Il-25 Ħadd matul is-Sena Ċ. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

ANKI PERSUNA DIŻONESTA KAPAĊI TGĦALLIMNA!

Fil-vanġelu li għadni kemm ħabbartilkom, Ġesu’ jirrakkuntalna parabbola jew storja li ċ-ċentru tagħha huwa amministratur korrott u  diżonest. Qabel xejn, x’ikun amministratur? Amministratur suppost ikun bniedem ta’ fiduċja li xi ħadd iqabbdu biex jeħodlu ħsieb il-ġid, il-beni u l-flus tiegħu. Għedt “suppost ikun” għaliex l-amministratur tal-parabbola, kif diġa’ għedt, inzerta kien bniedem korrott u diżonest. Il-parabbola tibda hekk: “Kien hemm raġel għani u lil dan l-għani qalulu li l-amministratur li kellu kien qiegħed iberbaqlu ġidu.” L-għani ma kellux triq oħra ħlief ikeċċieh. Sejjaħlu u qallu: “Ma tistax tibqa’ iżjed bħala amministratur tiegħi.”

Minn dil-parabbola nikkonkludu li la tkellem fuqha Ġesu’, l-korruzzjoni hija xi ħaġa antika ħafna. Illum nisimgħu b’korruzzjoni fil-business, nisimgħu b’ korruzzjoni f’oqsma professjonali, nisimgħu b’korruzzjoni fil-politika, nisimgħu b’korruzzjoni fil-qasam tan-negozju, nisimgħu b’korruzzjoni fil-bejgħ u x-xiri ta’ djar u ta’ flats, nisimgħu b’korruzzjoni fil-qasam sportiv u dak tad-divertiment, nisimgħu b’korruzzjoni fil-paga lill-ħaddiema: forsi wieħed ma jħallasx lill-ħaddiema tiegħu dak li hu dovut lilhom, nisimgħu b’korruzzjoni meta ħaddiem ma jagħtix xogħol daqs kemm hu mħallas għalih… (u tiskandalizzawx ruħkom b’dan li se ngħid) ġieli nisimgħu wkoll b’korruzzjoni fil-Knisja stess, għax għalkemm imwaqqfa minn Ġesu’, il-Knisja hija magħmula mill-bnedmin u fejn jidħol l-uman, dejjem hemm ħafna dgħufija.

Ħa nkompli nitkellem fuq dan l-amministratur korrott u diżonest. Meta sidu keċċieh u qallu: “Ma tistax tibqa’ amministratur tal-ġid tiegħi”, dal-bniedem beda jgħid bejnu u bejn ruħu: “Issa x’se nagħmel la darba sidi se jkeċċini? Immur nagħżaq? Ma niflaħx! Nibda nittallab? Nistħi!” Pero’ ħaddem moħħu u smajna x’beda jagħmel: beda jsejjaħ lil dawk li kellhom id-dejn ma’ sidu u kompla jgerfex għax irraġuna u qal: “Jekk nagħmel hekk insib oħrajn li jilqgħuni għandhom.” Lill-ewwel wieħed staqsieh: “Kemm għandek tagħtih lil sidi?” Dak wieġbu: “Mitt barmil żejt.” L-amministratur qallu: “Oħroġ il-karti tiegħek, poġġi bil-qiegħda malajr u ikteb ħamsin…” U hekk għamel ma’ persuni oħrajn.

U interessanti: is-sid faħħru lil dak l-amministratur diżonest. Verament, faħħru mhux għax bexkel u bexkel kemm felaħ, imma għax  ħadem b’rasu. Ġesu’ jkompli jgħid: “Ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom, ulied id-dinja (jiġifieri l-ħżiena) jimxu iktar bil-għaqal ma’ wlied id-dawl (jiġifieri magħna jew aħjar ngħid ma’ dawk li jippretendu li huma tajbin). Nistgħu ngħidu li minn dejjem, imma iktar illum, il-ħżiena jippjanaw, jagħmlu minn kollox u jużaw il-mezzi kollha biex jiżirgħu l-ħażen tagħhom. Ħa nagħtikom eżempju wieħed: araw x’jagħmlu u kemm jaħdmu x-xhieda tas-setta ta’ Jeovah biex jiġbdu lejhom iktar membri! Nagħmel mistoqsija biex kull wieħed u kull waħda minna jaħsbu fuqha…Tgħid aħna l-insara bridna? Tgħid tlifna l-ħeġġa tagħna? Tgħid għajjejna?

Għall-aħħar tal-vanġelu, Ġesu’ jgħidilna li ma nistgħux naqdu żewġ sidien fl-istess ħin. Jew naqdu lil Alla jew inkella naqdu lill-flus. Ma ninsewx li fl-udjenza li kellu quddiemu, Ġesu’ ma kellux miljunarji li għandhom ħafna flus f’idejhom jew fil-bank, imma dak kollu li jistgħu jkunu marbutin miegħu. Tista’ tkun il-karozza li għadhom kemm xtraw, id-dar lussuża li fiha jgħixu, id-delizzju li magħhom huma marbuta. Għadni niftakar x’qalli wieħed li kellu lil ħuh dilettant tal-kaċċa. Qalli hekk għal ħuh: “Kemm qed jiżbalja ħija għax għalih id-delizzju tiegħu sar vizzju! La għadu jagħti każ martu, la għadu jagħti każ ta’ wliedu u lanqas tax-xogħol li bi dmir suppost għandu jagħmel.” Meta flok naqdu lil Alla naqdu lill-flus, qalbna tibqa’ vojta. Għadha famuża s-sentenza li darba qal Sant’Wistin: “Mulej, inti ħlaqtna għalik u qalbna ma ssibx kwiet qabel tistrieħ fik!”

Nispiċċa b’daqsxejn ta’ storja. Jgħidu li meta l-Ingliż John Henry Newman, illum qaddis, kien wasal biex minn saċerdot anglikan jikkonverti u jsir kattoliku, xi ħbieb ippruvaw jikkonvinċuh biex ma jaqlibx ir-reliġjon għax bħala anglikan kellu paga tajba ħafna. X’għamel dan Newman? Newman sab biċċa karta, kiteb fuqha l-kelma “God”, ħareġ munita u għatta din il-kelma biha. Ried jgħidilhom li min ipoġġi l-flus qabel Alla, lil Alla ma jistax jarah, lil Alla ma jistax isibu.       

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading