LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 10 ta’ Diċembru 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025.
Għeżież ħuti, Ġesù Kristu t-tama tagħna. IV. Il-Qawmien ta’ Kristu u l-isfidi tad-dinja tal-lum. 7. L-Għid ta’ Ġesù Kristu: it-tweġiba aħħarija għall-mistoqsija fuq il-mewt tagħna
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba! Merħba lkoll!
Il-misteru tal-mewt dejjem qanqal fil-bniedem mistoqsijiet profondi. Fil-fatt din tidher bħala l-ġrajja l-aktar naturali u fl-istess waqt l-aktar mhux naturali li teżisti. Hi naturali, għax kull bniedem ħaj, fuq din l-art, imut. Mhix naturali, għax ix-xewqa għall-ħajja u għall-eternità li aħna nħossu għalina nfusna u għall-persuni li nħobbu turina l-mewt qisha kundanna, bħal “kontra-sens”.
Ħafna popli tal-qedem żviluppaw riti u drawwiet marbuta mal-kult tal-mejtin, biex isieħbu u jfakkru lil min kien miexi lejn l-ogħla misteru. Imma llum qed naraw tendenza differenti. Il-mewt tidher bħal speċi ta’ tabù, ġrajja li għandna nżommuha mbiegħda minna; xi ħaġa li dwarha nitkellmu minn taħt l-ilsien, biex nevitaw li ndejqu s-sensibbiltà u t-trankwillità ta’ ħaddieħor. Spiss minħabba f’hekk hemm min jevita wkoll li jżur iċ-ċimiterji, fejn min ġie qabilna qed jistrieħ fl-istennija tal-qawmien.
Mela x’inhi l-mewt? Hi tassew l-aħħar kelma fuq il-ħajja tagħna? Il-bniedem biss jagħmilha din il-mistoqsija, għax hu biss jaf li għandu jmut. Imma l-fatt li hu konxju ma jsalvahx mill-mewt, anzi, f’ċertu sens “itaqqlu” f’paragun mal-ħlejjaq l-oħra kollha li jgħixu. L-annimali jbatu, ċertament, u jintebħu li l-mewt hi fil-qrib, imma ma jafux li l-mewt hi parti mid-destin tagħhom. Ma jistaqsux fuq it-tifsira tagħha, fuq l-għan, fuq l-eżitu tal-ħajja.
Quddiem dan l-aspett, naslu mela naħsbu li aħna ħlejjaq paradossali, imdejqin, mhux biss għaliex irridu mmutu, imma anki għax għandna ċ-ċertezza li din il-ġrajja se sseħħ, imqar jekk ninjoraw il-meta u l-kif. Niskopru li aħna konxji u fl-istess waqt ma nistgħu nagħmlu xejn. Aktarx minn hawn ġejjin id-diversi suppressjonijiet, il-ħarbiet eżistenzjali quddiem il-kwistjoni tal-mewt.
San Alfons Marija de’ Liguori, fil-ktieb ċelebri tiegħu jismu Tħejjija għall-mewt, jirrifletti fuq il-valur pedagoġiku tal-mewt, u juri kif din hi mgħallma kbira tal-ħajja. Li nkunu nafu li teżisti u fuq kollox nimmeditaw fuqha jgħallimna nagħżlu x’għandna nagħmlu tabilħaqq mill-ħajja tagħna. Li nitolbu, biex nifhmu dak li jiswa għas-Saltna tas-smewwiet, u nħallu warajna dak li hu superfuluwu u li mill-banda l-oħra jorbotna mal-ħwejjeġ li jgħaddu, dan hu s-sigriet biex ngħixu b’mod awtentiku, fl-għarfien li l-passaġġ fuq din l-art qed iħejjina għall-eternità.
U safrattant bosta viżjonijiet antropoloġiċi ta’ żmienna jwiegħdu immortalitajiet immanenti, jitteorizzaw fuq kif intawlu l-ħajja tagħna fuq din l-art permezz tat-teknoloġija. Dan huwa x-xenarju tat-transuman, li nilmħu fuq ix-xefaq tal-isfidi ta’ żmienna. Il-mewt tista’ tassew tintrebaħ mix-xjenza? Imma mbagħad, l-istess xjenza tista’ tiggarantilna li ħajja mingħajr mewt tkun ukoll ħajja hienja?
Il-ġrajja tal-Qawmien ta’ Kristu turina li l-mewt ma teħodhiex kontra l-ħajja, imma hi parti kostituttiva minnha bħala passaġġ għall-ħajja ta’ dejjem. L-Għid ta’ Ġesù jgħinna niggustaw minn qabel, f’dan iż-żmien li għadu mimli bit-tbatijiet u bil-provi, il-milja ta’ dak li għad iseħħ wara l-mewt.
L-Evanġelista Luqa donnu jaqbad din it-tħabbira minn qabel ta’ dawl fid-dlam meta, fi tmiem dik il-lejla li fiha d-dlamijiet kienu geżwru l-Kalvarju, jikteb: “Dakinhar kien Jum it-Tħejjija, u s-Sibt kien għoddu beda” (Lq 23:54). Dan id-dawl, li jantiċipa l-għodwa tal-Għid, diġà jilma qalb id-dlamijiet tas-sema li għadu jidher magħluq u mutu. Id-dwal tas-Sibt, għall-ewwel u l-unika darba, iħabbru minn qabel sbiħ il-jum wara s-Sibt: id-dawl ġdid tal-Qawmien. Din il-ġrajja biss kapaċi ddawwal sal-aħħar il-misteru tal-mewt. F’dan id-dawl, u fih biss, isir minnu dak li l-qalb tagħna tixtieq u tittama: jiġifieri li l-mewt ma tkunx it-tmiem, imma l-passaġġ lejn id-dawl sħiħ, lejn eternità ta’ hena.
L-Irxoxt għadda qabilna mill-prova l-kbira tal-mewt, u ħareġ rebbieħ grazzi għall-qawwa tal-Imħabba divina. Hekk ħejjielna l-post tas-serħan dejjiem, id-dar fejn aħna mistennija; tana l-milja tal-ħajja li fiha ma hemmx dellijiet u kontradizzjonijiet.
Grazzi għalih, li miet u rxoxta għall-imħabba, ma’ San Franġisk lill-mewt nistgħu nsejħulha “oħt”. Jekk nistennewha bit-tama ċerta tal-Qawmien, dan iħarisna mill-biża’ li se ngħibu għal dejjem u jħejjina għall-ferħ tal-ħajja bla tmiem.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard