Aħna nemmnu li għal Alla kollox hu possibli, xejn ma hu impossibli għalih; iżda dan mhux għal kollox minnu. Hemm ħaġa li Alla ma jistax jagħmilha, jiġifieri li jmur kontra jew iwaqqaf il-libertà tiegħek u tiegħi. Alla tana l-libertà, infatti ma nistgħux nimmaġinaw il-bniedem mingħajr libertà: xi bniedem hu dak li ma jistax jagħżel dak li jarah tajjeb għalih? Alla l-libertà tahielna bħala għodda biex ngħixu d-dinjità ta’ bnedmin, fuq kollox biex ngħixu d-dinjità ta’ wliedu u nkunu kapaċi nagħżlu għalina nfusna dak li nifhmu li huwa tajjeb u ta’ ġid għalina. Iżda jekk aħna niddeċiedu li nużaw il-libertà tagħna ħażin, hu ma jwaqqafniex, jieħu paċenzja bina u jittama li nintebħu bl-iżball tagħna u nibdlu ħajjitna.
F’din is-sitwazzjoni kien Aħaż li dwaru smajna fl-ewwel qari tal-lum. Hu kellu responsabiltà kbira għaliex kien sultan ta’ Iżrael, iżda kien tbiegħed mit-triq ta’ Alla: huwa mhux biss iżżewweġ mara pagana iżda beda jadura l-allat foloz li kienet tadura hi. Fi żmien ta’ kriżi doppja, għaliex hu kien għad ma għandux eredi għat-tron u l-għedewwa kienu qegħdin jgħeddu lis-saltna tiegħu, Alla jibgħatlu l-profeta biex iwissih. ‘Itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla tiegħek,…’, fi kliem ieħor afda f’Alla, ara Alla xi jrid minnek. Għad li r-re għamel ta’ bir-ruħu li ma jridx jiskomoda lil Alla, iżda r-raġuni vera kienet li qalbu kienet tbiegħdet mill-Mulej. Alla xorta jagħtihulu s-sinjal, ‘Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-El’. Din il-profezija isseħħ tabilħaqq għaliex Alla verament jagħti eredi lil Aħaż, iżda fuq kollox isseħħ fil-milja tagħha fil-Messija mwieled minn Marija Verġni u li verament Hu l-Għimmanu-El, Alla magħna.
Min jaf kemm nagħmlu l-istess aħna n-nies tal-Knisja, min jaf kemm drabi nkunu nafu nagħtu tweġibiet tajbin li jidhru perfetti minn barra, iżda qalbna tkun imbegħda minn Alla. Għalhekk issa huwa l-mument li ngħidulu, ‘Ħa jidħol il-Mulej, hu s-Sultan tal-glorja… Dan huwa l-mument li l-Mulej qed jistedinna biex niftħulu qalbna ħa jgħammar fiha, mhux għax bżonna hu, iżda għax Hu jaf aktar milli nafu aħna, kemm aħna bżonnu.
L-Evanġelju tal-lum jurina li Alla tant iħobbna li ma kienx lest li jitkellem magħna permezz tal-profeti jew il-messaġġiera tiegħu biss, iżda ried isir wieħed bħalna, wieħed minna. Bħala figura opposta għal Aħaż is-sultan li dwaru smajna fl-ewwel qari joffrilna lil Ġużeppi r-raġel ġust li għad li għall-ewwel tfixkel quddiem dak li kien qed jiġri, meta mbagħad fehem li huwa parti mill-proġett ta’ Alla għall-bniedem huwa ‘għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu’. Ġużeppi kien lest li jwarrab il-proġetti tiegħu biex isseħħ ir-rieda ta’ Alla. Illum il-mistoqsija fundamentali li rridu nagħmlu lilna nfusna hija, ‘jien f’ħajti rrid nagħmel dak li rrid jien jew dak li jrid minni Alla? Ejjew inżommu f’moħħna li daqsU ħadd ma jafna u ħadd ma jħobbna, għalhekk ir-ried tiegħU għalina hija l-akbar ġid li nistgħu nixtiequ u jkollna fil-ħajja.
Mulej Ġesù l-imħabba tiegħek lejna wasslitek li mhux biss tagħtina dak kollu li għandna u dak kollu li aħna, iżda fuq kollox wasslitek li tagħti lilek nnifsek għalina: għinna Mulej ħalli nistednuk b’qalbna kollha tiġi fostna u tgħammar fina, għaliex mingħajrek Mulej ma aħna xejn u nistgħu biss infallu. Ammen.