Omelija għall-Għid tal-Imwiet. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

OMELIJA GĦAT-2 TA’ NOVEMBRU
JIENA NQAJMU MILL-IMWIET FL-AĦĦAR JUM!

L-Abbe’ Pierre, saċerdot Franċiż li ħadem ħafna b’riżq il-fqar u l-batuti ta’ Franza, illum mejjet, jirrakkonta u jgħid: “Kien hemm żagħżugħ li f’mument ta’ disperazzjoni, iddeċieda li joqtol ruħu b’idejh.” Ikompli jgħid l-Abbe’ Pierre: “Qallibt fil-kitbiet tiegħu u l-aħħar ħaġa li kiteb kienet din: jekk wara l-mewt mhemm xejn, il-ħajja mhix ta’ min jgħixha.”

Illum 2 ta’ Novembru, mad-dinja kollha, aħna l-insara niftakru f’dawk kollha li wara ħajja twila jew qasira fuq din l-art għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Il-bieraħ iċċelebrajna s-sollennita’ tal-qaddisin kollha, kemm dawk li l-Knisja daħħlithom fil-kalendarju liturġiku tagħha kif ukoll dawk li kif għedt fl-omelija tal-bieraħ, Papa Franġisku kien isejħilhom “il-qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna” jew jgħidha Papa Fraġisku wkoll: “il-klassi medja tal-qdusija”, allura qrabatna, ħbiebna u ħafna nsara oħra…ma nafuhomx, imma li ppruvaw jgħixu kif jistgħu d-dettalji tal-vanġelu. Nistgħu ngħidu, anzi għandna ngħidu li dawn huma qaddisin ukoll u nemmen li jekk nitolbuhom huma lesti jinterċedu għalina quddiem Alla.

Issa għandna quddiemna dan ix-xahar ta’ Novembru iddedikat għal dawn kollha li semmejt. F’iktar minn xhur oħra, matul dan ix-xahar li għadna kemm bdejna, aħna nżuru ċ-ċimiterji tagħna, inżejnu l-oqbra b’kuruni tal-ward u ndawluhom bix-xemgħa għax nemmnu li taħt l-irħam kiesaħ ta’ ħafna monumenti, jinsabu jistrieħu l-fdalijiet ta’ dawk li għaddew minn din il-ħajja għall-ħajja ta’ dejjem, fosthom qrabatna u l-ħbieb tagħna mejtin. Forsi qed niżbalja ngħid: “qrabatna u l-ħbieb tagħna mejtin” għaliex? Għax dawk li bl-għajnejn tal-ġisem huma mejtin u ma nistgħux narawhom iktar ħlief fuq xi ritratt jew fuq xi santa li ġbarna meta morna għall-funeral tagħhom, bl-għajnejn tal-fidi huma ħajjin għal dejjem: ġisimhom tħassar u sar trab…Fil-fatt hawnhekk ta’ min jiftakar f’sentenza, qasira imma sentenza li ma nistgħux naħarbu minnha li jgħid is-saċerdot hu u jroxx fuq ir-ras ta’ kull wieħed u waħda minna fil-bidu tar-randan: “trab kont u trab trid terġa’ ssir”, imma bl-għajnejn tal-fidi, jien u int se nibqgħu ħajjin għal dejjem. Xi ħadd darba qal: “Il-bniedem ma jitwelidx biex jgħix 60, 70, 90 sena imma biex jgħix għal dejjem.” Annimal, pjanta jgħixu għal ftit snin u jispiċċaw bħallikieku ma eżistew qatt, imma l-bniedem mhux hekk. Ruħu jew in-nifs li Alla nefaħ fih dak inhar li tnissel f’ġuf ommu jibqa’ għal dejjem. Fis-silta qasira mill-vanġelu ta’ San Ġwann li għadni kemm qrajt Ġesu’ qalilna: “Għax ir-rieda ta’ Missieri hija din: li min jara l-Iben u jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.” Fil-ktieb tal-Għerf, l-awtur sagru jgħidilna: “Għax il-mewt mhux Alla għamilha; u lanqas togħġbu l-qerda tal-ħajjin. Hu ħalaq kollox biex jgħix; għall-ħajja huma l-ħlejjaq tad-dinja, mhemmx fihom velenu tal-mewt. (1,13.14)

Hawnhekk xtaqt ngħidilkom kelma fuq il-purgatorju. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna li dawk li jmutu fil-grazzja t’Alla u l-ħbiberija ta’ Alla, iżda mhux safja għal kollox, minkejja li żguri mis-salvazzjoni ta’ dejjem tagħhom, wara mewthom iġarrbu purifikazzjoni, biex jiksbu l-qdusija meħtieġa ħa jidħlu fl-hena tas-sema. (1030) Dan it-tagħlim hu mibni wkoll fuq id-drawwa tat-talb għall-mejtin, li dwaru titkellem l-Iskrittura. Insibu hekk: “Għalhekk Ġuda l-Makkabew offra sagrifiċċju tal-purifikazzjoni biex il-mejtin jinħelsu minn dnubiethom.”

Se nikkonkludi bl-istorja tad-dudu tal-ħarir. F’wieħed mill-kotba li nqalleb biex nipprepara l-omelija sibt dan li ġej… “L-istorja tal-bniedem nistgħu nxebbħuha mal-istorja tad-dudu tal-ħarir. Id-dudu tal-ħarir jgħaddi ħajtu jitkaxkar minn fuq werqa għal fuq l-oħra, jiekol, jikber u jeħxien. Meta jikber kemm għandu jikber, arah jilef il-kuluri tiegħu, jikrieħ ħafna u jingħalaq mejjet ġo qoxra. Pero’ tasal ir-rebbiegħa, il-qoxra tibda tintefaħ bil-mod il-mod u dak li qabel kien dudu tal-ħarir, jikaxkar minn fuq werqa għal fuq l-oħra, joħroġ farfett sabiħ, itir ‘il fuq maż-żiffa tar-riħ. Hekk il-bniedem. Bħad-dudu tal-ħarir, il-bniedem jaħdem u jistinka ħa jkollu biex jgħix. U mbagħad? Imbagħad jasal it-tmiem u dak li qabel kien itajjar in-nar, jingħalaq mejjet ġo tebut tal-injam, funeral sabiħ…U mbagħad? Min ma jemminx jgħid li jkun spiċċa kollox. Min jemmen jgħid li tkun bdiet ħajja ġdida: il-ħajja tal-farfett!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading