LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 26 ta’ Novembru 2025
Ċiklu ta’ Katekeżijiet – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. IV. Il-Qawmien ta’ Kristu u l-isfidi tad-dinja tal-lum. 6. Nittamaw fil-ħajja biex innisslu l-ħajja
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
L-Għid ta’ Kristu jdawwal il-misteru tal-ħajja u jippermettilna nħarsu lejh bit-tama. Dan mhux dejjem hu faċli jew ovvju. Ħafna ħajjiet, f’kull parti tad-dinja, jidhru mimlija taħbit, niket, problemi u xkiel x’jingħeleb. Imma, il-bniedem jirċievi l-ħajja bħala don: ma jitlobhiex hu, ma jagħżilhiex, imma jġarrabha fil-misteru tagħha mill-ewwel sal-aħħar jum. Il-ħajja għandha speċifiċità straordinarja tagħha: tiġi offruta lilna, ma nistgħux niksbuha waħidna, imma rridu nsaħħuha kontinwment: hemm bżonn ta’ kura li tweżinha, tagħtiha l-ħajja, tħarisha, iġġeddidha.
Nistgħu ngħidu li l-mistoqsija fuq il-ħajja hi waħda mill-kwistjonijiet l-aktar profondi tal-qalb umana. Aħna dħalna fl-eżistenza mingħajr ma għamilna xejn biex iddeċidejna hekk. Minn din l-evidenza joħorġu bħal xmara sħiħa l-mistoqsijiet ta’ kull żmien: min aħna? Mnejn ġejjin? Fejn sejrin? Liema hu s-sens aħħari ta’ dan il-vjaġġ kollu?
Li ngħixu, fil-fatt, jinvoka sens, direzzjoni, tama. U t-tama taħdem bħal dik l-ispinta qawwija li tgħinna nimxu qalb id-diffikultajiet, li ma tħalliniex inċedu fit-taħbit tal-vjaġġ, li taċċertana li l-pellegrinaġġ tal-ħajja se jeħodna d-dar. Mingħajr it-tama l-ħajja tirriskja li tidher bħal parentesi bejn żewġt iljieli eterni, pawża qasira bejn qabel u wara l-pellegrinaġġ tagħna fuq l-art. Imma fil-ħajja, li nittamaw ifisser li nduqu minn qabel id-destinazzjoni, nemmnu bħala ħaġa żgura dak li għadna m’aħniex naraw u mmissu, nafdaw u nintelqu fl-imħabba ta’ Missier li ħalaqna għax riedna bi mħabba u jridna hienja.
Għeżież, fid-dinja hemm marda mifruxa: in-nuqqas ta’ fiduċja fil-ħajja. Bħallikieku rrassenjajna ruħna għal fatalità negattiva, ta’ ċaħda. Il-ħajja qed tirriskja li ma tibqax tirrappreżenta possibbiltà li rċivejna bħala don, imma ħaġa li ma nafux, kważi theddida li minnha rridu nħarsu ruħna biex ma noħorġux delużi. Għalhekk, il-kuraġġ li ngħixu u li nnisslu l-ħajja, li nagħtu xhieda li Alla hu per eċċellenza “l-maħbub tal-ħajja”, kif jafferma Ktieb il-Għerf (11:26), illum hi sejħa urġenti iktar minn qatt qabel.
Fil-Vanġelu Ġesù jikkonferma l-ħin kollu l-attenzjoni tiegħu biex ifejjaq lill-morda, jagħti lura s-saħħa lill-ġisem u r-ruħ midruba, irodd il-ħajja lill-mejtin. B’dan, l-Iben inkarnat jurina l-Missier: irodd dinjità lill-midinba, jagħti l-maħfra tad-dnubiet u jinkludi lil kulħadd, speċjalment dawk qalbhom maqtugħa, imwarrba, imbiegħda, fil-wegħda tiegħu ta’ salvazzjoni.
Imnissel mill-Missier, Kristu hu l-ħajja u ġab ħajja bla tmiem sa ma tana tiegħu stess, u jistieden lilna lkoll biex nagħtu ħajjitna. Li nnisslu jfisser li nagħtu l-ħajja lil xi ħadd ieħor. L-univers tal-ħajjin twessa’ permezz ta’ din il-liġi, li fis-sinfonija tal-ħlejjaq tagħraf “crescendo” tal-għaġeb li jilħaq il-quċċata tiegħu fid-dwett tar-raġel u l-mara: Alla ħalaqhom xbieha tiegħu u lilhom fdalhom il-missjoni li jnisslu huma wkoll fuq xbieha tiegħu, jiġifieri bl-imħabba u fl-imħabba.
L-Iskrittura Mqaddsa, sa mill-bidu, turina li l-ħajja, proprju fl-ogħla xejra tagħha, dik umana, tirċievi d-don tal-libertà u ssir att traġiku. Hekk ir-relazzjonijiet umani huma mmarkati wkoll mill-kontradizzjoni, sal-punt tal-fratriċidju. Kajjin jara lil ħuh Abel bħala konkorrent, theddida, u fil-frustrazzjoni tiegħu ma jħossux kapaċi jħobbu u jistmah. U hawn tidħol l-għira, il-mibegħda, id-demm (Ġen 4:1-16). Imma l-loġika ta’ Alla hi xort’oħra. Alla jibqa’ fidil għal dejjem għall-pjan tiegħu ta’ mħabba u ta’ ħajja; ma jegħjiex iwieżen l-umanità mqar meta, bħal Kajjin, tobdi lill-istint għami tal-vjolenza fil-gwerer, fid-diskriminazzjonijiet, fir-razziżmi, fid-diversi forom ta’ jasar.
Allura li nnisslu jfisser nafdaw f’Alla tal-ħajja u nippromovu l-uman fl-espressjonijiet kollha tiegħu: qabelxejn fl-avventura mill-isbaħ tal-maternità u tal-paternità, anki f’kuntesti soċjali li fihom il-familji jsibuha bi tqila jġorru l-piż tal-ħajja ta’ kuljum, u spiss jibqgħu mwaħħla fil-proġetti u fil-ħolm tagħhom. F’din l-istess loġika, li nnisslu jfisser nimpenjaw ruħna għal ekonomija solidali, infittxu l-ġid komuni li jitgawda minn kulħadd indaqs, nirrispettaw u nikkuraw il-ħolqien, noffru faraġ bis-smigħ, il-preżenza, l-għajnuna konkreta u diżinteressata.
Ħuti, il-Qawmien ta’ Ġesù Kristu huwa l-qawwa li tweżinna f’din l-isfida, imqar hemm fejn id-dlamijiet tal-ħażen idallmu l-qalb u l-moħħ. Meta l-ħajja tidher intfiet, imwaħħla, hemm hu Krisu Rxoxt li jgħaddi mill-ġdid, sal-aħħar taż-żmien, u jimxi magħna u għalina. Huwa t-tama tagħna.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard