Omelija tal-Papa Ljun XIV fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla

QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ MARIJA SANTISSIMA OMM ALLA
ID-LIX JUM DINJI TAL-PAĊI
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħamis 1 ta’ Jannar 2026

Għeżież ħuti,

Illum, Solennità ta’ Marija Santissima Omm Alla, bidu tas-sena ċivili l-ġdida, il-Liturġija toffrilna t-test ta’ barka mill-isbaħ: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Num 6:24-26).

Din, fil-ktieb tan-Numri, tinsab wara l-indikazzjonijiet dwar il-konsagrazzjoni tan-Nażrin, biex tinsisti, fir-relazzjoni bejn Alla u l-poplu ta’ Iżrael, fuq id-dimensjoni sagra u għammiela tal-għotja. Il-bniedem joffri lill-Ħallieq dak kollu li rċieva, u dan iwieġeb biex jifrex fuqu l-ħarsa twajba tiegħu, prorpju bħal fl-ewwel żerniq tad-dinja (ara Ġen 1:31).

Mill-bqija, il-poplu ta’ Iżrael, li fuqu ssir din il-barka, kien poplu ta’ nies meħlusa, ta’ rġiel u nisa li twieldu mill-ġdid wara jasar twil grazzi għall-intervent ta’ Alla u għat-tweġiba ġeneruża tal-qaddej tiegħu Mosè. Kien poplu li fl-Eġittu kien gawda minn xi ċertezzi – l-ikel ma kienx jonqos, u l-istess saqaf u ċerta stabbiltà –, imma għall-prezz li jkun ilsir, magħkus minn tirannija li kienet dejjem titlob aktar u tagħti inqas (ara Eż 5:6-7). Issa, fid-deżert, ħafna miċ-ċertezzi tal-passat kienu spiċċaw, imma minflok kien hemm il-libertà, li kienet tikkonkretizza ruħha fi triq miftuħa lejn il-futur, fid-don ta’ liġi ta’ għerf u fil-wegħda ta’ art li fiha jgħixu mingħajr iżjed madmad u ktajjen: f’kelma waħda, fi twelid ġdid.

Hekk, fil-bidu ta’ sena ġdida, il-Liturġija tfakkarna li kull ġurnata tista’ tkun, għal kull wieħed u waħda minna, il-bidu ta’ ħajja ġdida, grazzi għall-imħabba ġeneruża ta’ Alla, għall-ħiena tiegħu u għat-tweġiba tal-libertà tagħna. Hi ħaġa sabiħa meta naħsbu b’dan il-mod fis-sena li qed tibda: bħala triq miftuħa quddiemna, li rridu niskopru, li fiha nagħmlu avventura, bil-grazzja ta’ Alla, ħielsa u messaġġiera ta’ ħelsien, maħfura u nxerrdu l-maħfra, fiduċjużi fil-qrubija u fit-tjieba tal-Mulej li dejjem jimxi magħna.

Aħna nfakkru dan kollu aħna u niċċelebraw il-misteru tal-Maternità Divina ta’ Marija, li bl-“iva” tagħha tat sehemha biex lill-Għajn ta’ kull ħniena u tjieba tagħtiha wiċċ uman: il-wiċċ ta’ Ġesù, li mill-għajnejn tiegħu ta’ tarbija, imbagħad ta’ żagħżugħ u ta’ raġel, l-imħabba ta’ Missier tilħaqna u tibdilna.

Allura, fil-bidu tas-sena, aħna u nibdew mexjin lejn il-jiem ġodda u uniċi li hemm jistennewna, nitolbu lill-Mulej li nħossu f’kull mument, madwarna u fuqna, is-sħana tat-tgħanniqa paterna tiegħu u d-dawl tal-ħarsa tiegħu li tberikna, biex nifhmu dejjem aħjar u jkollna l-ħin kollu preżenti quddiem għajnejna min aħna u lejn liema destin tal-għaġeb mexjin (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 41). Imma fl-istess waqt, aħna wkoll nagħtuh glorja, bit-talb, bil-qdusija ta’ ħajjitna, u billi nsiru għal xulxin mera tat-tjieba tiegħu.

Santu Wistin kien jgħallem li f’Marija “l-ħallieq tal-bniedem sar bniedem: biex, imqar jekk hu dak li jpoġġi l-kwiekeb fl-ordni, jista’ jerda’ mis-sider ta’ mara; imqar jekk hu l-ħobż (ara Ġw 6:35), jista’ jagħtih il-ġuħ (ara Mt 4:2); […] biex jeħlisna mqar jekk ma kienx jistħoqqilna” (Sermo 191, 1.1). Hekk hu jfakkarna f’waħda mill-karatteristiċi fundamentali tal-wiċċ ta’ Alla: dak tal-gratwità totali tal-imħabba tiegħu, li biha jippreżenta ruħu quddiemna – kif xtaqt nisħaq fil-Messaġġ ta’ dan il-Jum Dinji tal-Paċi – “żarmat u jżarma”, għeri, bla difiża bħal tarbija tat-twelid fil-benniena tagħha. U dan biex hu jgħallimna li d-dinja ma nsalvawhiex bix-xwabel, billi niġġudikaw, nisħqu lil ħaddieħor, jew neliminaw lil ħutna, imma pjuttost billi nagħmlu sforz bla waqfien biex nifhmu, naħfru, neħilsu u nilqgħu lil kulħadd, bla kalkoli u bla biża’.

Dan huwa l-wiċċ ta’ Alla li Marija ħalliet jissawwar u jikber fil-ġuf tagħha, u bidlilha ħajjitha għalkollox. Huwa l-wiċċ li hi ħabbret permezz tad-dawl hieni u dgħajjef ta’ għajnejha ta’ omm li qed tistenna; il-wiċċ li tiegħu kkontemplat jum wara jum il-ġmiel, waqt li Ġesù kien qed jikber, tifel, adolexxent u żagħżugħ, fid-dar tagħha; u li mbagħad segwiet, bil-qalb tagħha ta’ dixxiplu umli, hija u tterraq il-mogħdijiet tal-missjoni tiegħu, sas-salib u sal-qawmien. Biex tagħmel dan, hi wkoll neħħiet kull difiża, warrbet kull aspettattiva, pretensjoni u garanzija, kif jafu jagħmlu l-ommijiet, u kkonsagrat bla riservi l-ħajja tagħha għal Binha li bi grazzja kienet irċeviet, biex hu min-naħa tiegħu jerġa’ jagħtiha lid-dinja.

Fil-Maternità Divina ta’ Marija hekk nilmħu l-laqgħa ta’ żewġ realtajiet immensi “żarmati”: dik ta’ Alla li jwarrab kull privileġġ tad-divinità tiegħu biex jitwieled skont il-ġisem (ara Fil 2:6-11) u dik tal-persuna li b’fiduċja tħaddan għalkollox ir-rieda tiegħu, u hekk tagħtih il-ġieħ, f’att perfett ta’ mħabba, tal-ikbar setgħa tagħha: il-libertà.

San Ġwanni Pawlu II, meta jimmedita fuq dan il-misteru, jistedinna nħarsu lejn dak li r-ragħajja sabu f’Betlehem: “Il-ħlewwa tat-Tarbija li żżarmana, il-faqar tal-għaġeb li fih hi tinsab, is-sempliċità umli ta’ Marija u Ġużeppi” bidlulhom ħajjithom, u għamlu minnhom “messaġġiera ta’ salvazzjoni” (Omelija fil-Quddiesa ta’ Marija Santissima Omm Alla, XXXIV Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2001).

Dan qalu fi tmiem il-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000, bi kliem li jista’ jgħinna nirriflettu lilna wkoll: “Kemm doni”, afferma, “kemm okkażjonijiet straordinarji offra lil dawk li jemmnu l-Ġublew il-Kbir! Fl-esperjenza tal-maħfra milqugħa u mogħtija, fit-tifkira tal-martri, fis-smigħ tal-karba tal-foqra tad-dinja […] aħna wkoll ilmaħna l-preżenza salvifika ta’ Alla fl-istorja. Bħal missejna b’idejna l-imħabba tiegħu li ġġedded il-wiċċ tal-art” (ibid.), u kkonkluda: “Bħar-ragħajja li marru jħaffu jagħtuh qima, Kristu jitlob lilna li nemmnu, li hu offrielna l-ferħ tal-laqgħa miegħu, disponibbiltà kuraġġjuża biex nerġħu mmorru u nħabbru l-Vanġelu tiegħu antik u dejjem ġdid. Jistedinna nagħtu l-ħajja lill-istorja u l-kulturi tal-bnedmin bil-messaġġ salvifiku tiegħu” (ibid.).

Għeżież ħuti, f’din il-Festa solenni, fil-bidu tas-sena l-ġdida, qrib tal-għeluq tal-Ġublew tat-Tama, ejjew induru madwar il-Presepju, fil-fidi, bħala l-post per eċċellenza tal-paċi “żarmata u li żżarma”, post tal-barka, fejn nagħmlu memorja tal-għeġubijiet li l-Mulej wettaq fl-istorja tas-salvazzjoni u fil-ħajja tagħna, biex imbagħad nerġgħu mmorru, bħax-xhieda umli tal-grotta, “insebbħu u nfaħħru lil Alla” (ara Lq 2:20) għal dak kollu li rajna u smajna. Ħa jkun dan l-impenn tagħna għax-xhur li ġejjin, u dejjem għall-ħajja Nisranija tagħna.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading