Pjan ta’ Alla

Kitba ta’ Dun Pawl Sciberras

Il-Bibbja hu l-ktieb tar-rivelazzjoni tal-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bniedem. Il-pjan ta’ Alla hu l-ħsieb u r-rieda tajba tiegħu li l-bnedmin kollha jsibu lilu u jaslu għandu għax fih biss ikollhom l-hena u l-ħajja. Alla “jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità” (l Tim 2:4).

Kull ma sar u kull ma jsir, sa mill-ħolqien tad-dinja u matul iż-żmien, kollox hu taħt il-kontroll tar-rieda ta’ Alla. “Int għamilt dak li sar, dak li sar qablu u dak li sar warajh. Int taf il-ħwejjeġ ta’ issa u dawk li għad iridu jiġu, u dak li int taħseb iseħħ … it-toroq tiegħek kollha int tħejji minn qabel, u l-ġudizzju tiegħek ġej mill-għerf minn qabel” (Ġdt 9:5-6). F’din it-talba għandna deskrizzjoni ta’ dak li hu l-pjan ta’ Alla. Kulma sar u kulma jsir hu kollu bir-rieda tiegħu u skont il-ħsieb tiegħu. Xejn ma jsir addoċċ, b’kumbinazzjoni, bla skop. Lanqas għasfur tal-bejt ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ Alla (Mt 10:29).

Din kienet il-konvinzjoni tal-awturi sagri tal-Bibbja daqskemm kienu jemmnu li Alla hu s-Sid assolut ta’ kollox u l-Mexxej tal-istorja tad-dinja.

Din hi l-interpretazzjoni tal-istorja ta’ Ġużeppi, mibjugħ minn ħutu. Ġużeppi għaraf li saħansitra d-dnub ta’ ħutu li bigħuh b’ilsir kien skont il-pjan ta’ Alla: “Jekk intom gibtu fuqi d-deni, Alla bidlu fil-ġid, biex iżomm ħajja kotra ta’ ġnus, bħalma huma llum” (Ġen 50:19). Hu wkoll fuq il-linja ta’ din il-fidi li aktar tard ġew interpretati l-ġrajjiet il-kbar tal-istorja ta’ Iżrael: is-sejħa ta ’ Abraham, il-jasar tal-Eġittu, l-eżodu, il-pussess tal-art ta’ Kangħan, l-eżilju tal-Babilonja u l-ħelsien minnu … Dan il-ħsieb jiddomina fl-‘istqarrijiet tal-fidi’ li kienu jagħmlu l-Iżraelin (Eż 12:26-27; Dt 6:20-23; 26:5-10; Ġoż 24:2-15).

Kienu l-aktar il-profeti, nies mimlijin bl-ispirtu ta’ Alla, li għarfu l-pjan ta’Alla jseħħ fl -istorja ta’ żmienhom. Lilhom il-Mulej kien juri l-misteri tal-pjan tiegħu biex huma setgħu jfissruhom lill-poplu (Għam 3:7).

Hekk il-profeti kienu jfissru l-pjan ta’ Alla fil-ġrajjiet tal-istorja ta’ Iżrael. Alla ppermetta li Iżrael jinżel l-Eġittu u hemmhekk jaqa’ fil-jasar biex minn hemm joħorġu bħala l-poplu tiegħu u ibnu (Hos 11:1; Ġen 3:19); Nabukkodonosor hu strument f’idejn Alla biex jikkastiga l-poplu għal ħżunitu (Ġer 27:4-8); Ċiru hu wkoll aġent ta’ Alla biex jikkastiga l-għedewwa tal- poplu u jagħtih il-ħelsien mill-eżilju tal-Babilonja (Is 44:28; 46:10-11; 48:14).

Imbagħad bil-viżjoni eskatoloġika tagħhom il-profeti jħarsu ’l quddiem lejn tmiem iż- żmien bid-dehra hienja tas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha (Mik 4:1-3; eċċ). Fil-ħsieb tal-profeti kulma ġara fl-imgħoddi u kulma kien qed jiġri fi żmienhom kien kollu skont il-pjan ta’ Alla li jwassal ’l Iżrael, u permezz tiegħu lill-popli kollha, għas-salvazzjoni. Għalhekk għażel ’l Iżrael, il-qaddej tiegħu, “biex is-salvazzjoni tiegħu sa truf l-art tinfirex” (Is 49:6).

It-Testment il-Ġdid juri bil-qawwa li l-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni, mibdi u maħdum fl-istorja ta’ Iżrael, wasal għall-milja tiegħu fir-rivelazjoni tal-missjoni ta’ Ġesù Kristu. “Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat ’l Ibnu fid-dinja” (Gal 4:4). U bagħtu biex permezz tiegħu jtemm il-pjan tas-salvazzjoni (Mk 10:45; Ġw 3:17; eċċ.); biex itemm ir-rieda tal-Missier (Ġw 4:34; 6:38); biex bih isseħħ l-Iskrittura (Lq 22:37; 24:7.26- 44; eċċ.). Għalhekk ukoll Bin il-bniedem kellu jbati (dei),jiġifieri, skont il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin (Mk 8:31; Lq 17:25; Ġw 3:14).

Kollox juri li fil-ħajja ta’ Ġesù mill-bidu sal-aħħar u fid-destin tiegħu kien qiegħed iseħħ il-pjan tas-salvazzjoni skont ma kien hemm miktub fil-Kotba Mqaddsa. Fih intemm dak li kien inkiteb. Għalhekk fih, fid-dawl tal-misteri tiegħu, nagħrfu x’inhu tassew il-pjan ta’ Alla mħabbar mill-profeti tat-Testment il-Qadim: hu s-salvazzjoni mill-jasar tad-dnub; hu l-maħfra tad-dnubiet u l-istat tal-ħbiberija ma’ Alla.

Dan kien l-element ewlieni tal-predikazzjoni apostolika sa mill-ewwel jiem tal-Knisja, kif nafu mill-kotba tat-Testment il-Ġdid. L-Appostli u sħabhom kienu jxandru li Ġesù hu l-Messija u s-Salvatur, li kellu jbati u jmut minħabba dnubietna “skont l-Iskrittura” (1 Kor 15:3), jiġifieri, skont il-pjan ta’ Alla (Atti 2:23; 4:28).

Għal San Pawl il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha fi Kristu hu “misteru”; hu realtà moħbija fil-ħsieb ta’ Alla sa mill-eternità u rrivelata fi żmienna fi Kristu Ġesù; Pawlu hu l-ministru tal-pjan ta’ Alla biex ixandru lill-bnedmin, u hu hekk ghamel (Ef 3:1-12). Fl-ewwel versi tal-Ittra lill-Efesin Pawlu jfisser bi kliem sabiħ il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha bl-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu (Ef 1:3-14). U fl-Ittra lir-Rumani jgħid f’ħames kelmiet ta’ valur kbir fhiex jikkonsisti l-pjan tas-salvazzjoni: Alla għarafna mill-bidu, ippredestinana, sejħilna, iġġustifikana u gglorifikana (Rum 8:29-30).

Dawn huma l-aspetti tas-salvazzjoni skont il-pjan ta’ Alla għalina li nemmnu f’Ibnu Ġesù Kristu. Alla diġà għaniena bihom sa minn din l-art. Imma jwegħedna wkoll is-sehem sħiħ fil – glorja tiegħu mal-istess Ibnu u Sidna Ġesù Kristu – “meta Alla jkun kollox f’kollox” (1 Kor 15:20-28).

Ara aktar mid-Dizzjunarju Bibliku … https://laikosblog.org/db/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading