Ġwanni Pawlu II f’San Juan de Porto Rico

VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’SARAGOZZA,
SANTO DOMINGO U PUERTO RICO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Pjazza «Las Américas» ta’ San Juan de Porto Rico
Il-Ġimgħa, 12 ta’ Ottubru 1984

Imma meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu. Mwieled minn mara” (Gal 4, 4).

1. Għeżieħ uliedi ta’ Porto Rico: l-Isqof ta’ Ruma u suċċessur ta’ Pietru illum jipprofessa flimkien magħkom il-fidi mfissra bil-kliem tal-appostlu San Pawl, meħuda mill-Ittra lill-Galatin: Alla bagħat lil Ibnu mwieled minn mara.

Waqt li nibbaża lili nnifsi fuq il-verità feddejja miġbura f’dan il-kliem, insellem kordjalment u nagħti merħba lill-komunità tal-poplu ta’  Alla kollha li jgħammar f’Porto Rico, l-istess bħal lill-membri kollha tas-soċjetà ta’ din il-gżira ta’ “Borinquen bella”, li lilha Colombo taha l-isem ta’ San Ġwann Battista.

Liema ferħ tipproduċi f’ruħi l-osservazzjoni li f’din l-art, imdawra mill-oċean Atlantiku, il-popolazzjonijiet laqgħu lil Kristu, dawn jixhduh u jxandruh bħala Bin Alla u Salvatur, bħala Kap tal-Knisja u l-oġġett tal-fidi tagħhom.

Għalhekk niżżi ħajr lil Alla ta’ din il-laqgħa, li fiha lkoll inħossuna magħqudin ma’ Kristu, kuntenti bil-preżenza tiegħu fostna, u billi nagħrfuh bħala l-għerq tal-fratellanza tagħna fih.

F’din il-prospettiva ta’ sinifikat ekkleżjali qawwi, noffri l-merħba kordjali tiegħi lir-rgħajja tal-Knisja f’Porto Rico; l-ewwelnett lis-Sinjur Kardinal Luis Aponte Martínez, arċisqof ta’ San Juan, lill-isqfijiet l-oħra immexxija minn Monsinju arċisqof, Juan Fremiot Torres Oliver, lis-saċerdoti, lis-seminaristi, lill-familji reliġjużi u lill-poplu tal-fidili. Nagħti merħba wkoll lil ħutna nsara rappreżentanti tal-Knejjes u l-komunitajiet insara l-oħra ta’ Porto Rico. Tislima li nestendi lis-sur segretarju tal Istat tal-Istati Uniti, li ġie jilqagħni fl-ajruport, lis-sur gvernatur, lill-awtoritajiet u lir-rappreżentanti tal-poplu Porturikan fl-espressjonijiet  politiko-reliġjużi differenti tagħhom.

2. “Meta waslet il-milja taż-żmien bagħat lil Ibnu . . . biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied” (Gal 4, 5).

Tali huwa l-pjan etern ta’ Alla. Il-pjan etern tal-Providenza divina. Hekk Alla riedu, sabiex ulied il-ġeneru uman jiksbu f’Ibnu id-dinjità ta’ wlied maskili u femminili. Għal dan il-għan, dak li huwa tal-istess natura tal-Missier Alla veru minn Alla veru, l-Iben etern, il-Verb tal-Missier isir bniedem.

U permezz ta’ din l-adozzjoni divina tal-bniedem jitwettaq kostantament il-kliem: “Alla bagħat fi qlubna l-Ispirtu ta’ Ibnu jgħajjat Abba, Missier” (Gal 4, 6).

Grazzi għall-poter santifikatur tal-Ispirtu Santu, il-grazzja santifikanti, mhux biss aħna msejħa Ulied Alla, imma aħna tassew hekk (cf. 1 Ġw 3,1) u nistgħu minħabba dan insejħu lil Alla “Missier”.

Aħna wlied fl-Iben. U, la wlied, ukoll werrieta, bir-rieda ta’ Alla (Gal 4, 7).

F’din il-kondizzjoni ta wlied u f’dan il-wirt huwa evidenti kemm mimlija bl-imħabba hija l-Providenza lejn ulied il-ġeneru uman.

3. Alla bagħat lil Ibnu, “imwieled minn mara”. Isem din il-mara kien Marija.

Il-Knisja kollha ssellmilha bil-kliem tal-Arkanġlu Gabriel: “Ifraħ,  mimlija bil-grazzja, il-Mulej huwa miegħek” (Lq 1, 28).

Il-Knisja ta’ Porto Rico tqim lil Marija bħala Omm il-Providenza divina. Fdan tidher il-profondità tal-fidi tagħkom. Infatti l-Providenza divina hija marbuta mal-maternità divina ta’ Marija. L-Iben ta’ Alla – eternament tal-istess natura tal-Missier – sar bniedem jixbaħ lilna f’kollox, minbarra d-dnub (cf. Lh 4, 15), ladarb hi, fl-ubbidjenza l-iktar profonda għall-pjani divini, ikkonċepietu verġinalment u tagħtu lid-dawl bħala Bin il-bniedem.

Taħt dan l-aspett Marija hija tassew l-Omm tal-Providenza divina, u intom tipproklamawha b’dan it-titolu partikolari u tqimuha b’din l-invokazzjoni sabiħa.

4. Naf sewwa li f’din l-art “borinquegna” kienet dejjem profonda ħafna d-devozzjoni lejn l-Omm ta’ Kristu u tal-Knisja. Il-Portorikan iħoss tassew lil Marija bħala il-propja Ommu tas-sema.

Din l-imħabba lejn Marija kienet imħeġġa mill-ewwel missjunarji ġejjin minn artijiet ta’ tradizzjoni Marjana profonda. Ir-reliġjużi, saċerdoti u isqfijiet bla jaqtgħu – minn l-ewwel ragħaj f’din is-sedja arċiveskovili, Alomżnso Mansoo, l-ewwel prelat li medd riġlu f’art Amerikana – tambrukhom b’din id-devozzjoni.

Dan li tħossukom profondament aħwa fil-fidi u wlied omm komuni, għallimkom il-fehim reċiproku, l-ospitalità, l-imħabba għall-konvivenza fil-paċi, il-ħila li tifhmu lil xulxin ‘il hemm mill-opzjonijiet soċjali differenti. Din hi xi ħaġa li għandkom tippriservawha f’kull waqt u ċirkustanza.

L-imħabba għaqlija tal-Missier, messitkom dejjem fuq il-mogħdijiet tal-istorja b’idejn Marija. Il-waqtiet storiċi diffiċli għall-fidi, il-bidwi tajjeb ta’ din l-art ġarr, u għadu jġorr, imdendla  m’għonqu il-kuruna tar-Rużarju tal-Verġni Marija. Din kienet is-sinjal distintiv tal-fidi tiegħu.

U l-predeċessur tiegħi, Pawlu VI, ipproklama patruna ta’ Porto Rico lis-Sinjura tagħna tal-Providenza divina.

Naf li issa feħsiebkom tibnu lil Marija, Omm il-Providenza divina, santwarju, fejn intom u wliedkom titgħallmu timxu aħjar lejn Ġesù permezz ta’ Marija. Irrid ninkuraġġixxi x-xewqa tagħkom u nitlob lill-Mulej li jtikom li dan tkunu tistgħu twettquh. Dan is-santwarju Marjan għandu jfakkarkom li intom il-ġebel ħaj ta’ dak it-tempju spiritwali u universali li huwa l-Knisja. Din il-Knisja li tgħix ukoll fl-Amerika Latina, li fil-kuntest tagħha intom tinsabu.

Sa fejn tgħixu l-fidi tagħkom, intom tagħtu qawwa u stabbiltà lil dan it-tempju, imsejjaħ biex jilqà u jipproteġi lil kull bniedem. Li rċivejtu l-Magħmudija hija grazzja kbira. Imma din tikkostitwixxi biss l-ewwel kapitlu ta’ storja individwali u kollettiva li hemm bżonn tinkiteb b’eżerċizzji kostanti ta’ fidi tali li dejjem iżżomm ħajja l-fjamma tal-imħabba u tat-tama li Kristu xegħel billi jieħu sehem f’ħajjitna.It-tweġiba tagħna għall-inkarnazzjoni tiegħu trid tkun dik li nsegwu fedelment il-program ta’ ħajja stabbilit minnu. Ladarba tkun nisrani jfisser attakkament mar-rieda feddejja tal-Missier, imitazzjoni ta’ Kristu f’imħabbtu għall-bniedem u relazzjoni spissa mal-Ispirtu Santu.

Aħsbu f’dan il-program meta tidħlu fit-tempju futur ikkonsagrast lil Marija, omm il-Providenza divina, u hija tgħinkom biex twettquh għall-ġid tagħkom u tal-komunità Portorikana kollha

5. Il-Vanġelu ta’ din il-quddiesa jġib f’moħħna l-ġrajja li seħħet f’Kana tal-Galilea: it-tieġ ta’ Kana. Waqt il-festa tat-tieġ naqas l-imbid. Allura Marija daret fuq Ġesù b’dan il-kliem: “M’għandhomx imbid” (Ġw 2, 3).

Permezz ta’ dan il-fatt ordinarju, il-Knisja trid tgħallimna li Marija hija l-Omm tal-Providenza divina, dik jiġifieri li tgħasses fuq l-eżistenza umana tagħna.

Hija, infatti, bħala Omm kulħadd (cf. Lumen Gentium, 61), bħala eżempju u tip tal-Knisja (Ivi, 63), tgħasses fuq uliedha, u tinkuraġġina biex nisforzaw biex nibnu d-dinja fl-imħabba, fil-fehim u fil-ġustizzja, sabiex ir-realtà temporali tkun iktar denja tal-bniedem (cf. Gaudium et Spes, 93).

Hija tkompli tinterċedi għall-bnedmin uliedha sabiex ma jinsewx id-dmirijiet tagħhom temporali ta’ fedeltà lejn Alla u lejn il-bniedem (cf. Gaudium et Spes, 43) waqt li tkompli biex tikseb mill-Feddej tagħhom “id-doni tas-salvazzjoni eterna” (Lumen Gentium, 62).

6. Ġesù jwieġeb għal kliem ommu: “X’hemm bejni u bejnek? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx” (Ġw 2, 4). Madankollu, bla ma tat każ tat-tweġiba (li dehret negattiva) omm Ġesù ordnat lill-qaddejja biex jimlew il-ġarar bl-ilma, li mbidel f’imbid, Quddiem dan l-evanġelista jinnota: “Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilea kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2, 11).

L-Omm tal-Providenza divina tirrivela ruħha wkoll fil-kliem: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Hawn hija żvelata l-funzjoni essenzjali ta’ Marija, li hija li tmexxi lill-bnedmin lejn ir-rieda tal-Missier murija fi Kristu, li twassal lil uliedha lejn iċ-ċentru tal-misteru feddej tar-Redentur tal-bniedem.

Hija b’kelmitha, imma fuq kollox bl-eżempju tagħha ta’ ubbidjenza perfetta għall-pjan tal-Providenza, tkompli tindika lil kull bniedem u lil kull soċjetà il-mixja li għandhom isegwu: agħmlu dak li jgħidilkom hu. Bħallikieku riedet tgħid: isimgħu kelmtu , għaliex huwa l-mibgħut tal-Missier (cf. Mt 3, 17); segwuh b’fedeltà, ladarba huwa hu it-triq, il-verità u l-ħajja (cf. Ġw 14, 6); kunu fid-dinja tallum id-dawl u l-melħ tal-art (cf. Mt 5, 13-16); kunu operaturi tal-paċi, tal-ġustizzja, tal-ħniena, tal-purezza tal-qalb (cf. Mt 5, 3-12); araw fl-imġewwaħ, fil-marid, fil-barrani,il-preżenza ta’ Kristu li qiegħed jitlob għajnuna (cf. Mt 25, 31-46).

7. Għeżież uliedi ta’ Porto Rico: Omm il-Providenza divina hija partikolarment preżenti f’nofs il-komunità tagħkom. Waqt li tindika lil Kristu, il-Mulej, hija tirrepeti ll-kliem migħud f’Kana tal-Galilea: “Agħmlu dak li jgħidilkom”.

X’għandu x’jgħidilkom illum?

Wieħed mis-setturi li fuqu titfa l-attenzjoni materna tagħha  huwa bla dubju dak tal-familja. Il-konsiderazzjoni profonda li fiha żżommuha hija waħda mill-elementi li jiffurmaw il-patrimonju reliġjuż-kulturali tagħkom. Il-familja tittrażmetti l-valuri kulturali, etiċi, ċivili, spiritwali u reliġjużi li jiffavorixxu l-iżvilupp tal-membri tagħha u tas-soċjetà. Fi ħdanha, il-ġenerazzjonijiet diversi jgħinu lil xulxin biex jikbru u biex jarmonizzaw id-drittijiet propji mal-esiġenzi tal-oħrajn. Għal dan hija trid tkun ambjent intensament evanġelizzat, sabiex tkun iffertilizzatha bil-valuri nsara u tirrifletti l-eżempju ta’ ħajja tas-Sagra familja.

Il-ftuħ għal soċjetajiet oħra jrid barra minn dan iservikom biex tarrikkixxu tagħkom. Imma tippermettux li konċezzjonijiet imbegħda mill-fidi tagħkom u mill-pekuljarità tagħkom bħala poplu, jeqirdu l-familja,billi jattakkaw l-għaqda u l-indissolubità taż-żwieġ. Salvaw l-imħabba fidila u duratura! U ssuperaw il-koncezzjoni divorsista tas-soċjetà  .

Barra minn dan ftakru li kif għallem l-aħħar Konċilju “il-ħajja, la darba tkun konċeputa, trid tkun ipproteġutha bl-ikbar attenzjoni; u kemm l-abort kif ukoll l-infantiċidju huma delitti disgustanti” (Gaudium et Spes, 51). Ebda liġi umana ma tista, għalhekk, tiġġustifika moralment l-abort ipprovokat. U linqas ma huma ammissibli fuq il-pjan morali provedimenti tal-awtorità pubblika li huma ntenzjonati li jillimitaw il-libertà responsabbli tal-missirijiet li jiddeċiedu fuq l-ulied li jridu jġibu fid-dinja.

8. Qasam ieħor li għalih tridu tapplikaw it-tagħlim tal-Imgħallem huwa dak taż-żgħożija. Għall-formazzjoni tiegħu fil-fidi tal-Knisja f’Porto Rico trid tiddedika attenzjoni prijoritarja, sabiex Kristu jkun preżenti fiż-żgħażagħ u jispira l-imġieba tagħhom.

Iż-żgħożija taħrab il-medjokrità, tgħix it-tama u tixtieq issib kollokazzjoni ġusta fis-soċjetà tallum. Minħabba dan leħinha għandu jkun mismugħ u ż-żgħożija għandu jkollha aċċess għall-ġid spiritwali, kulturali u materjali tad-dinja tagħna, biex tevita li taqà vittma tal-frustrazzjoni, tax-xewqa ta’ evażjoni u tad-droga.

Imma tinsew qatt li biex timtela b’ideali validi ir-ruħ taż-żgħażagħ hemm bżonn li nagħtuha orizzonti solidi ta’ edukazzjoni morali u kulturali. Infaħħar u nbierek, mela, l-isforz li l-Knisja qiegħda tagħmel f’Porto Rico favur iż-żgħożija, kemm fl-iskejjel u l-kulleġġi, kif ukoll fl-università. U ninkuraġġikom biex tkomplu fuq din it-triq sabiex kulħadd, tkun xi tkun il-pożizzjoni soċjali tagħhom, ikunu jistgħu jirċievu fiċ-ċentri edukattivi tal-Knisja u barra minnha edukazzjoni integrali.

Jekk Alla jrid li l-ġenituri jkollhom libertà sħiħa li jagħżlu t-tip ta’ skola li jippreferu għal uliedhom, mingħajr ma jkollhom iġarrbu piżijiet ekonomiċi (cf. CIC, can. 797)  u li l-iskejjel jipprovdu wkoll għall-edukazzjoni reliġjuża u morali taż-żgħażagħ, bi qbil mal-kuxjeza tal-ġenituri tagħhom (cf. CIC, can. 799).

9. Dak tal-lajċi huwa settur ieħor li fuqu wieħed jinnota l-bżonn li jkun applikat dak li Kristu jitlob illum lill-Knisja f’Porto Rico.

Il-Konċilju Vatikan II iddefinixxa b’mod ċar il-figura u l-missjoni tal-lajkat nisrani fil-Knisja u fid-dinja. Huwa konsolanti li nafu li f’dan il-Pajjiż  nibtu gruppi ta’ żgħażagħ u ta’ adulti li, konxji tal-esiġenzi tal-Magħmudija tagħhom, jixtiequ jikkollaboraw b’ġenerożità fis-sevizz appostoliku lill-komunità ekkleżjali, billi huma stess ikunu l-ewwel li jgħixu b’mod integru l-fidi tagħhom.

Irrid għalhekk ninkuraġġixxi l-lajċi fid-dinamiżmu nisrani tagħhom, billi nħeġġiġhom ħalli jeżerċitaw il-missjoni propja f’kunċett intimu mal-isqfijiet u s-saċerdoti. Il-lajċi jaħsbu li lilhom imiss li jimpenjaw ir-realtà temporali tal-valuri tal-Vanġelu (cf. Apostolicam Actuositatem, 7) u jissieltu minn ġewwa għat-trasformazzjoni tas-soċjetà skont Alla, Quddiemhom jinfetaħ qasam ta’ azzjoni immens, biex jikkontribwixxu bil-forzi kollha tagħhom għal titjib soċjali fis-sitwazzjoni diffiċli ekonomika attwali. F’dan id-dmir ġeneruż tidħol l-opra meħtieġa ta’ moralizzazzoni tal-ħajja pubblika, l-isforz sabiex il-piż maġġur tas-sitwazzjoni ma jaqax fuq l-iktar foqra, it-taqtigħa kontra dak li jħarbat il-konvivenza soċjali, kontra d-delinkwenza, il-fenomenu tad-droga, il-korruzzjoni, l-alkoholiżmu. B’ideal ta’ sens etiku inkorruttibli u ta’ mħabba għall-bniedem xbiha ta’ Alla, il-lajk nisrani jistà jibdel il-qlub u jeleva hekk it-ton morali tas-soċjetà.

Waqt li nitkellmu dwar l-impenn ekkleżjali u uman tal-lajċi, irrid nirriserva aċċenn speċjali, iżżi ħajr u inkuraġġiment lill-animaturi jew presidenti tal-assembleja, li joperaw b’mod tant meraviljuż fil-komunitajiet insara fejn mhemmx is-saċerdot. U l-istess irrid ngħid lill- katekisti numerużi hawn ippreżentati u li jikkollaboraw b’mod tant hekk effikaċi fl-opra tal-evanġelizzazzjoni. Dawn għandhom mudell distint fi Fra Ramon Pané, li kkatekizza u kien jaf sewwa l-kultura tat-Tainos. Għalhekk, għeżież katekisti u animaturi tal-assemblea, f’din l-art ta’ kisbiet katekistiċi fertili, komplu fl-impenn tagħkom favur il-fidi tal-poplu tagħkom.

F’dan il-kuntest ta’ universalità ekkleżjali, ma nistax nonqos li nsellem lill-membri numerużi ta’ komunitajiet insara oħra, preżenti magħkom, u li f’Porto Rico sabu merħba kordjali u l-inseriment tagħhom soċjali.

Bħala Ragħaj tal-Knisja kollha, jiena nindirizza t-tislima mill-qalb lil dawk li jgħixu barra minn art twelidhom. Fost dawn, it-Taħitjani, dawk li ġejjin minn diversi Pajjiżi tal-Ewropa, il-membri tal-gruppi lingwistiċi jew nazzjonali oħra  u, partikolarment, il-fidili numerużi ta’ Kuba.

Dan l-isem li għadni kemm semmejt, Kuba, hekk qrib ġeografikament, iqanqal fija sentimenti ta’  mħabba profonda u nteress lejn l-ulied kollha ta’ dan il-poplu nobbli: saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, lajċi nsara tal-Perla tal-Karajbi!

10. Miġburin f’din il-komunità straordinarja tal-poplu ta’ Alla, wara li mmeditajna l-kelma rivelata li tippreżentalna l-liturġija tallum, irridu nippronunzjaw ilkoll, flimkien ma’ Omm Alla, dan l-innu ta’ tifħir lill-Providenza divina li fih  hija esprimiet il-“Magnificat” ta’ ruħha:

Ħwejjeġ kbar għamel miegħi s-Setgħani u qaddis hu l-isem tiegħu; minn nisel għal nisel il-ħniena tiegħu tinfirex fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lc 1, 49-50).

Għeżież ħuti: ħa tkun ħajja fi qlubkom il-biżà ta’ Alla. Din hija il-bidu tal-għerf (cf. Sal 111, 10). U mill-għerf titwieled l-imħabba.

La tonqsux  li tiżżu ħajr lil Alla, għaliex “bagħat lil ibnu, mwieled minn mara . . . sabiex nirċievu l-adozzjoni ta’ wlied”.

La tonqsux li tapprezzaw il-wirt tal-fidi fi Kristu u l-grazzja tal-adozzjoni divina.

La tinsewx tiżżu ħajr lill-Omm tal-Providenza divina. Jalla hi tkun għall-ġenerazzjonijiet kollha ta’ din l-art il-Bieb tas-salvazzjoni. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading