Il-Papa Ljun XIV dwar il-Qawmien ta’ Ġesù

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 1 ta’ Ottubru 2025

Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. III. L-Għid ta’ Ġesù. 9. Il-qawmien. “Il-Paċi magħkom!” (Ġw 20:21)

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Iċ-ċentru tal-ħajja tagħna u l-qalba tat-tama tagħna jinsabu b’għeruqhom imniżżla sew fil-qawmien ta’ Kristu mill-mewt. Meta naqraw b’attenzjoni l-Vanġeli, nintebħu li dan il-misteru hu sorprendeti mhux biss għax bniedem – l-Iben ta’ Alla – qam mill-mewt, imma anki minħabba l-mod li bih għażel li jagħmel dan. Fil-fatt il-qawmien ta’ Ġesù mhuwiex trijonf pompuż, mhuwiex vendetta jew tpattija kontra l-għedewwa tiegħu. Huwa x-xhieda meraviljuża ta’ kif l-imħabba kapaċi terġa’ tqum wara telfa kbira biex tkompli bil-mixja tagħha li ħadd ma jista’ jwaqqaf.

Meta aħna nerġgħu nqumu wara trawma li kkawżawlna l-oħrajn, spiss l-ewwel reazzjoni tkun ir-rabja, ix-xewqa li npattu lura lil xi ħadd dak li aħna nkunu ġarrabna. L-Irxoxt ma jirreaġixxix b’dan il-mod. Meta ħareġ minn qalb l-imwiet, Ġesù ma jfittex ebda rebħa lura fuq l-għedewwa. Ma jiġix lura b’ġesti ta’ qawwa, imma bil-ħlewwa hu juri l-ferħ ta’ mħabba ikbar minn kull ġerħa u aqwa minn kull tradiment.

L-Irxoxt ma jħoss ebda bżonn li jtenni jew jafferma s-superjorità tiegħu. Hu jidher lil ħbiebu – id-dixxipli – u dan jagħmlu b’diskrezzjoni tal-għaġeb, bla ma jimponi fuq iż-żminijiet tal-kapaċità ta’ akkoljenza tagħhom. L-unika xewqa tiegħu hi dik li jerġa’ lura f’komunjoni magħhom, jgħinhom jissuperaw is-sens ta’ ħtija. Dan narawh tajjeb ħafna fiċ-Ċenaklu, fejn il-Mulej jidher lil ħbiebu magħluqin fil-biża’. Huwa mument li jesprimi qawwa tal-għaġeb: Ġesù, wara li niżel fl-abbissi tal-mewt biex jeħles lil dawk li kienu lsiera tagħha, jidħol fil-kamra magħluqa ta’ min hu pparalizzat mill-biża’, u jwasslilhom don li ħadd qatt ma kien issogra jittama: il-paċi.

It-tislima tiegħu hi sempliċi: “Il-Paċi magħkom!” (Ġw 20:19). Imma hi msieħba minn ġest hekk sabiħ li jirriżulta kważi mhux f’loku: Ġesù juri lid-dixxipli tiegħu jdejh u ġenbu bis-sinjali tal-Passjoni. Għaliex juri l-ġrieħi proprju quddiem min, f’dawk is-sigħat drammatiċi, ċaħdu u abbandunah? Għaliex ma jaħbix dawk is-sinjali ta’ tbatija u jevita li jerġa’ jiftaħ il-ġerħa tal-mistħija?

Imma l-Vanġelu jgħid li, meta raw lill-Mulej, id-dixxipli ferħu (ara Ġw 20:20). Ir-raġuni hi waħda profonda: Ġesù issa rrikonċilja ruħu għalkollox ma’ dak kollu li hu bata. Ma hemm ebda dell ta’ korla. Il-ġrieħi ma humiex hemm biex iċanfar, imma biex jikkonferma mħabba li hi aqwa minn kull infedeltà. Huma l-prova li, proprju fil-mument ta’ meta nibżbaljaw, Alla ma jerġax lura. Ma jiċħadniex.

Hekk, il-Mulej juri ruħu għeri u żarmat. Ma jippretendix, ma jirrikattax. Tiegħu hi mħabba li ma tumiljax; hija l-paċi ta’ min bata għall-imħabba u issa jista’ sa fl-aħħar jafferma li dan ma kienx għalxejn.

Imma aħna spiss ngħattu l-ġrieħi tagħna għax imkabbrin jew għax nibżgħu li nidhru dgħajfin. Ngħidu “ma jimpurtax”, “għadda kollox”, imma ma nkunux tassew f’paċi mat-tradimenti li minnhom konna midruba. Xi drabi nippreferu naħbu d-diffikultà tagħna li naħfru biex ma nidhrux vulnerabbli u biex ma nirriskjawx li nbatu aktar. Ġesù le. Hu joffri l-pjagi tiegħu bħala garanzija ta’ maħfra. U juri li l-Qawmien ma jħassarx l-imgħoddi, imma jittrasfigurah f’tama ta’ ħniena.

Imbagħad, il-Mulej itenni: “Il-paċi magħkom!”. U jżid: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (v. 21). B’dawn il-kelmiet, jafda lill-Appostli ħidma li mhix tant setgħa, daqskemm responsabbiltà: li jkunu fid-dinja strumenti ta’ rikonċiljazzjoni. Bħallikieku ried jgħidilhom: “Min jista’ jħabbar il-wiċċ ħanin tal-Missier, jekk mhux intom, li doqtu l-falliment u l-maħfra?”.

Ġesù jonfoħ fuqhom u jagħtihom l-Ispirtu s-Santu (v. 22). Huwa l-istess Spirtu li wieżnu fl-ubbidjenza lill-Missier u fl-imħabba sas-salib. Minn dak il-mument, l-Appostli ma setgħux jisktu iżjed fuq dak li raw u semgħu: li Alla jaħfer, jerġa’ jqajjem, irodd il-fiduċja.

Din hi l-qalba tal-missjoni tal-Knisja: mhux li tħaddem is-setgħa fuq l-oħrajn, imma li twassal il-ferħ ta’ min ġie maħbub meta ma kienx jistħoqqlu. Hija l-qawwa li nibbtet u kabbret il-komunità Nisranija: irġiel u nisa li skoprew il-ġmiel li jerġgħu lura għall-ħajja biex jistgħu jagħtuha lill-oħrajn.

Għeżież ħuti, aħna wkoll aħna mibgħuta. Anki lilna l-Mulej jurina l-ġrieħi tiegħu u jgħidilna: Il-Paċi magħkom. La tibżgħux turu l-ġrieħi tagħkom imfejqa mill-ħniena. La tibżgħux issiru proxxmu għal min hu magħluq fil-biża’ u fis-sens ta’ ħtija. Jalla n-nifs tal-Ispirtu jagħmilna xhieda ta’ din il-paċi u ta’ din l-imħabba aktar qawwija minn kull telfa.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading