MIN MAR ID-DAR SAFI U ĠĠUSTIFIKAT, IL-FARIŻEW JEW IL-PUBBLIKAN?
Ġuvni Taljan, għex ħajja mħarbta ħafna, kien qed imut bil-marda tal-AIDS. Lis-saċerdot li kien qed jassistieh qallu: “Don Pietro, meta mmut mhemmx għalfejn iddaħħluni l-knisja. Minħabba l-ħajja ħażina li għext ma jistħoqqlix funeral bħal ta’ ħaddieħor. Għid talba qasira fuq il-katavru tiegħi u ħallihom jeħduni ċ-ċimiterju.” Don Pietro qallu: “Mhux biss nagħmlulek funeral bħal ta’ ħaddieħor imma nagħmlulek festa mill-aqwa għax is-sinċerita’ u l-umilta’ tiegħek ġibdu fuqek ħafna ħniena u ħafna maħfra minn għand Alla. Ma tiftakarhiex is-sentenza ta’ Ġesu’? “Ikun hemm iktar ferħ fis-sema għal bniedem wieħed li jindem milli għad-disgħa u disgħin oħra li ma jkollhomx bżonn indiema?”
Dan il-fatt veru nistgħu nqisuh verżjoni moderna tal-parabbola li għadna kemm irrakkuntalna Ġesu’ fil-vanġelu tal-lum. Daż-żagħżugħ qed imut bil-marda tal-AIDS, sinċier u umli, huwa kopja tal-pubblikan tal-parabbola li għax ma ppretenda xejn, anzi ħass ruħu midneb, mar id-dar iġġustifikat, jiġifieri mar id-dar salvat u dnubietu maħfura. Xtaqt nagħmel żewġ differenzi bejn il-Fariżew u l-pubblikan tal-parabola, daż-żewġt irġiel li telgħu fit-tempju biex jitolbu. Pero’ qabel nibda nagħmel dawn id-differenzi nixtieq ngħidilkom x’kienet ir-raġuni li għaliha Ġesu’ qal din il-parabbola. Ġesu’ qalha għax fi żmienu kien hemm, jgħidilna San Luqa: “Xi wħud li waħħluha f’rashom li huma nies ġusti u fl-istess ħin kienu jmaqdru lill-oħrajn.” Naħseb tafu għal min kien qed jirriferi Ġesu’. Ġesu’ kien qed jirreferi għall-Fariżej. Pero’ ħa niġi għaż-żewġ differenzi li xtaqt insemmi…
L-ewwel differenza: Il-Fariżew huwa bniedem mimli bih innifsu. Fil-fatt it-talba li jagħmel lil Alla hija talba mimlija suppervja. Lil Alla jgħidlu: “O Alla niżżik ħajr li miniex bħall-bqija tal-bnedmin” u jsemmilu lista ta’ nies ħżiena: ħalliela, inġusti, żienja jew inkella bħal dan il-publikani…kien qed jirreferi għall-pubblikan li tela’ miegħu fit-tempju biex jitlob. Ħa nagħmel nota qasira qabel ma nkompli jispjega l-parabbola: jekk ikollna nieħdu f’idejna l-vanġelu ta’ San Mattew u nsibu kapitlu tmienja, Ġesu’ li soltu jkun ħelu fi kliemu issa għal tmien darbiet Huwa jgħajjar lill-Fariżej u jindirizzahom bil-kelmiet: “Ħażin għalikom…” Ara mbagħad il-pubblikan iħossu xejn quddiem Alla. It-talba tiegħu hija talba umli ħafna. Jgħidilna Ġesu’: “Ma riedx jerfa’ għajnejh ‘il fuq, anzi beda jħabbat fuq sidru u jgħid: “O Alla, ħenn għalija jiena midneb!”
It-tieni differenza: Il-Fariżew jistqarr li hu ġust quddiem Alla li ħalqu, pero’ fil-fatt dal-bniedem ma kien ġust xejn. Ħa ngħidilkom għaliex. Il-ġustizzja jew il-qdusija tiegħi jew tiegħek ma tiġix biss milli nagħmel jew tagħmel xi ħaġa għal Alla, (għax Alla m’għandu bżonn xejn) imma mill-imħabba u mir-rispett li għandu jkollna lejn xulxin u lejn l-oħrajn. Alla mhux esseri astratt imma ħaj fil-bnedmin ta’ madwarna, speċalment f’dawk fil-bżonn. Lill-Fariżew smajnieh jgħid: “Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa. Jiena nagħti l-għexur ta’ kull ma naqla’…” Fl-istess ħin m’għandu ebda rispett u mħabba lejn il-pubblikan li tela’ miegħu fit-tempju biex jagħti qima lil Alla. (araw dal-bniedem qed jagħmel priedka lil Alla biex jurieh x’inhu jagħmel) Imma mhux hekk il-pubblikan. Il-pubblikan jikxef lilu nnifsu quddiem Alla bħala bniedem midneb mimli miżerja!
Issa ħa nkun iktar attwali. Aħna lkoll niġu l-knisja, min jiġi għall-quddiesa tal-Ħadd u hemm min jiġi iktar ta’ spiss. Niġu l-knisja biex nitolbu, biex niltaqgħu m’Alla, biex nibnu relazzjoni m’Alla. B’liema atteġġjament niġu? Bl-atteġġjament tal-Fariżew jew bl-atteġġjament tal-pubblikan? Wieħed kittieb qal hekk: “Hemm żewġ tipi ta’ midinbin: hemm midinbin magħrufin bħala midinbin u hemm midinbin moħbijin taħt il-maskra tal-qdusija. Fi kliem ieħor, kulħadd jista’ jkun midneb, anzi kulħadd għandu l-iżbalji, id-difetti u n-nuqqasijiet tiegħu. Għalhekk kulħadd jista’ jdur lejn Alla u jgħidlu: “Mulej, ħenn għalija, jiena midneb.”
Naħseb li fil-quddiesa hemm tliet mumenti li forsi għandna bżonn ngħixuhom aħjar. L-ewwel mument huwa l-att penitenzjali li fih nagħrfu ħtijietna u bis-sinċerita’ nitolbu lil Alla maħfra tagħhom: “Mulej ħniena, Kristu ħniena, Mulej ħniena.” Hemm imbagħad il-mument tal-Ħaruf t’Alla. Lil Ġesu’ preżenti fuq l-altar nindirizzawh bħala l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, nitolbuh iħenn għalina u jagħtina l-paċi tiegħu. L-aħħar mument huwa dak li jiġi eżattament qabel nitqarbnu. Lil Ġesu’ nitolbuh u ngħidulu: “Ma jistħoqqlix li tiġi għandi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.”
Nikkonkludi: niġu l-knisja mhux għax qaddisin iżda għax midinbin li nixtiequ bil-mod il-mod insiru qaddisin.