ORDINAZZJONI EPISKOPALI
TAL-E.T. MONS. MIROSŁAW STANISŁAW WACHOWSKI,
ARĊISQOF MAĦTUR TA’ VILLAMAGNA DI PROCONSOLARE
U NUNZJU APPOSTOLIKU FL-IRAQ
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
It-XXX Ħadd ta’ Matul is-Sena, 26 ta’ Ottubru 2025
Għeżież ħuti!
Illum il-Knisja ta’ Ruma qed tifraħ flimkien mal-Knisja universali, u tithenna għad-don ta’ Isqof ġdid: Mons. Mirosław Stanisław Wachowski, bin l-art Polakka, Arċisqof titulari maħtur ta’ Villamagna di Proconsolare u Nunzju Appostoliku għall-poplu għażiż tal-Iraq.
Il-motto magħżul minnu – Gloria Deo Pax Hominibus – jidwi bħal eku tal-għanja tal-Milied li kantaw l-anġli f’Betlehem: “Glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin li huwa jħobb” (Lq 2:14). Huwa l-programm ta’ ħajja sħiħa: li nfittxu dejjem li l-glorja ta’ Alla tiddi fil-paċi bejn il-bnedmin. Dan huwa s-sens profond ta’ kull vokazzjoni Nisranija, u b’mod partikulari ta’ dik episkopali: li nagħmlu viżibbli, bil-ħajja tagħna, it-tifħir ta’ Alla u x-xewqa tiegħu li jħabbeb id-dinja miegħu (ara 2 Kor 5:19).
Il-Kelma ta’ Alla li għadha kemm ġiet imxandra toffrilna xi karatteristiċi essenzjali tal-ministeru episkopali. Il-Vanġelu (Lq 18:9-14) jurina żewġt irġiel li telgħu jitolbu fit-Tempju: Fariżew u pubblikan. L-ewwel wieħed jippreżenta ruħu b’ċertezza, u jagħti lista tal-opri tiegħu; it-tieni jibqa’ fuq wara, bla ma jissogra jerfa’ ħarstu, u jiġbor kollox f’invokazzjoni waħda: “O Alla, ħenn għalija midneb” (v. 13). Ġesù jgħid li fir-realtà huwa dan, il-pubblikan, li jirċievi l-grazzja u s-salvazzjoni ta’ Alla, għax “kull min jitkabbar jiċċekken, u min jiċċekken jitkabbar” (v. 14).
It-talba tal-fqir tofroq is-sħab, ifakkarna Bin Sirak: Alla jagħti widen għall-karba ta’ min jintelaq għalkollox f’idejh (ara Sir 35:15-22).
Din hija l-ewwel lezzjoni għal kull Isqof: l-umiltà. Mhux l-umiltà tal-paroli, imma dik li tgħammar fil-qalb ta’ min jaf li hu qaddej, mhux sid; ragħaj, mhux proprjetarju tal-merħla.
Inħoss qalbi titqanqal meta naħseb fit-talba umli li, fil-Mesopotamja, ilha sekli sħaħ titla’ bħal inċens: il-pubblikan tal-Vanġelu għandu l-wiċċ ta’ tant fidili tal-Lvant li, fis-skiet, jissoktaw jgħidu: “O Alla, ħenn għalija midneb”. It-talba tagħhom ma tintefiex, u llum il-Knisja universali tingħaqad ma’ dak il-kor ta’ fiduċja li jofroq is-sħab u jmiss il-qalb ta’ Alla.
Għażiż Monsinjur Mirosław, inti ġej minn art ta’ għadajjar u foresti. F’dawk il-pajsaġġi, fejn is-skiet hu l-imgħallem, tgħallimt tikkontempla; bejn il-borra u x-xemx, int fhimt kemm is-sobrjetà u kemm il-qawwa; f’familja ta’ bdiewa, il-fedeltà għall-art u għax-xogħol. L-għodwa li tisbaħ kmieni għallmitek id-dixxiplina tal-qalb, u l-imħabba għan-natura għenitek tiskopri l-ġmiel tal-Ħallieq.
Dawn l-għeruq mhumiex biss tifkira li għandek tgħożż, imma skola permanenti. Mill-kuntatt mal-art int tgħallimt li l-frott jiġi mill-istennija u mill-fedeltà: żewġ kelmiet li jiddefinixxu wkoll il-ministeru episkopali. L-Isqof hu msejjaħ jiżra’ bis-sabar, jikkultiva bir-rispett, u jistenna bit-tama. Huwa ħarries, mhux proprjetarju; bniedem tat-talb, mhux ta’ pussess. Il-Mulej qed jafdalek missjoni biex int tieħu ħsiebha bl-istess dedikazzjoni li biha l-bidwi jieħu ħsieb tal-għalqa: ta’ kuljum, b’mod kostanti, bil-fidi.
Fl-istess waqt, smajna lill-Appostlu Pawlu li, huwa u jħares lejn il-ħajja tiegħu, jgħid: “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi” (2 Tim 4:7). Il-qawwa tiegħu ma titwelidx mill-kburija, imma mill-gratitudni, għax il-Mulej wieżnu qalb it-taħbit u t-tiġrib.
Hekk, int ukoll, li mxejt it-triq tas-servizz lejn il-Knisja fir-Rappreżentanzi Pontifiċji fis-Senegal u f’pajjiżek il-Polonja, fi ħdan l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali fi Vjenna u fis-Segreterija tal-Istat, bħala Minutant u Sotto-Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati, għext id-diplomazija b’ubbidjenza għall-verità tal-Vanġelu, b’diskrezzjoni u b’kompetenza, bir-rispett u d-dedikazzjoni, u għal dan jiena grat lejk. Issa l-Mulej qed jitlob li dan id-don isir paternità pastorali: li tkun missier, ragħaj u xhud tat-tama f’art immarkata mit-tbatija u mix-xewqa għal twelid ġdid. Int imsejjaħ titqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi, mhux kontra l-oħrajn, imma kontra t-tentazzjoni li tegħja, li tingħalaq, li toqgħod tkejjel ir-riżultati, waqt li sserraħ fuq il-fedeltà li hija l-karatteristika distintiva tiegħek: il-fedeltà ta’ min ma jfittixx lilu nnifsu, imma jaqdi bi professjonalità, b’rispett, b’kompetenza li ddawwal u mhux tiddandan biha nfisha.
San Pawlu VI, fl-Ittra Appostolika Sollicitudo omnium Ecclesiarum, ifakkar li r-Rappreżentant Pontifiċju hu sinjal tal-għożża tas-Suċċessur ta’ Pietru għall-Knejjes kollha. Huwa mibgħut biex iseddaq ir-rabtiet ta’ komunjoni, biex jippromovi d-djalogu mal-Awtoritajiet ċivili, biex iħares il-libertà tal-Knisja u jiffavorixxi l-ġid tal-popli. In-Nunzju Appostoliku mhuwiex diplomatiku kwalunkwe: huwa l-wiċċ ta’ Knisja li ssieħeb, tfarraġ, tibni pontijiet. Ħidmietu mhix li jiddefendi l-interessi tal-ftit, imma li jaqdi l-komunjoni.
Fl-Iraq, art tal-missjoni tiegħek, dan is-servizz jassumi sinifikat speċjali. Hemm, il-Knisja Kattolika, f’komunjoni sħiħa mal-Isqof ta’ Ruma, tgħix f’diversi tradizzjonijiet: il-Knisja Kaldea, bil-Patrijarka tagħha tal-Babilonja tal-Kaldej u l-ilsien Aramajk tal-liturġija; il-Knejjes Siro-Kattolika, Armena-Kattolika, Griega-Kattolika u Latina. Huwa mużajk ta’ riti u ta’ kulturi, ta’ storja u ta’ fidi, li għandu jiġi milqugħ u mħares fl-imħabba.
Il-preżenza Nisranija fil-Mesopotamja hi antikissma: skont it-tradizzjoni, kien San Tumas l-Appostlu, wara l-qerda tat-Tempju ta’ Ġerusalemm, li wassal il-Vanġelu f’dik l-art; u kienu d-dixxipli tiegħu Addai u Mari li waqqfu l-ewwel komunitajiet. F’dak ir-reġjun jitolbu bil-lingwa li Ġesù kien jitkellem: l-Aramajk. Dawn l-għeruq Appostoliċi huma sinjal ta’ kontinwità li l-vjolenza, li dehret b’mod qalil fl-aħħar għexieren ta’ snin, ma setgħetx titfi. Anzi, il-leħen ta’ dawk li f’dawk l-artijiet ġew imċaħħda mill-ħajja b’mod brutali ma sikitx. Huma llum qed jitolbu għalik, għall-Iraq, għall-paċi fid-dinja.
Għall-ewwel darba fl-istorja, imbagħad, ġie Papa jżur l-Iraq. F’Marzu 2021, fil-fatt, il-Papa Franġisku mar hemm bħala pellegrin ta’ fraternità. F’dik l-art, fejn Abraham, missierna fil-fidi, sema’ s-sejħa ta’ Alla, il-Predeċessur tiegħi fakkar li “Alla, li ħalaq lill-bnedmin indaqs fid-dinjità u fil-jeddijiet, isejħilna nxerrdu l-imħabba, it-tjieba, il-ftehim. Anki fl-Iraq il-Knisja Kattolika tixtieq tkun ħabiba ta’ kulħadd u, permezz tad-djalogu, tikkollabora b’mod kostruttiv mar-reliġjonijiet l-oħra, għall-kawża tal-paċi” (Franġisku, Diskors lill-Awtoritajiet, is-soċjetà ċivili u l-Korp Diplomatiku, 5 ta’ Marzu 2021).
Illum int qed tiġi msejjaħ tkompli f’din it-triq: tħares l-ewwel il-fjur tat-tama, tinkuraġġixxi l-konvivenza paċifika, turi li d-diplomazija tas-Santa Sede tinbet mill-Vanġelu u tikber bit-talb.
Għażiż Monsinjur Mirosław, kun dejjem bniedem tal-komunjoni u tas-silenzju, tas-smigħ u tad-djalogu. Fil-kelma tiegħek ġorr il-ħlewwa li tibni u fil-ħarsa tiegħek il-paċi li tfarraġ. Fl-Iraq, il-poplu ħa jagħrfek mhux minn dak li tgħid, imma minn kif tħobb.
Nafdaw il-missjoni tiegħek lil Marija, Sultana tal-Paċi, lill-qaddisin Tumas, Addai u Mari, u lill-ħafna xhieda tal-fidi tal-Iraq. Huma jseħbuk u jkunu dawl fil-mixi tiegħek.
U hekk, waqt li l-Knisja, fit-talb, tilqgħek fil-Kulleġġ tal-Isqfijiet, nitolbu flimkien: li l-glorja ta’ Alla ddawwal il-mixja tiegħek u li l-paċi ta’ Kristu tgħammar fejn int tmidd passejk. Gloria Deo, Pax Hominibus. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard