Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi. Sena “A”

Ħsieb ta’ D. Edward Vella

Ilkoll kemm aħna xi darba ħadna xi biljett tal-lotterija u xtaqna li nitilgħu f’xi somma flus, għax ittamajna li ħajjitna tkun aħjar jekk inkunu ftit aktar komdi finanzjarjament. Ħafna drabi ninsew li fil-ħajja l-akbar żewġ lotteriji ma humiex dawk li tixtri l-biljetti tagħhom mill-uffiċċji tal-lottu, iżda l-akbar lotterija hija l-familja li titwieled fiha u warajha l-pajjiż li titwieled fih. Xi grazza kbira hija familja li fiha hemm l-imħabba u l-Fidi! Xi grazzja kbira hija familja li fiha hemm il-biża tal-Mulej!

Alla għamel il-familja il-quċċata ta’ dak kollu li ħalaq; mhux il-ħolqien tal-bniedem huwa l-quċċata tal-ħolqien iżda l-ħolqien tal-familja. Alla jrid li kull bniedem jitnissel u jitwieħed ġo familja għaliex huwa jaf kemm hija importanti għalina l-imħabba: Alla huwa Mħabba u allura aħna frott tal-imħabba u l-imħabba hija l-aktar ħaġa importanti għalina f’ħajjitna. Bħalma artist jiffirma l-opra tal-arti tiegħu, hekk l-firma ta’ Alla fina hija l-bżonn li aħna nħossu li nkunu maħbuba u li nħobbu. Għalhekk kemm huwa importanti li l-ġenituri jħobbu lil uliedhom għaliex dan jagħmilha aktar faċli għalihom li jħossu l-imħabba t’Alla għalihom u kemm huwa diffiċli għal dawk l-ulied li ma jħossuhomx maħbuba li jesperjenzaw l-imħabba t’Alla. Għalhekk ġenituri għaqlin u li verament iħobbu jafu li f’qalb il-bniedem hemm l-għatx għall-imħabba t’Alla u għalhekk tali ġenituri mhux biss iħobbu lil uliedhom iżda jagħmlu ħilithom ħalli jdewquhom u joffrulhom l-imħabba t’Alla.

Fl-ewwel qari tal-lum mill-ktieb ta’ Bin Sirak, fost tagħlimiet oħra jgħidilna: ‘Min jibża’ minn missieru jagħmel tajjeb għal dnubietu, u min iweġġaħ lil ommu qisu qed jiġma’ f’teżor… għax il-ħniena ma’ missierek ma tintesiex, imma tingħaddlek bi ħlas għal dnubietek.’ Interessanti ħafna li l-kittieb sagru, ispirat minn Alla jgħidilna li l-imħabba li nuru mal-ġenituri tagħna tħallas għad-dnubiet tagħna. Dan ma jfissirx li l-ġenituri tagħna huma perfetti; ħadd ma hu perfett fid-dinja, iżda żgur li ħafna minna jistgħu jgħidu li l-ġenituri għamlu mill-aħjar għalina. Għalhekk l-imħabba fil-familja hija r-rieda ta’ Alla għalina u anke meta jkun hemm il-problemi wieħed għandu jagħmel ħiltu kollha biex jaffrontahom skont il-qalb ta’ Alla u mhux bi ġlied jew tilwim.

San Pawl fit-tieni qari jagħtina riċetta perfetta ta’ kif familja tista’ tiffunzjona skont il-qalb ta’ Alla: ‘intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom…’ Ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar, u jkompli jżid ‘aħfru lil xulxin’ u għixu l-imħabba; dan hu li jwassal lill-familja biex tkun tabiħaqq familja skont il-qalb ta’ Alla.

