Il-Papa Ljun XIV lill-grupp interkulturali u interreliġjuż

DISKORS TAL-QDUSIJA THIEGĦU LJUN XIV
LILL-MEMBRI TAL-“WORKING GROUP ON INTERCULTURAL AND INTERRELIGIOUS DIALOGUE”

It-Tnejn, 29 ta’ Settembru, 2025

Insellmilkom ilkoll, l-għodwa t-tajba.

Nibdew bis-Sinjal tas-Salib : Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.  Ammen.

Il-paċi magħkom.

Illustri Sinjuri,

Ninsab ferħan nilqa’ lilkom, li fi ħdan il-Parlament Ewropew waqqaftu dan “il-Grupp ta’ Ħidma għad-Djalogu Inter-kulturali u Inter-reliġjuż”.  Nifirħilkom għal din l-inizjattiva u nittama li tħalli ħafna frott.

Il-promozzjoni tad-djalogu bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet hi l-mira ewlenija tal-politiku Nisrani, u għall-grazzja t’Alla, persuni li taw xhieda tajba ta’ dan mhumiex neqsin.

Li nkunu rġiel u nisa ta’ djalogu jfisser li nibqgħu mwaħħdin sfiq mal-Evanġelju u l-valuri li jitnisslu minnu, waqt li fl-istess ħin inkunu miftuħin, nisimgħu u niddjalogaw ma’ min ġej minn denominazzjonijiet oħra, iffukati dejjem fuq id-dinjità umana u n-natura relazzjonali u komunitarja tiegħu.

Min-natura tiegħu, id-djalogu inter-reliġjuż jagħraf li r-reliġjon għandha valur kemm fuq livell personali u wkoll fl-isfera soċjali.  Il-kelma reliġjon minnha nfisha tirreferi għar-rabta tal-element oriġinarju ta’ dak li hu uman.  Tabilħaqq, meta hi awtentika u inkulturata, id-dimensjoni reliġjuża taħji bla qies ir-relazzjonijiet inter-personali minbarra li sseddaq il-ħajja komunitarja u tas-soċjetà.  U kemm hu importanti llum nemfasizzaw dan il-valur u l-importanza tar-relazzjonijiet umani!

L-istituzzjonijiet ewropej għandhom bżonn nies li jgħixu ħajja ta’ sekulariżmu sân, jiġifieri stil ta’ ħsieb u għemil li jafferma l-valur tar-reliġjon filwaqt li jżommha distinta – mhux mifruda jew f’konfużjoni  – mill-qasam politiku.  Ta’ min jinnota b’mod partikolari l-eżempji ta’ Robert Schuman, Konrad Adenauer u Alcide de Gasperi.

Għeżież ħbieb, irroddilkom ħajr li żortuni.  Irroddilkom ħajr għall-ħidma tagħkom biex tippromwovu d-djalogu bejn il-bnedmin kollha, u nitlob il-barka t’Alla fuqkom u fuq ħidmitkom.  Grazzi ħafna!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading