Il-Papa Ljun XIV f’Lagħa Ekumenika fit-Iżnik

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
B’PELLEGRINAĠĠ F’İZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1700 ANNIVERSARJU TAL-EWWEL KONĊILJU TA’ NICEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru 2025)

LAQGĦA EKUMENIKA TA’ TALB
BISWIT L-ISKAVI ARKEOLOĠIĊI TAL-BAŻILIKA ANTIKA TA’ SAN NEOFITU
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
İznik
Il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru 2025

Għeżież ħuti!

Fi żmien li minn ħafna aspetti hu drammatiku, li fih il-persuni huma suġġetti għal għadd bla qies ta’ theddid għad-dinjità tagħhom stess, l-1,700 anniversarju tal-Ewwel Konċilju ta’ Nicea huwa okkażjoni prezzjuża biex nistaqsu lilna nfusna min hu Ġesù Kristu fil-ħajja tal-bnedmin tal-lum, min hu għal kull wieħed u waħda minna.

Din il-mistoqsija tisfida b’mod partikulari lill-Insara, li jirriskjaw li jirriduċu lil Ġesù Kristu għal xi xorta ta’ leader kariżmatiku jew ta’ superman, miżinterpretazzjoni li fl-aħħar twassal għad-diqa u għall-konfużjoni (ara Omelija tal-Quddiesa Pro Ecclesia, 9 ta’ Mejju 2025). Arju ċaħad id-divinità ta’ Kristu u rriduċieh għal sempliċi intermedjarju bejn Alla u l-bnedmin, u injora r-realtà tal-Inkarnazzjoni, hekk li d-divin u l-uman baqgħu mifrudin mingħajr rimedju. Imma jekk Alla ma sarx bniedem, kif jistgħu l-mortali jkollhom sehem fil-ħajja immortali tiegħu? Dan hu li kien f’riskju f’Nicea u hu f’riskju llum ukoll: il-fidi f’Alla li, f’Ġesù Kristu, sar bħalna biex jagħtina “sehem fin-natura divina tiegħu” (2 Piet 1:4; ara San Irinew, Adversus hæreses, 3, 19; San Atanasju, De Incarnatione, 54, 3).

Din l-istqarrija ta’ fidi Kristoloġika hi ta’ importanza fundamentali fil-mixja li l-Insara qed jagħmlu lejn il-komunjoni sħiħa: fil-fatt din hi maqsuma bejn il-Knejjes u l-Komunitajiet Insara kollha fid-dinja, inkluż dawk li, għal diversi raġunijiet, ma jużawx il-Kredu Niċen-Kostantinopolitan fil-liturġiji tagħhom. Fil-fatt, il-fidi “f’Mulej wieħed, Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla, imwieled mill-Missier qabel kull żmien […] natura waħda mal-Missier” (Kredu Niċen) hi rabta profonda li diġà torbot bejniethom lill-Insara kollha. F’dan is-sens, biex nikkwota lil Santu Wistin, anki fil-qasam ekumeniku nistgħu ngħidu li “mqar jekk aħna l-Insara aħna ħafna, fi Kristu wieħed aħna ħaġa waħda” (Espożizzjoni fuq is-Salm 127). Ibda mill-għarfien li aħna diġà marbutin minn din ir-rabta qawwija, permezz ta’ mixja ta’ twaħħid dejjem iżjed totali mal-Kelma ta’ Alla rivelata f’Ġesù Kristu u taħt id-dawl tal-Ispirtu s-Santu, fl-imħabba reċiproka u fid-djalogu, aħna lkoll mistednin negħlbu l-iskandlu tal-firdiet li b’xorti ħażina għadhom jeżistu u biex inkebbsu x-xewqa tal-għaqda li għaliha l-Mulej Ġesù talab u ta ħajtu. Iktar ma nkunu rrikonċiljati, iktar aħna l-Insara nistgħu nagħtu xhieda kredibbli tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu, li hu aħbar ta’ tama għal kulħadd, messaġġ ta’ paċi u ta’ fraternità universali li jgħaddi l-konfini tal-komunitajiet u n-nazzjonijiet tagħna (ara Franġisku, Diskors lill-parteċipanti fis-Sessjoni Plenarja tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda bejn l-Insara, 6 ta’ Mejju 2022).

Ir-rikonċiljazzjoni hija llum appell li ġej mill-umanità kollha mifnija minn kunflitti u vjolenzi. Ix-xewqa ta’ komunjoni sħiħa bejn dawk kollha li jemmnu f’Ġesù Kristu hi dejjem imsieħba mit-tiftix tal-fraternità bejn il-bnedmin kollha. Fil-Kredu Niċen nistqarru l-fidi tagħna “f’Alla wieħed il-Missier”; madankollu, ma kienx ikun possibbli ninvokaw lil Alla bħala Missier kieku ċħadna li nagħrfu bħala aħwa lill-bnedmin l-oħra, li huma wkoll maħluqa xbieha ta’ Alla (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Dikjarazzjoni Nostra ætate, 5). Hemm fraternità universali, indipendentement mill-etniċità, min-nazzjonalità, mir-reliġjon jew mill-opinjoni. Ir-reliġjonijiet, min-natura tagħhom, huma depożitarji ta’ din il-verità u għandhom jinkuraġġixxu l-persuni, il-gruppi tal-bnedmin u l-popli biex jagħrfuha u jipprattikawha (ara Diskors fl-għeluq tal-Laqgħa ta’ talb għall-Paċi, 28 ta’ Ottubru 2025). L-użu tar-reliġjon biex tiġġustifika l-gwerra u l-vjolenza, bħal kull għamla ta’ fundamentaliżmu u ta’ fanatiżmu, għandu jiġi miċħud bil-qawwa, waqt li t-toroq li għandna nimxu huma dawk tal-laqgħa fraterna, tad-djalogu u tal-kollaborazzjoni.

Inħossni profondament grat lejn il-Qdusija Tiegħu Bartilmew, li, b’għerf kbir u viżjoni fil-bogħod, iddeċieda li nfakkru flimkien l-1,700 anniversarju tal-Konċilju ta’ Nicea proprju fil-post li fih ġie ċċelebrat; u rrodd ħajr minn qalbi lill-Kapijiet tal-Knejjes u r-Rappreżentanti tal-Komunjonijiet Insara Dinjija li laqgħu l-istedina biex jieħdu sehem f’din il-ġrajja. Alla l-Missier, li jista’ kollox u ħanin, jagħti widen għat-talba ħerqana li qed nagħmlu llum u jagħtina li dan l-anniversarju importanti jġib frott kotran ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ għaqda u ta’ paċi.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading