.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading