MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
GĦAD-LIX JUM DINJI TAL-PAĊI
1 ta’ Jannar, 2026
Il-paċi magħkom ilkoll.
Lejn paċi diżarmata u diżarmanti
“Il-paċi miegħek!”.
Din it-tislima mill-aktar antika, li sal-lum għadha preżenti f’bosta kulturi, nhar l-Għid filgħaxija mtliet b’qawwa ġdida mlissna minn fomm Kristu Rxoxt. “Il-paċi magħkom” (Ġw 20,19.21). Kelma li mhix biss awgurju imma ġġib fis-seħħ bidla definittiva f’min jilqagħha u l-istess tagħmel fir-realtajiet kollha. Din hi r-raġuni għala s-Suċċessuri tal-Appostli ta’ kuljum huma l-leħen fid-dinja kollha tal-akbar rivoluzzjoni silenzjuża: “Il-paċi magħkom!”. Sa minn dakinhar tal-ħatra tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma ridt ngħaqqad din it-tislima ma’ dit-tħabbira korali. U nixtieq intenniha: din hi l-paċi ta’ Kristu Rxoxt, paċi diżarmata u paċi diżarmanti, umli u perseveranti. Ġejja minn Alla, Alla li jħobbna lkoll bla ebda kundizzjoni (1).
Il-paċi ta’ Kristu Rxoxt
Kien ir-Ragħaj it-Tajjeb li ġarraf il-ħitan li kienu jifirdu l-bnedmin bejniethom (cfr Ef 2,14), ir-Ragħaj li jagħti ħajtu għall-merħla u li għandu bosta nagħaġ oħra ‘l barra mill-maqjel (cfr Ġw 10,11-16): Kristu l-paċi tagħna. Naraw ir-rifless tal-preżenza tiegħu, tad-don tiegħu, tar-rebħa tiegħu fil-perseveranza ta’ bosta xhieda, li permezz tagħhom l-opra t’Alla tissokta fid-dinja, u ssir aktar perċepibbli u splendenti fid-dalma taż-żminjiet.
Il-kuntrast bejn id-dlamijiet u d-dawl, mhuwiex biss immaġni biblika li tiddeskrivi l-uġigħ tal-ħlas li minnu qed titwieled dinja ġdida: hu esperjenza li tinfidna u tifxilna vis à vis l-provi li niltaqgħu magħhom, fiċ-ċirkostanzi storiċi li fihom qed ngħixu. Li naraw id-dawl u nemmnu fih hu bżonn biex ma ninbarmux mid-dlam. Hu esiġenza li d-dixxipli ta’ Ġesù għandhom sejħa biex jgħixuha b’mod uniku u privileġġjat, iżda li minn bosta direzzjonijiet taf issir xaqq dawl li jidħol fil-qalb ta’ kull bniedem. Il-paċi teżisti, trid tgħammar fina, għandha s-setgħa mansweta li ddawwal u twessa’ l-intelliġenza, tirreżisiti l-vjolenza u tegħlibha. Il-paċi għandha n-nifs tal-etern: filwaqt li lill-ħażen ngħidulu b’leħen għoli “biżżejjed”, lill-paċi nsefsfula “għal dejjem”. L-Irxoxt daħħalna f’dax-xefaq. L-operaturi tal-paċi, irġiel u nisa, jgħixu b’dal-preseniment fid-dramm ta’ dak li l-Papa Franġisku ddeskrivih bħala “t-tielet gwerra dinjija miġġielda bil-biċċa”, u għadhom jirreżistu t-tinġis tad-dlam bħalma jagħmel għassies billejl.
Il-maqlub, jiġifieri li ninsew id-dawl, hi possibbiltà wkoll: allura nitilfu r-realiżmu u nċedu quddiem rappreżentazzjoni parzjali u mgħawġa tad-dinja, ninħakmu mid-dlam u mill-biża’. Illum il-ġurnata mhumiex ftit dawk li n-narrattiva mneżża’mit-tama jsejħulha realiżmu, li huma għomja għas-sbuħija tal-oħrajn, li nsew li l-grazzja t’Alla taħdem dejjem fi qlub il-bnedmin, minkejja li huma miġrugħin bid-dnub. Santu Wistin kien iħeġġeġ lill-insara biex jinsġu ħbiberija permanenti mal-paċi, sabiex huma u jħarsuha fl-intimu tal-ispirtu tagħhom ikunu jistgħu jifirxu s-sħana mdawla tagħha kulfejn ikunu. Meta indirizza lill-komunità tiegħu kiteb hekk: “Jekk tridu tiġbdu lill-oħrajn lejn il-paċi, għandkom tkunu fil-paċi magħkom infuskom; kunu intom sodi fil-paċi. Biex tħeġġu lill-oħrajn l-ewwel irid ikollkom fikom id-dawl mixgħul” (2).
Kemm jekk għandna d-don tal-fidi, ukoll jekk donnu li m’għandniex, għeżież ħuti, ninfetħu għall-paċi! Nilqgħuha u ntuha għarfien, pjuttost milli niqsuha mbiegħda u impossibbli. Qabel ma hi għan, il-paċi hi preżenza u mixja. Minkejja l-oppożizzjoni li ssirilha kemm minn ġo fina u kemm ‘il barra minna, bħal fjamma ċkejkna mhedda mit-tempesta, inħarsuha bla ma ninsew l-ismijiet u l-istejjer ta’ min kien xhud tagħha. Huwa prinċipju li jmexxi u jiddetermina l-għażliet tagħna. Anki fil-postijiet fejn baqa’ biss tifrik u fejn id-disperazzjoni tidher inevitabbli, propju llum inisibu min il-paċi ma nsihiex. Bħalma ġara nhar l-Għid filgħaxija meta Ġesù daħal fejn kienu jinsabu d-dixxipli, imbeżżgħin u bla kuraġġ, bl-istess mod, il-paċi ta’ Kristu tkompli tinfed il-bibien u l-ħitan bil-vuċi u l-uċuħ tax-xhieda tagħha. Hu d-don li jgħinna biex ma ninsewx dak li hu tajjeb, nagħrfuh rebbieħ, u jkun dejjem l-għażla tagħna lkoll flimkien.
Paċi diżarmata
Ftit qabel ma arrestawh, f’mument ta’ kunfidenzjalità kbira, lil dawk li kienu miegħu Ġesù qalilhom: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’” (Ġw 14,27). Il-fixla u l-biża’ ċertament kellhom rabta mal-vjolenza li ftit wara kellu jgħaddi minnha. Aktar fil-fond, l-Evanġelji ma jaħbux il-fatt li d-dixxipli fixlithom it-tweġiba non-vjolenti tiegħu: triq li lkoll, Pietru l-ewwel wieħed, ikkonfrontawh biha imma li l-Imgħallem baqa’ sal-aħħar isejħilhom biex isegwuh fiha. It-triq ta’ Ġesù tibqa’ tkun raġuni għall-fixla u l-biża’. U Hu jtenni b’determinazzjoni lil min xtaq jiddefendih: “”Daħħal lura s-sejf fl-għant tiegħu” (Ġw 18,11; cfr Mt 26,52). Il-paċi ta’ Ġesù Rxoxt m’għandhiex armi, għax it-taqbida tiegħu f’ċirkostanzi storiċi, politiċi u soċjali perċiżi ma kinitx bl-armi. L-insara lkoll flimkien għandhom ikunu xhieda profetiċi ta’ din in-novità, huma u jiftakru fit-traġedji li, sfortunatament, wisq drabi kienu kompliċi fihom. Il-parabbola kbira tal-ġudizzju universali tistieden lill-insara kollha biex b’dan l-għarfien iqisu li l-imġieba tagħhom tkun ħanina (cfr Mt 25,31-46). U huma u jwettqu dan isibu maġenbhom aħwa li, b’ħafna modi, għarfu jisimgħu n-niket tal-ieħor u interjorment inħelsu mill-ingann tal-vjolenza.
Minkejja li llum mhumiex ftit dawk ta’ qalbhom miftuħa għall-paċi, xorta waħda quddiem il-ġrajjiet ta’ dinja dejjem aktar inċerta huma maħkumin minn sens kbir ta’ impotenza quddiem dak li qed jiġri. Santu Wistin, fil-fatt, kien diġà ġibed l-attenzjoni fuq paradoss partikolari: “Mhux diffiċli li tagħmel tiegħek il-paċi. Forsi, hu aktar diffiċli tfaħħarha. Jekk irridu nfaħħruha, jeħtieġ ikollna ħiliet li forsi m’għandniex; infittxu l-ideat adattati, inqisu kliemna. Iżda jekk irriduha, hemm tinsab, fejn nilħquha u nistgħu nagħmluha tagħna bla tbatija”(3).
Meta l-paċi narawha qiesha xi ideal imbiegħed, nispiċċaw biex ma niskandalizzawx ruħna li nistgħu ninnegawha jew li saħansitra nagħmlu gwerra biex niksbu l-paċi. Donnu li neqsin mill-ideat adattati, mill-kliem meqjus, mill-ħila li ngħidu li l-paċi hi fil-qrib. Jekk il-paċi mhix realtà mġarrba, imħarsa, kultivata, tinfirex l-aggressività fil-ħajja domestika u pubblika wkoll. Fir-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-governanti nispiċċaw biex il-fatt li ma nitħejjewx tajjeb għall-gwerra, biex nilqgħu l-attakki, biex inwieġbu għall-vjolenza, jitqies ħtija. Ferm aktar ‘ hinn mill-prinċipju tad-difiża leġittima, fuq livell politiku, loġika kuntradittorja bħal din hi l-aktar punt attwali fid-destabbilizzazzjoni planetarja li ta’ kuljum qed issir aktar drammatika u imprevedibbli. Mhix kumbinazzjoni li l-appelli ripetuti biex jiżdiedu l-ispejjeż militari li titlob sitwazzjoni bħal din, ħafna gvernijiet jippreżentawhom bħala ġustifikazzjoni minħabba theddid ġej minn ħaddieħor. Infatti, il-forza disswasiva tal-qawwa militari, u partikolarment dik nuklejari, mhix ħlief l-inkarnazzjoni ta’ relazzjonijiet bejn il-popli li mhumiex ibbażti fuq id-dritt, fuq il-fiduċja u l-ġustizzja, imma fuq il-biża’ u fuq id-dominju tal-qawwa militari. “Bħala konsegwenza – kif kien kiteb fi żmienu San Ġwanni XXIII – il-bnedmin jgħixu taħt l-inkubu ta’ uragan li jista’ jfaqqa’ ħin bla waqt u jħalli warajh devastazzjoni li ma titifissirx. Ladarba l-armi diġà jeżistu, u jekk hu diffiċli nipperswadu ruħna li hemm persuni bil-ħila li jassumu r-responsabbiltà tal-qerda u t-tbatija li ġġib magħha l-gwerra, ma nistgħux neskludu li fatt imprevedibbli u inkontrollabbli jaf ikebbes ix-xrara li tagħti n-nar lill-apparat belliku” (4).
Matul is-sena 2024 l-ispiża militari fuq livell dinji żdiedet b’9.4% imqabbla mas-sena ta’ qabel, konferma tat-tendenza li kienet ilha sejra għaxar snin, u laħqet iċ-ċifra ta’ 2718 biljun dollaru, jew 2.5% tal-PGD mondjali (5). Aktar minn hekk, illum jidher li minbarra l-isforz ekonomiku enormi għar-riarm, it-tweġiba għall-isfidi l-ġodda qed ikollha effetti negattivi fuq l-edukazzjoni. Minflok kultura tal-memorja li tħares u tiftakar dak li ġara matul is-seklu għoxrin, ġrajjiet li ħallew miljuni ta’ vittmi, qed issir promozzjoni ta’ kampanji u programmi edukattivi, fl-iskejjel u fl-universitajiet, kif ukoll mill-mezzi tal-komunikazzjoni, li jxerrdu l-perċezzjoni ta’ theddid u jittrażmettu sempliċiment l-idea li s-sigurtà tiddependi mill-bżonn tal-armi għad-difiża.
Madankollu, “min iħobb verament il-paċi jħobb ukoll l-għedewwa tal-paċi” (6). Għalhekk, Santu Wistin kien jirrikmanda biex m’għandhomx jitkissru l-pontijiet u biex ma ninsistux bil-kantaliena tal-akkużi, biex minflok, nagħtu preferenza lis-smigħ, u kemm hu possibbli, ‘niltaqgħu’ mal-mod ta’ ħsieb tal-ieħor. Sittin sena ilu l-Konċilju Vatikan II kien intemm bl-għarfien tal-ħtieġa urġenti ta’ djalogu bejn il-Knisja u d-dinja tal-lum. B’mod partikolari, il-Kostituzzjoni Gaudium et spes ġibdet l-attenzjoni fuq kif kienet qed tiżviluppa l-istrateġija tal-gwerra: “Il-periklu karatteristiku tal-gwerra tal-lum qiegħed f’dan, li jagħti lil dawk li għandhom l-aħħar armi xjentifiċi bħal okkażjoni li jagħmlu dawn id-delitti; u, qisu f’katina li ma tistax tinħarab, jista’ jwassal ir-rieda tal-bnedmin għal deċiżjonijiet l-aktar ħorox. Biex ‘il quddiem dan qatt ma jiġri iżjed l-Isqfijiet tad-dinja kollha miġburin flimkien jitolbu bil-ħerqa lill-bnedmin kollha, u l-aktar lill-kapijiet tal-popli u wkoll lill-mexxejja militari, biex jiżnu sewwa quddiem Alla u quddiem il-bnedmin kollha din ir-responsabbiltà hekk kbira (7).
Jien u ntenni l-appell tal-Missirijiet tal-Konċilju, filwaqt li jien konvint li d-djalogu hu l-aktar arma effikaċi f’kull livell, inżid li ma nistgħux ninjoraw il-fatt li aktar avvanzi tekonoloġiċi u l-applikazzjoni tagħhom fil-qasam militari permezz tal-intellilġenza artifiċjali, irradikalizzaw it-traġiċità tal-kunflitti bl-armi. Saħansitra għaddej proċess li bih il-mexxejja politiċi u militari qed ifarfru r-responsabbiltajiet tagħhom għax aktar ma jgħaddi ż-żmien id-deċizjonijiet dwar il-ħajja u l-mewt tal-persuni umani qed “jiddelegawhom” lill-magni. Hija spirali distruttiva bla preċedent tal-umaneżmu ġuridiku u filosofiku li fuqu tistrieħ u li bih titħares kull ċiviltà. Hemm bżonn ta’ denunzja tal-konċentrazzjoni enormi tal-interessi ekonomiċi u finanzjarji privati li qed jimbuttaw lill-Istati f’din id-direzzjoni. Imma dan mhux biżżejjed jekk fl-istess ħin ma nerġgħux nagħtu ħajja lil-kuxjenzi u l-ħsieb kritiku. L-Enċiklika Fratelli tutti tippreżenta lil San Franġisk ta’ Assisi bħala eżempju ta’ dal-qawmien ġdid: “F’dik id-dinja miżgħuda b’torrijiet tal-għassa u ħitan ta’ difiża, l-ibliet kienu għaddejjin minn gwerer imdemmija bejn familji setgħana, waqt li kienu qed iżidu joktru ż-żoni miżerabbli tal-periferiji esklużi. Hemm Franġisku laqa’ ġo qalbu s-sliem veru, ħassu meħlus minn kull xewqa ta’ ħakma fuq l-oħrajn, sar wieħed mill-ifqar fost il-fqar u fittex li jgħix f’armonija ma’ kulħadd” (8). Storja li għandna nkompluha aħna, li titlob li ngħaqqdu l-isforzi tagħna biex ngħinu lil xulxin ħalli jkun hawn paċi diżarmanti, paċi li titnissel mill-ftuħ u mill-umiltà evanġelika
Paċi diżarmanti
It-tjubija ddewweb il-qlub. Forsi għalhekk Alla sar tarbija. Il-misteru tal-Inkarnazzjoni li l-punt estrem tal-inżul tiegħu hu ‘bejn l-imwiet’, jibda mill-ġuf ta’ omm żgħażugħa u juri ruħu fil-maxtura ta’ Betlehem. “Paċi fl-art” għannew l-anġli huma u jħabbru l-preżenza t’Alla ġwejjed, li minnu l-umanità tista’ tiskopri li hi maħbuba, biss, jekk tieħu ħsiebu (cfr Lq 2,13-14). Xejn m’għandu ħila jibdilna daqs wild. U propju hu l-ħsieb dwar l-ulied, dwar it-tfal u anki dwar min hu fraġli bħalhom li jinfdilna qalbna (cfr Atti 2,37). Rigward dan, il-venerabbli Predeċessur tiegħi kien kiteb illi “l-fraġilità umana għandha l-poter li tiċċaralna moħħna dwar dak li jibqa’ u dak li jgħaddi, dwar dak li jgħajjex u dak li joqtol. Forsi din hi r-raġuni għala għandna t-tendenza li spiss ninnegaw il-limitazzjonijiet tagħna u naħarbu lil min hu fraġli u miġrugħ: dawn il-persuni għandhom is-setgħa li jdaħħlulna fi kriżi dwar id-direzzjoni li nkunu mexjin fiha kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunità”(9).
Kien Ġwanni XXIII li introduċa l-perspettiva tad-diżaem integrali, diżarm li jista’ jseħħ biss bit-tiġdid tal-qlub u tal-intelliġenza. Fil-Pacem in terris kiteb: “jeħtieġ li wieħed jagħraf li l-waqfa fit-tiġrija ta’ l-armamenti għall-finijiet ta’ gwerra, it-tnaqqis tagħhom u li wisq aktar l-armi jitwarrbu għal kollox, huma ħwejjeġ impossibbli jew kważi, jekk fl-istess ħin ma jsirx diżarmament sħiħ, jekk jiġifieri, ma jkunx hemm ukoll diżarmament ta’ l-ispirtu tal-gwerra, li jitlob li titneħħa għal kollox dik il-ġibda lejn il-gwerra: dan isir jekk minflok il-prinċipju li l-paċi żżomm fuq l-ekwilibriju ta’ l-armamenti, inqiegħdu l-prinċipju li l-paċi tista’ tinbena biss fuq il-fiduċja f’xulxin. Aħna jidhrilna li din hija ħaġa li tista’ ssir il-għaliex mhux biss hi skont ir-raġuni imma ukoll ħaġa wisq mixtieqa u tal-akbar ħtieġa” (10).
Dan hu servizz fundamentali li r-reliġjonijiet għandhom jagħtu lill-umanità sofferenti, jishru fuq it-tentattiv dejjem jiżdied li saħansitra l-ħsieb u l-kliem isiru wkoll armi. It-tradizzjonijet spiritwali l-kbar, kif ukoll l-użu rett tar-raġuni, jeħduna lil hinn mir-rabtiet tad-demm u etniċi, lil hinn mill-fratellanzi li jagħtu għarfien biss lil min hu simili għalihom u jirrifjutaw lil min hu differenti. llum qed naraw li dan ma nistgħux neħduh for granted. Sfortunatament, fil-panorama kontemporanju qed nosservaw li l-kliem tal-fidi qed isir parti mill-lingwaġġ tat-taqbid politiku, jeżalta n-nazzjonaliżmu u jiġġustifika reliġjożament il-vjolenza u t-taqbid bl-armi. Dawk li jemmnu għandhom jiċħdu attivament, qabel kollox permezz ta’ ħajjithom, dawn l-għamliet blasfemi li joskuraw l-Isem Qaddis ta’ Alla. Għalhekk, minbarra l-azzjoni, jeħtieġ nikkultivaw ukoll it-talb, l-ispiritwalità, id-djalogu ekumeniku u inter-reliġjuż bħala triqat ta’ paċi u bħala lingwaġġi ta’ laqgħa bejn it-tradizzjonijiet u l-kulturi. Hi xewqa u tama li fid-dinja kollha “kull komunità ssir dar tal-paċi” fejn bid-djalogu l-bniedem jitgħallem jelimina l-ostilità, fejn titħaddem il-ġustizzja u ssaltan il-maħfra”(11). Illum, aktar minn qatt qabel, infatti, hemm bżonn nuru li l-paċi mhix utopija. Dan inwettquh bil-kreattività pastorali attenta u ġenerattiva.
Min-naħa l-oħra, dan m’għandux jiddevja l-attenzjoni ta’ kulħadd mill-importanza tad-dimensjoni politika. Kull min hu msejjaħ biex iġorr responsabbiltajiet pubbliċi fil-pożizzjonijiet l-aktar għolja u speċifiċi “għandu jqis sew u fil-fond il-problema marbuta mar-ristrutturar tar-relazzjonijiet bejn il-komunitajiet politiċi fuq livell dinji: ristrutturazzjoni msejsa fuq il-fiduċja reċiproka, fuq is-sinċerità fin-negozjati, fuq il-fedeltà lejn l-impenji meħuda. Jagħrbel sew il-problema sa ma jinstab punt tat-tluq li jressaq lejn ftehim leali, dejjiem, għammiel”(12); Hi t-triq diżarmanti tad-dipolmazija, tal-edukazzjoni, tad-dritt internazzjonali, li sfortunatament, spiss hi mgiddba mill-ksur tal-ftehim milħuq b’ħafna tbatija, f’kuntest li fil-fatt mhux id-deleġittimazzjoni jeħtieġ, imma pjuttost it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet sovranazzjonali.
Illum, il-ġustizzja u d-dinjità umana huma esposti daqs qatt qabel għal skwilibriji ta’ poter fost is-setgħanin. Kif nistgħu ngħixu daż-żmien ta’ destabilizzazzjoni u kunflitti u ninħelsu mill-ħażen? Hemm bżonn motivazzjoni u sostenn għal kull inizjattiva spiritwali, kulturali u politka li jżommu ħajja l-fjamma tat-tama kontra l-firxa “ta’ atteġġjamenti fatalistiċi qiesu li d-dinamiċi ta’ bħalissa huma prodott ta’ forzi anonimi impersonali jew ta’ strutturi indipendenti mir-rieda umana” (13). Jekk infatti, “L-aħjar mod kif wieħed jiddomina u javvanza bla ħadd ma jżommu hu billi jiżra’ n-nuqqas ta’ tama u kontinwament irewwaħ il-qtigħ il-qalb, imqar jekk taħt il-maskra tad-difiża ta’ ċerti valuri” (14), għal strateġija bħal din hemm bżonn żvilupp ta’ soċjetajiet ċivili konsapevoli, għamliet ta’ assoċjazzjoniżmu responsabbli, esperjenzi u parteċipazzjoni non-vjolenti, tħaddim ta’ ġustizzja riparattiva mifruxa fil-livell kollha. Dan diġà kien urieh ċar il-Papa Ljun XIII fl-Enċiklika Rerum Novarum: “Billi l-bniedem iħoss li waħdu huwa dgħajjef hu jinġibed biex ifittex igħaqqad il-ħidma tiegħu ma’ ta’ ħaddieħor. L-Iskrittura tgħid: “Tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu, għax fejda kbira jkollu taħbithom. Jekk jaqa’ wieħed jista’ jerfgħu sieħbu, imma miskin min hu waħdu għax m’għandux min iqajjmu”. U aktar ′il quddiem: “Ħuk imweġġa’ jsir għalik bħal belt qawwija” (15).
Jalla dan ikun frott ta’ dal-Ġublew tat-Tama li qanqal miljuni ta’ bnedmin biex jiskopru l-aspett pellegrin tagħhom u jibdew id-diżarmament fi qlubhom, fil-menti u fil-ħajja li fihom Alla ma jdumx ma jwieġeb għalihom bit-temma tal-wegħdiet tiegħu: “ Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus, u jaqta’ s-sentenza bejn ħafna popli; u huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed. Ejja, dar Ġakobb, ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!” (Iż 2-4-5).
Mill-Vatikan, 8 ta’ Diċembru, 2025
LEONE PP. XIV
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
[1] Cfr Benedizione apostolica “Urbi et Orbi” e primo saluto, Loggia centrale della Basilica di San Pietro (8 maggio 2025).
[2] Agostino d’Ippona, Discorso 357, 3.
[3] Ibid., 1.
[4] Giovanni XXIII, Lett. enc. Pacem in terris (11 aprile 1963), 60.
[5] Cfr SIPRI Yearbook: Armaments, Disarmament and International Security (2025).
[6] Agostino d’Ippona, Discorso 357, 1.
[7] Conc. Ecum. Vat. II, Cost. past. Gaudium et spes, 80.
[8] Francesco, Lett. enc. Fratelli tutti (3 ottobre 2020), 4.
[9] Id., Lettera al Direttore del Corriere della Sera (14 marzo 2025).
[10] Giovanni XXIII, Lett. enc. Pacem in terris (11 aprile 1963), 93.
[11] Discorso ai Vescovi della Conferenza Episcopale Italiana (17 giugno 2025).
[12] Giovanni XXIII, Lett. enc. Pacem in terris (11 aprile 1963), 63.
[13] Benedetto XVI, Lett. enc. Caritas in veritate (29 giugno 2009), 42.
[14] Francesco, Lett. enc. Fratelli tutti (3 ottobre 2020), 15.
[15] Leone XIII, Lett. enc. Rerum novarum(15 maggio 1891), 37.