Ħsieb ta’ D. Edward Vella
Ħadd ma jrid ikun ċittadin tat-tieni klassi, iżda sfortunatament fid-dinja tal-lum bħal dik tal-antik, għad li nitkellmu ħafna bl-ugwaljanza, jeżistu mentalitajiet li jbaxxu d-dinjità tal-persuna semplicement għax hi minn dak il-post u mhux mill-ieħor. Hekk kienet l-art lil hemm mill-Ġordan, ‘il-Galilija tal-ġnus’ kif imsejħa fl-ewwel qari tal-lum; din kienet art b’poplazzjoni mħallta bejn Lhud u paġani, u n-nies ta’ Ġerusalemm u tal-madwar kienu jqisuha art inferjuri. Infatti anke għal Ġesù stess, ġieli ntużaw kummenti dispreġġjattivi għax kien mill-Galilija.
Fl-ewwel qari tal-lum il-profeta jħabbar li dik l-art li kellha dan it-timbru ta’ negattività kellha tkun hi li minnha joħroġ dawl li jdawwal mhux biss lin-nies ta’ dak il-post jew pajjiż, iżda tad-dinja kollha. ‘Alla bħalma qabel fl-imgħoddi kien mela bl-għajb l-art ta’ Żebulun u l-art ta’ Naftali, hekk issa fl-aħħar isebbaħ it-triq tal-baħar ’l hemm mill-Ġordan, il-Galilija tal-ġnus.Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir…’. Interessanti li dan id-dawl mhux xi dawl intellettwali jew informazzjoni mentali iżda huwa ħelsien veru u proprija mill-agħar forma ta’ skjavitù: ‘Għax il-madmad li kien itaqqlu, u l-ħatar ta’ fuq spallejh, u l-bastun tal-argużin, int kissirthom…’. Ġesù ma ġiex sempliċement biex jibdel kunċetti mentali, iżda biex iġib ħelsien veru u proprija, il-ħelsien mid-dnub li hu l-akbar għadu tagħna.
Fil-waqt li fil-qari tal-Ħadd li għadda l-enfasi kient fuq l-identità ta’ Ġesù, jiġifieri li huwa mhux biss il-Messija iżda Alla magħmul bniedem għalina kif xehed Ġwanni l-Battista, u għalhekk għandu l-qawwa kollha biex isalvana, illum naraw lil Ġesù jibda il-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni indirizzata lejn il-bnedmin kollha, b’mod speċjali lejn dawk kollha li d-dinja twarrab. Mal-arrest ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù jagħżel li jibda l-missjoni tiegħu mhux f’Ġerusalemm, il-post tal-poter, iżda fl-aktar post imwarrab li ma huwiex assoċjat ma’ poter jew dak li tfittex id-dinja. ‘Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.’
Mil-bidu tal-minsteru tiegħu Ġesù jagħżel l-ewwel dixxipli; dan jurina bl-intenzjoni tiegħu li jwaqqaf il-Knisja li kellu jafda f’idejha l-missjoni li twassal is-salvazzjoni miksuba minnu sa truf l-art. Jolqtok ħafna f’dan il-vanġelu kemm fil-pront d-dixxipli jħallu dak kollu li kellhom għażiż għalihom sa dak il-ħin, jiġifieri x-xogħol u familja, biex imorru wara Ġesù. ‘ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew…, u sejħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.’
San Pawl fit-tieni qari tal-lum jurina l-importanza tal-għaqda fil-Knisja, infatti juża il-kelma ‘Kristu’ meta jirreferi għall-Knisja, ‘Jaqaw Kristu mifrud?’ In-nisrani li jħobb verament lil Ġesù ma jistax ma jħobbx il-Knisja tiegħu. U jekk Kristu jasal għandna llum permezz tal-Knisja l-unika risposta possibli għal min irid iwettaq ir-rieda t’Alla fih hija dak li weġibna fis-salm, ‘Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej ħaġa waħda nfittex: li ngħammar f’dar il-Mulej tul il-jiem kollha ta’ ħajti…’. Dar il-Mulej hija l-Knisja.
Mulej Ġesù bil-ministeru tiegħek inti tistieden għas-salvazzjoni lilna lkoll. Aħrilna ta’ kemm-il darba aħna ma ħadniex bis-serjetà din l-istedina għaliex ħafna drabi moħħna huwa f’dak li hu materjali, agħtina l-prontezza tal-appostli tiegħek biex bħalhom naslu li kollox isir għalina sekondarju biex nwieġbu b’qalbna kollha għas-sejħa tiegħek u nimxu warajk. Ammen.