Il-vanġelu tal-lum jurina kemm problemi kellha tiffaċċa l-familja ta’ Nazaret: biżżejjed insemmu li kellhom jaħarbu lejn l-Eġittu b’Ġesù għadu tifel, u meta jirritornaw lura jkollhom jitbegħdu kemm jistgħu minn Ġerusalemm minħabba l-biża. Iżda f’dan kollu kien hemm xi ħaġa li żammithom magħquda: naraw li f’din is-silta mill-evanġelju Ġużeppi jkollu tliet ħolmiet, it-tlieta li huma kienu messaġġi minn Alla, u Ġużeppi dejjem jagħmel dak li jrid minnu il-Mulej għaliex huwa kien konvint li dak li Alla jrid, għad li mhux dejjem faċli, huwa dejjem l-aħjar. Kemm aħna konvinti aħna li dak li Alla jrid minna u mill-familja tagħna huwa dejjem l-aħjar? Kemm nagħtu importanza lit-talb fil-familja tagħna għax konvinti li fit-talb mhux biss aħna nkellmu lil Alla iżda ikellemna hu u jurina r-rieda tiegħu għalina li hi dejjem l-akbar ġid tagħna u tal-għeżież tagħna?

Nitolbuk Mulej il-lum għall-familji kollha, b’mod speċjali għal dawk il-familji li l-aktar li jeħtieġu t-talb tagħna bħalissa. Għenna ħalli nifhmu u nemmnu li sakemm hemm int fiċ-ċentru tal-familja, kull problema nistgħu naffrontawha bi mħabba u serenità. Għenna ħalli nitolbu għall-familja tagħna u l-familji kollha konvinti li huwa fik biss li l-imħabba u l-għaqda qatt ma jonqsu mill-familji tagħna. Ammen

Wara l-Prietka tista’ ssir din t-talba fuq il-familji kollha preżenti:

O Familja Mqaddsa ta’ Nażaret, Ġesù, Marija u Ġużeppi, f’idejkom nafdaw il-familji kollha tagħna. Bierku u ħarsu kull familja, kunu intom preżenti f’kull dar u mlewha bil-ferħ tal-preżenza tagħkom, bl-imħabba u l-paċi li intom biss tafu ġġibu magħkom. Kunu b’mod speċjali preżenti hemm fejn hemm it-tbatija u l-mard; kunu intom ta’ faraġ għal dawk li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, ħa tkun il-preżenza tagħkom ta’ duwa għal dawk li huma mgħobbijin bit-toqol tal-ħajja.

Illum nitolbukom għal barka speċjali fuq il-koppji kollha, ħa tagħraf kull koppja li l-familja tagħhom ma tkunx kompluta mingħajrkom. Nisslu fil-qlub kollha l-imħabba lejn it-talb u l-quddiesa biex hekk l-imħabba ta’ Alla tkun il-pedament li fuqu tinbena l-ħajja ta’ kuljum f’kull familja. Imlew il-koppji tagħna bi spirtu ta’ djalogu sinċier, bir-rispett lejn kull membru tal-familja, bil-qawwa li taħfer u li titlob maħfra. Hekk biss il-familji tagħna jkunu tabilħaqq knejjes tad-dar.

Nitolbukom għall-ulied tal-familji tagħna: għinu lill-ġenituri li għandhom it-tfal żgħar biex inisslu f’uliedhom il-ħbiberija ma’ Ġesù, l-akbar Ħabib li qatt jista’ jkollhom. Fil-qalb taż-żgħażagħ tagħna nisslu d-don tal-Fidi, u għinuhom jifhmu li Ġesù huwa l-akbar teżor li qatt jistgħu isibu fil-ħajja. Għinu lill-ġenituri li uliedhom tbegħdu mill-fidi biex qatt ma jaqtgħu qalbhom jitolbu għalihom u fuq kollox li juruhom bi mħabba li l-fidi tagħmel ħajja bis-sens, li l-qalb tal-bniedem tibqa’ vojta mingħajr Alla.

Nitolbukom fuq kollox għall-familja oħra, il-familja tal-Fidi li hi l-parroċċa tagħna: għinuna ħalli nikbru dejjem fl-imħabba u r-rispett ta’ xulxin, għinuna ħalli bħall-insara tal-bidu inkunu fuq kollox ningħarfu mill-imħabba ta’ bejnietna, għejnuna ħalli nkunu familja ta’ familji skont il-qalb tagħkom.

U l-Mulej iberek u jħares lilkom ilkoll, u lill-għeżież kollha tagħkom;

jagħmel minnkom għajn ta’ grazza, paċi u mħabba kull fejn tkunu iżda b’mod speċjali fil-familji tagħkom u jimliekom dejjem bil-qawwa tal-Imħabba tiegħu,

+ il-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu.

Ammen

Jista’ jsir it-tberik bl-ilma mbierek.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading