LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 31 ta’ Diċembru 2025
Katekeżi tal-Qdusija Tiegħu Ljun XIV fl-Udjenza ġenerali
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Qed ngħixu din il-laqgħa ta’ riflessjoni fl-aħħar jum tas-sena ċivili, qrib ta’ tmiem il-Ġublew u fil-qalba ta’ żmien il-Milied.
Is-sena li għaddiet ċertament kienet immarkata minn ġrajjiet importanti: xi wħud ta’ ferħ, bħall-pellegrinaġġ ta’ tant fidili fl-okkażjoni tas-Sena Mqaddsa; oħrajn ta’ nieket, bħat-telfa tal-mibki Papa Franġisku u x-xenarji ta’ gwerra li qed ikomplu jifnu l-pjaneta tagħna. Fl-għeluq tagħha, il-Knisja tistedinna nqiegħdu kollox f’riġlejn il-Mulej, nintelqu fil-Providenza tiegħu u nitolbu li jiġġeddu, fina u madwarna, fil-jiem li ġejjin, l-għeġubijiet tal-grazzja tiegħu u tal-ħniena tiegħu.
Hu f’din id-dinamika li tidħol it-tradizzjoni tal-kant solenni tat-Te Deum, li bih illejla se rroddu ħajr lill-Mulej għall-ġid li rċivejna. Se nkantaw: “Lilek, o Alla, infaħħru”, “Fik hi t-tama tagħna”, “Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek”. Dwar dan, il-Papa Franġisku kien osserva li waqt li “l-gratitudni mondana, it-tama mondana jispikkaw […] imwaħħla fuq il-jien, fuq l-interessi tiegħu, […] f’din il-Liturġija għandna n-nifs ta’ atmosfera oħra: dik tat-tifħir, tal-istagħġib, tar-rikonoxxenza” (Omelija tal-Ewwel Għasar tas-Solennità ta’ Marija Santissma Omm Alla, 31 ta’ Diċembru 2023).
U hu b’dawn l-atteġġjamenti li llum aħna msejħin nimmeditaw fuq dak li l-Mulej għamel għalina fis-sena li għaddiet, kif ukoll nagħmlu eżami onest tal-kuxjenza, biex niżnu x’inhi t-tweġiba tagħna għad-doni tiegħu u nitolbu maħfra għall-mumenti kollha li fihom ma għarafniex ngħożżu t-tnebbiħ tiegħu u ninvestu aħjar fit-talenti li hu fdalna (ara Mt 25:14-30).
Dan iwassalna biex nirriflettu fuq sinjal ieħor kbir li seħibna fix-xhur li għaddew: dak tal-“mixja” u tad-“destinazzjoni”. Tant u tant pellegrini ġew, din is-sena, minn kull rokna tad-dinja, biex jitolbu fuq il-Qabar ta’ Pietru u biex jikkonfermaw il-fidi tagħhom fi Kristu. Dan ifakkarna li l-ħajja tagħna kollha hija vjaġġ, li d-destinazzjoni aħħarija tiegħu tittraxxendi l-ispazju u ż-żmien, biex isseħħ fil-laqgħa ma’ Alla u fil-komunjoni sħiħa u eterna miegħu (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1024). Dan ukoll se nitolbuh fit-talba tat-Te Deum, meta ngħidu: “Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek fil-glorja ta’ dejjem”. Mhux ta’ b’xejn San Pawlu VI sejjaħ il-Ġublew att kbir ta’ fidi fl-“istennija tad-destin ġejjieni […] li nduqu minn qabel sa minn issa, u […] nħejju għalih” (Udjenza ġenerali, 17 ta’ Diċembru 1975).
U f’dan id-dawl eskatoloġiku ta’ laqgħa bejn dak li jispiċċa u dak li jibqa’ għal dejjem jinkwadra t-tielet sinjal: il-passaġġ mill-Bieb Imqaddes, li ħafna minna għamilna, aħna u nitolbu u nittallbu l-indulġenza għalina u għall-għeżież tagħna. Dan jesprimi l-“iva” tagħna lil Alla, li bil-maħfra tiegħu jistedinna nirfsu l-għatba ta’ ħajja ġdida, animata mill-grazzja, imfassla fuq il-Vanġelu, imkebbsa mill-“imħabba lejn dak il-proxxmu, li fid-defenizzjoni tiegħu [hu…] miġbur kull bniedem, […] fil-bżonn tal-komprensjoni, tal-għajnuna, tal-faraġ, tas-sagrifiċċju, anki jekk mhux magħruf għalina personalment, imqar jekk idejjaqna u hu ostili, imma mogħni bid-dinjità inkomparabbli ta’ ħuna” (San Pawlu VI, Omelija fl-okkażjoni tal-għeluq tas-Sena Mqaddsa, 25 ta’ Diċembru 1975; ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1826-1827). Din hi l-“iva” tagħna għal ħajja li ngħixu b’impenn fil-preżent u norjentawha għall-eternità.
Għeżież, aħna nimmeditaw fuq dawn is-sinjali tad-dawl tal-Milied. San Ljun il-Kbir, dwar dan, lemaħ fil-festa tat-Twelid ta’ Ġesù t-tħabbira ta’ ferħ li hu għal kulħadd: “Jithenna l-qaddis għax wasal għall-premju. Jifraħ il-midneb għax hu mistieden għall-maħfra. Jieħu r-ruħ il-pagan għax issejjaħ għall-ħajja” (L-Ewwel Diskors għat-Twelid tal-Mulej, 1).
L-istedina tiegħu llum qed issir lilna lkoll, imqaddsa bil-Magħmudija, għax Alla sar sieħeb tagħna fil-mixja lejn il-Ħajja vera; lilna midinbin, biex, maħfura, bil-grazzja tiegħu nistgħu nerġgħu nqumu u nibdew mexjin; fl-aħħar nett lilna, foqra u dgħajfa, għax il-Mulej, li għamel tiegħu d-dgħufija tagħna, fdieha u wriena l-ġmiel u l-qawwa tagħha fl-umanità perfetta tiegħu (ara Ġw 1:14).
Għalhekk nixtieq nagħlaq billi nfakkar fil-kliem li bih San Pawlu VI, fi tmiem il-Ġublew tal-1975, fisser il-messaġġ fundamentali tiegħu: huwa qal li dan jinġabar f’kelma waħda: “imħabba”. U żied: “Alla huwa Mħabba! Din hija r-rivelazzjoni ineffabbli, li biha l-Ġublew, bil-pedagoġija tiegħu, bl-indulġenza tiegħu, bil-maħfra tiegħu u fl-aħħar nett bil-paċi tiegħu, mimlija dmugħ u ferħ, ried jimlielna ruħna llum, u dejjem ħajjitna għada: Alla huwa Mħabba! Alla jħobbni! Alla kien qed jistennieni u issa rġajt sibtu! Alla hu ħniena! Alla hu maħfra! Alla hu salvazzjoni! Alla, iva, Alla huwa l-ħajja! (Udjenza ġenerali, 17 ta’ Diċembru 1975). Ħa jseħbuna dawn il-ħsibijiet fil-mixja tagħna mis-sena l-qadima għall-ġdida, u mbagħad dejjem, fil-ħajja tagħna.
Miġub għall-Malti minn Francesco Pio Attard