Katekeżi tal-Papa Ljun XIV għas-60 anniversarju tan-Nostra ætate

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 29 ta’ Ottubru 2025

Katekeżi fl-okkażjoni tas-60 anniversarju mid-Dikjarazzjoni Konċiljari Nostra ætate

Għeżież ħuti, pellegrini fil-fidi u rappreżentanti tad-diversi tradizzjonijiet reliġjużi!

L-għodwa t-tajba, merħba!

Fiċ-ċentru tar-riflessjoni tal-lum, f’din l-Udjenza Ġenerali ddedikata lid-djalogu interreliġjuż, nixtieq intenni l-kelmiet tal-Mulej Ġesù lill-mara Samaritana: “Alla hu spirtu, u dawk li jqimuh għandhom iqimuh fl-ispirtu u fil-verità” (Ġw 4:24). Fil-Vanġelu, din il-laqgħa tikxef l-essenza tad-djalogu awtentiku reliġjuż: skambju li jseħħ meta l-persuni jinfetħu għal xulxin b’sinċerità, smigħ attent u arrikkiment reċiproku. Huwa djalogu li jinbet mill-għatx: l-għatx ta’ Alla għall-qalb tal-bniedem u l-għatx tal-bniedem għal Alla. Ħdejn il-bir ta’ Sikar, Ġesù jegħleb il-fruntieri tal-kultura, tal-ġeneru u tar-reliġjon. Jistieden lill-mara Samaritana għal għarfien ġdid tal-kult, li mhux limitat għal post partikulari – “la fuq din il-muntanja u lanqas f’Ġerusalemm” – imma jseħħ fl-Ispirtu u fil-verità. Dan il-mument jiġbor l-istess qalba tad-djalogu interreliġjuż: l-iskoperta tal-preżenza ta’ Alla lil hemm minn kull konfini u l-istedina biex infittxuh flimkien b’qima u umiltà.

Sittin sena ilu, fit-28 ta’ Ottubru 1965, il-Konċilju Vatikan II, bil-promulgazzjoni tad-Dikjarazzjoni Nostra ætate, fetaħ xefaq ġdid ta’ laqgħa, rispett u ospitalità spiritwali. Dan id-Dokument sabiħ jgħallimna niltaqgħu mas-segwaċi ta’ reliġjonijiet oħra mhux bħala barranin, imma bħala sieħba tal-vjaġġ fit-triq tal-verità; biex nonoraw id-differenzi billi naffermaw l-umanità komuni tagħna; u biex niddixxernu, f’kull tiftix reliġjuż sinċier, rifless tal-Misteru waħdieni divin li jħaddan il-ħolqien kollu.

B’mod partikulari, ma rridux ninsew li l-ewwel orjentament tan-Nostra ætate kien lejn id-dinja Lhudija, li magħha San Ġwanni XXIII ried jerġa’ jiftaħ ir-relazzjoni tal-bidu. Hekk għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja kellu jissawwar trattat duttrinali fuq l-għeruq Lhud tal-Kristjaneżmu, li fuq il-livell bibliku u teoloġiku kien jirrappreżenta punt mingħaj ritorn. “Il-poplu tat-Testment il-Ġdid għandu rabta spiritwali man-nisel ta’ Abraham. Il-Knisja ta’ Kristu, infatti, tagħraf illi skont il-misteru divin tas-Salvazzjoni, il-bidu tal-fidi u tal-għażla tagħha jinsab diġà fil-Patrijarki, f’Mosè u fil-profeti” (NA, 4). Hekk, il-Knisja, “waqt li tiftakar fil-wirt komuni li għandha mal-Lhud, u mqanqla mhux minn raġunijiet politiċi iżda biss mill-karità reliġjuża u evanġelika, tiddeplora l-mibegħda, il-persekuzzjonijiet u kull manifestazzjoni ta’ antisemitiżmu kontra l-Lhud ta’ kull żmien, kien min kien li ppersegwitahom” (ibid.). Minn dakinhar, il-predeċessuri tiegħi kollha kkundannaw l-antisemitiżmu bi kliem ċar. U għalhekk jien ukoll nikkonferma li l-Knisja ma tittollerax l-antisemitiżmu u tiġġelidlu, minħabba l-istess Vanġelu.

Illum nistgħu nħarsu bi gratitudni lejn dak kollu li seħħ fid-djalogu bejn Lhud u Kattoliċi f’dawn l-aħħar sitt deċennji. Dan mhux dovut biss lill-isforz uman, imma lill-għajnuna ta’ Alla tagħna li, skont il-konvinzjoni Nisranija, huwa fih innifsu djalogu. Ma nistgħux niċħdu li f’dan il-perjodu kien hemm ukoll nuqqas ta’ ftehim, diffikultajiet u kunflitti, imma li qatt ma żammu d-djalogu milli jkompli għaddej. Illum ukoll ma rridux inħallu li ċ-ċirkustanzi politiċi u l-inġustizzji ta’ xi wħud ixekkluna mill-ħbiberija, fuq kollox għax sal-lum irnexxielna nagħmlu ħafna.

L-ispirtu tan-Nostra ætate jissokta jdawwal il-mixja tal-Knisja. Hi tagħraf li r-reliġjonijiet kollha jistgħu jirriflettu “raġġ ta’ dik il-verità li ddawwal lill-bnedmin kollha” (n. 2) u jfittxu tweġibiet għall-misteri kbar tal-ħajja tal-bniedem, hekk li d-djalogu għandu jkun mhux biss intellettwali, imma profondament spiritwali. Id-Dikjarazzjoni tistieden lill-Kattoliċi kollha – isqfijiet, kleru, persuni kkonsagrati u fidili lajċi – biex jieħdu sehem b’mod sinċier fid-djalogu u fil-kollaborazzjoni mas-segwaċi ta’ reliġjonijiet oħra, waqt li jagħrfu u jippromovu dak kollu li hu tajjeb, veru u qaddis fit-tradizzjonijiet tagħhom (ara ibid.). Dan illum huwa meħtieġ prattikament f’kull belt tad-dinja fejn, minħabba l-mobbiltà umana, id-diversitajiet spiritwali tagħna u ta’ appartenenza huma msejħa għal laqgħa flimkien u biex jikkonvivu fraternament. In-Nostra ætate tfakkarna li d-djalogu veru għandu għeruqu fl-imħabba, fundament waħdieni tal-paċi, tal-ġustizzja u tar-rikonċiljazzjoni, waqt li tirrifjuta bil-qawwa kull xorta ta’ diskriminazzjoni jew persekuzzjoni, u tafferma d-dinjità ndaqs ta’ kull bniedem (ara NA, 5).

Għalhekk, għeżież ħuti, sittin sena wara n-Nostra ætate, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: x’nistgħu nagħmlu flimkien? It-tweġiba hi sempliċi: naġixxu flimkien. Iżjed minn qatt qabel, id-dinja tagħna għandha bżonn tal-għaqda ta’ bejnietna, tal-ħbiberija tagħna u tal-kollaborazzjoni tagħna. Kull waħda mir-reliġjonijiet tagħna tista’ tikkontribwixxi biex ittaffi t-tbatijiet umani u biex tieħu ħsieb tad-dar komuni tagħna, il-pjaneta Art. It-tradizzjonijiet rispettivi tagħna jgħallmu l-verità, il-kompassjoni, ir-rikonċiljazzjoni, il-ġustizzja u l-paċi. Jeħtieġ naffermaw mill-ġdid is-servizz lill-umanità, f’kull mument. Flimkien, jeħtieg ngħassu kontra l-abbuż f’isem Alla, ir-reliġjon jew l-istess djalogu, kif ukoll kontra l-perikli li jġibu l-fundamentaliżmu reliġjuż u l-estremiżmu. Jeħtieġ anki naffrontaw l-iżvilupp responsabbli tal-intelliġenza artifiċjali, għax, jekk maħsuba bħala alternattiva għall-uman, din tista’ tivvjola gravament id-dinjità infinita tiegħu u tinnewtralizza r-responsabbiltajiet fundamentali tiegħu. It-tradizzjonijiet tagħna għandhom kontribut immens x’jagħtu għall-umanizzazzjoni tat-teknoloġija u allura biex inebbħu r-regolamentazzjoni tagħha, bi protezzjoni għad-drittijiet umani fundamentali.

Kif ilkoll nafu, ir-reliġjonijiet tagħna jgħallmu li l-paċi tibda mill-qalb tal-bniedem. F’dan is-sens, ir-reliġjon jista’ jkollha rwol fundamentali. Jeħtieġ inġibu mill-ġdid it-tama fil-ħajjiet personali tagħna, fil-familji tagħna, fil-postijiet fejn ngħixu, fl-iskejjel tagħna, fl-irħula tagħna, fil-pajjiżi tagħna u fid-dinja tagħna. Din it-tama tissejjes fuq il-konvinzjonijiet reliġjużi tagħna, fuq il-konvinzjoni li dinja ġdida hi possibbli.

In-Nostra ætate, sittin sena ilu, ġabet tama fid-dinja ta’ wara t-Tieni Gwerra. Illum aħna msejħin nerġgħu nġibu dik it-tama fid-dinja tagħna mifnija mill-gwerra u fl-ambjent naturali tagħna daqshekk imkasbar. Ejjew nikkollaboraw, għax jekk inkunu magħqudin, kollox hu possibbli. Nagħmlu mezz li xejn ma jifridna. U f’dan l-ispirtu, nixtieq nesprimi mill-ġdid il-gratitudni tiegħi għall-preżenza tagħkom u l-qrubija tagħkom. Ejjew nittrasmettu dan l-ispirtu ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni anki lill-ġenerazzjoni li ġejja, għax hu l-veru pilastru tad-djalogu.

U issa, nieqfu għal mument ta’ talb fis-skiet: it-talb għandu l-qawwa li jibdel l-atteġġjamenti tagħna, il-ħsibijiet tagħna, il-kliem tagħna u l-azzjonijiet tagħna.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading