MESSAĠĠ TAL-PAPA LJUN XIV
GĦALL-111-IL JUM DINJI TAL-MIGRANTI U R-REFUĠJATI 2025
(4-5 ta’ Ottubru 2025)
Migranti, Missjunarji tat-Tama
Għeżież ħuti!
Il-111-il Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati, li l-predeċessur tiegħi għażel li jikkonċidi mal-Ġublew tal-Migranti u tal-Missjonijiet, joffrilna opportunità biex nirriflettu fuq ir-rabtiet bejn it-tama, il-migrazzjoni u l-missjoni.
Il-kuntest globali attwali, sfortunatament huwa mmarkat bi gwerer, vjolenza, inġustizzja u avvenimenti estremi tat-temp, li jġiegħlu miljuni ta’ nies iħallu art twelidhom fit-tfittxija ta’ kenn xi mkien ieħor. It-tendenza mifruxa li wieħed jieħu ħsieb l-interessi ta’ komunitajiet limitati, toħloq theddida serja għall-qsim tar-responsabbiltà, il-kooperazzjoni multilaterali, it-tfittxija għall-ġid komuni u s-solidarjetà globali għall-ġid tal-familja umana kollha tagħna. Il-prospett tat-tiġrija mill-ġdid għall-armi u l-iżvilupp ta’ armamenti ġodda, inklużi l-armi nukleari, in-nuqqas ta’ konsiderazzjoni għall-effetti ħżiena tal-kriżi tal-klima li dejjem għaddejja, u l-impatt ta’ inugwaljanzi ekonomiċi profondi, jagħmlu l-isfidi tal-preżent u tal-futur dejjem aktar impenjattivi.
Iffaċċjati b’xenarji tal-biża’ u l-possibbiltà ta’ devastazzjoni globali, huwa importanti li jkun hemm ix-xewqa dejjem tikber fil-qlub tan-nies għal futur ta’ paċi u ta’ rispett għad-dinjità ta’ kulħadd. Tali futur huwa essenzjali għall-pjan ta’ Alla għall-umanità u l-bqija tal-ħolqien. Dan huwa l-futur messjaniku antiċipat mill-profeti: “Il-pjazez ta’ Ġerusalemm għad jerġgħu joqogħdu fihom ix-xjuħ, irġiel u nisa, kulħadd bil-bastun f’idu minħabba t-tul ta’ għomru. U l-pjazez tal-belt jimtlew bi tfal subien u bniet, jilagħbu fil-wesgħat tagħha. … għax jiena niżra’ s-sliem, id-dielja tagħti l-frott tagħha, u l-art tagħti l-għelejjel tagħha, u s-smewwiet in-nida tagħhom; u dan kollu nagħtih lill-bqija ta’ dan il-poplu biex ikun tagħhom.” (Żak. 8:4-5, 12). Dan il-futur diġà beda, għax ġie inawgurat minn Ġesù Kristu (ara Mk 1:15; Lq 17:21), u aħna nemmnu u nittamaw fil-realizzazzjoni sħiħa tiegħu, għax il-Mulej huwa dejjem fidil lejn il-wegħdiet tiegħu.
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallem: “Il-virtù tat-tama twieġeb għall-aspirazzjoni għall-hena li Alla poġġa fil-qalb ta’ kull raġel u mara; tieħu t-tamiet li jispiraw l-attivitajiet umani.” (Nr. 1818) Barra minn hekk, it-tfittxija għall-hena, u l-prospett li wieħed isibha lil hinn mill-postu tal-oriġini tiegħu, hija ċertament waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għall-moviment tan-nies illum.
Din ir-rabta bejn il-migrazzjoni u t-tama tidher b’mod ċar f’ħafna esperjenzi kontemporanji ta’ migrazzjoni. Ħafna migranti, refuġjati u persuni maħruba huma xhieda privileġġjata tat-tama. Tabilħaqq, huma juru dan kuljum permezz tar-reżiljenza u l-fiduċja tagħhom f’Alla, hekk kif jiffaċċjaw diffikultajiet serji waqt li jfittxu futur li fih jintgħaraf li l-iżvilupp uman integrali u l-hena huma possibbli.
Barra minn hekk, nistgħu naraw l-esperjenza itineranti tal-poplu ta’ Iżrael ripetuta f’ħajjithom stess: “O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek, int u tiela’ mid-deżert, triegħdet l-art, u sa s-smewwiet inħallu quddiem Alla tas-Sinaj, quddiem il-Mulej, Alla ta’ Iżrael. Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla, fuq l-art, wirt tiegħek, u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha. Il-poplu tiegħek għammar fiha, fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha. (Salm 68:8-11).
F’dinja mdallma mill-gwerra u l-inġustizzja, anke meta kollox jidher mitluf, il-migranti u r-refuġjati jidhru bħala messaġiera tat-tama. Il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom jagħtu xhieda erojka ta’ fidi li tara lil hinn minn dak li għajnejna jistgħu jaraw u tagħtihom is-saħħa biex jisfidaw il-mewt fuq id-diversi rotot ta’ migrazzjoni kontemporanji.
Hawnhekk ukoll nistgħu nsibu analoġija ċara mal-esperjenza tal-poplu ta’ Iżrael jimraħ fid-deżert, li ffaċċjaw kull periklu waqt li afdaw fil-protezzjoni tal-Mulej: “Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, u mill-mard tal-mewt. Bir-rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Ma tibżax mill-biża’ tal-lejl, anqas minn vleġġa li tittajjar binhar, minn pesta li tixtered fid-dlam, jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar.” (Salm 91:3-6).
Il-migranti u r-refuġjati jfakkru lill-Knisja fid-dimensjoni pellegrina tagħha, miexja dejjem lejn l-art aħħarija tagħha, sostnuta minn tama li hija virtù teoloġika. Kull darba li l-Knisja ċċedi għat-tentazzjoni tibqa’ fejn hi u tieqaf tkun civitas peregrina, il-poplu ta’ Alla li jivvjaġġa lejn l-art tas-sema (ara Santu Wistin, De Civitate Dei, Kotba XIV-XVI), tieqaf tkun “fid-dinja” u ssir “tad-dinja” (ara Ġw. 15:19). Din it-tentazzjoni kienet diġà preżenti fil-komunitajiet Kristjani bikrin, tant li l-Appostlu Pawlu kellu jfakkar lill-Knisja ta’ Filippi li, “aħna pajjiżna fis-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu.” (Fil. 3:20-21).
B’mod speċjali, il-migranti u r-refuġjati Kattoliċi jistgħu jsiru missjunarji tat-tama fil-pajjiżi li jilqgħuhom, u joħolqu toroq ġodda ta’ fidi fejn il-messaġġ ta’ Ġesù Kristu għadu ma wasalx jew jibdew djalogu interreliġjuż ibbażat fuq il-ħajja ta’ kuljum u t-tfittxija għal valuri komuni. Bl-entużjażmu u l-vitalità spiritwali tagħhom, jistgħu jgħinu biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-komunitajiet ekkleżjali li saru riġidi u tqal, fejn in-nixfa spiritwali qed timxi b’rata allarmanti. Il-preżenza tagħhom, allura, għandha tiġi rikonoxxuta u apprezzata bħala tassew barka divina, opportunità biex wieħed jinfetaħ għall-grazzja ta’ Alla, li jagħti enerġija u tama ġdida lill-Knisja tiegħu: “Tinsewx tilqgħu lill-barranin; minħabba f’hekk xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu.” (Lhud 13:2).
L-ewwel element tal-evanġelizzazzjoni, kif enfasizza San Pawlu VI, huwa dak tax-xhieda: “L-Insara kollha huma msejħa biex jagħtu din ix-xhieda u hekk huma jistgħu jkunu veri evanġelizzaturi. Qegħdin inġibu quddiem għajnejna b’mod speċjali r-responsabbiltŕ tal-emigranti li jmorru jgħixu f’artijiet li jilqgħuhom.” (Evangelii Nuntiandi, 21). Din hija missio migrantium vera, missjoni mwettqa mill-migranti, li għaliha għandha tiġi żgurata preparazzjoni adegwata u appoġġ kontinwu permezz ta’ kooperazzjoni interekkleżjali effettiva.
Fl-istess ħin, il-komunitajiet li jilqgħuhom jistgħu wkoll ikunu xhieda ħajja tat-tama, waħda li tinftiehem bħala l-wegħda tal-preżent u futur fejn id-dinjità ta’ kulħadd bħala wlied Alla hija rikonoxxuta. B’dan il-mod, il-migranti u r-refuġjati huma rikonoxxuti bħala aħwa, parti minn familja li fiha jistgħu jesprimu t-talenti tagħhom u jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja tal-komunità.
F’dan il-Ġublew, meta l-Knisja titlob għall-migranti u r-refuġjati kollha, nixtieq nafda lill-protezzjoni materna tal-Verġni Marija, faraġ tal-migranti, lil dawk kollha li jinsabu fil-vjaġġ, kif ukoll lil dawk li qed jaħdmu biex jakkumpanjawhom, biex hi żżomm it-tama ħajja fi qlubhom u ssostnihom fl-impenn tagħhom biex jibnu dinja li dejjem aktar tixbah is-Saltna ta’ Alla, l-art vera li tistenniena fl-aħħar tal-vjaġġ tagħna.
Mill-Belt tal-Vatikan, il-25 ta’ Lulju 2025, festa ta’ San Ġakbu, Appostlu
ILJUN XIV
Miġjub għall-Malti minn Fr Martin Micallef