SOLENNITÀ TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL APPOSTLU
ĊELEBRAZZJONI TAT-TIENI GĦASAR
ID-LIX ĠIMGĦA TA’ TALB GĦALL-GĦAQDA TAL-INSARA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura
Il-Ħadd 25 ta’ Jannar 2026
Għeżież ħuti,
F’waħda mis-siltiet bibliċi li għadna kemm smajna, l-Appostlu Pawlu jsejjaħ lilu nnifsu “l-inqas wieħed fost l-appostli” (1 Kor 15:9). Hu jqis ruħu mhux denn ta’ dan it-titlu, għax fl-imgħoddi kien persekutur tal-Knisja ta’ Alla. Madankollu, mhuwiex priġunier ta’ dak il-passat, imma pjuttost “il-priġunier tal-Mulej” (Efes 4:1). Fil-fatt, għall-grazzja ta’ Alla, hu sar jaf lil Sidna Ġesù Rxoxt, li wera ruħu lil Pietru, jiġifieri lill-Appostli u lil mijiet ta’ dixxipli oħra tat-Triq, u fl-aħħar nett lilu wkoll, persekutur (ara 1 Kor 15:3-8). Il-laqgħa tiegħu mal-Irxoxt tiddetermina l-konverżjoni li qed infakkru llum.
Il-kobor ta’ din il-konverżjoni hu rifless fil-bidla ta’ ismu, minn Sawlu għal Pawlu. Bi grazzja ta’ Alla, dak li darba kien jippersegwita lil Ġesù ġie mibdul kompletament u sar xhud tiegħu. Dak li kien jitqabad bi ħruxija kontra l-isem ta’ Kristu, issa qed jipprietka l-imħabba tiegħu b’żelu mħeġġeġ, kif jesprimi b’mod ħaj l-innu li għadna kemm kantajna fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni (ara Excelsam Pauli gloriam, v. 2). Waqt li aħna miġburin madwar il-fdalijiet tal-għadam tal-Appostlu tal-ġnus, b’dan il-mod qed niġu mfakkra li l-missjoni tiegħu hija wkoll il-missjoni tal-Insara kollha tal-lum: li nħabbru lil Kristu u nistiednu lil kulħadd biex jafda fih. Fil-fatt, kull laqgħa vera mal-Mulej hija mument trasformattiv, li jagħti viżjoni ġdida u direzzjoni ġdida biex inwettqu l-ħidma li nibnu l-Ġisem ta’ Kristu (ara Efes 4:12).
Il-Konċilju Vatikan II, fil-ftuħ tal-Kostituzzjoni dwar il-Knisja, iddikjara x-xewqa ħerqana li nħabbru l-Vanġelu lil kull ħlejqa (ara Mk 16:15) u hekk indawlu “l-bnedmin kollha bid-dija ta’ Kristu li tixgħel fuq wiċċ il-Knisja” (Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 1). Hi ħidma komuni tal-Insara kollha li jgħidu lid-dinja, b’umiltà u ferħ: “Ħarsu lejn Kristu! Ersqu lejh! Ilqgħu l-kelma tiegħu li ddawwal u tfarraġ!” (Omelija fil-Quddiesa għall-bidu tal-Pontifikat, 18 ta’ Mejju 2025). L-aktar għeżież, il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara ssejħilna ta’ kull sena biex inġeddu l-impenn komuni tagħna f’din il-missjoni kbira, fl-għarfien li l-firdiet ta’ bejnietna, jekk ċertament ma jżommux lid-dawl ta’ Kristu milli jiddi, imma jdallmu aktar dak il-wiċċ li għandu jirriflettih fuq id-dinja.
Is-sena l-oħra ċċelebrajna l-1700 anniversarju mill-Konċilju ta’ Nicea. Il-Qdusija Tiegħu Bartilmew, Patrijarka Ekumeniku, stedinna niċċelebraw dan l-anniversarju f’İznik, u rrodd ħajr lil Alla għall-fatt li tant tradizzjonijiet Insara kienu rrappreżentati f’dik it-tifkira, xahrejn ilu. Li stajna nistqarru flimkien il-Kredu Niċen fl-istess post fejn ġie magħqud kienet xhieda prezzjuża u li ma tintesiex tal-għaqda tagħna fi Kristu. Dak il-mument ta’ fraternità ppermettielna wkoll li nweġġħu lill-Mulej għal dak li hu wettaq fil-Padri ta’ Nicea, u għen biex tiġi espressa b’ċarezza l-verità ta’ Alla li qorob lejna u ltaqa’ magħna f’Ġesù Kristu. Jalla llum ukoll l-Ispirtu s-Santu jsib fina l-intelliġenza doċli biex nistgħu nikkomunikaw b’leħen wieħed il-fidi lill-bnedmin ta’ żmienna!
Fis-silta tal-Ittra lill-Efesin magħżula bħala tema għall-Ġimgħa ta’ Talb ta’ din is-sena, nisimgħu mtenni kontinwament l-aġġettiv “wieħed”: ġisem wieħed, Spirtu wieħed, tama waħda, Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda, Alla wieħed (ara Efes 4:4-6). Għeżież ħuti, kif jistgħu dawn il-kelmiet imnebbħa ma jmissuniex f’qalbna? Kif tista’ l-qalb tagħna ma titkebbisx xħin tismagħhom? Iva, aħna “naqsmu fl-istess fidi f’Alla wieħed, Missier tal-bnedmin kollha; nistqarru flimkien Mulej wieħed u Iben veru ta’ Alla, Ġesù Kristu, u l-istess Spirtu s-Santu, li jnebbaħna u jixprunana lejn l-għaqda sħiħa u x-xhieda komuni tal-Vanġelu” (Ittra appostolika In unitate fidei, 12). Aħna ħaġa waħda! Diġà! Ejjew nagħrfuh dan, inħossuh, nuruh!
Il-maħbub predeċessur tiegħi, il-Papa Franġisku, osserva li l-mixja sinodali tal-Knisja Kattolika “hi u għandha tkun ekumenika, l-istess kif il-mixja ekumenika hi sinodali” (Diskors lill-Q.T. Mar Awa III, 19 ta’ Novembru 2022). Dan hu rifless fiż-żewġ Assemblej tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2023 u tal-2024, ikkaratterizzati minn żelu ekumeniku profond u mogħnija bis-sehem ta’ għadd kbir ta’ delegati fraterni. Nemmen li din hija t-triq biex nikbru flimkien fl-għarfien reċiproku tal-istrutturi u t-tradizzjonijiet sinodali rispettivi. Aħna u nħarsu ’l quddiem lejn l-2000 anniversarju mill-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej Ġesù fl-2033, ejjew inħabirku biex niżviluppaw iktar il-prattiċi sinodali ekumeniċi u biex nikkomunikaw reċiprokament dak li aħna, dak li nagħmlu u dak li ngħallmu (ara Per una Chiesa sinodale, 137-138).
Għeżież, waqt li l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara tasal fi tmiemha, insellem minn qalbi lill-Kardinal Kurt Koch, lill-Membri, lill-Konsulturi u lill-istaff tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara, flimkien mal-Membri tad-djalogi teoloġiċi u tal-inizjattivi l-oħra promossi mid-Dikasteru. Inħossni grat għall-preżenza f’din il-Liturġija ta’ bosta mexxejja u rappreżentanti tad-diversi Knejjes u Komunjonijiet Insara dinjija, b’mod partikulari tal-Metropolita Polykarpos, għall-Patrijarkat Ekumeniku, tal-Arċisqof Khajag Barsamian, għall-Knisja Appostolika Armena, u tal-Isqof Anthony Ball, għall-Komunjoni Anglikana. Insellem ukoll lill-istudenti li qed igawdu minn borża ta’ studju tal-Kumitat għall-kollaborazzjoni kulturali mal-Knejjes Ortodossi u Ortodossi Orjentali tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara, l-istudenti tal-Istitut ekumeniku ta’ Bossey tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes, il-gruppi ekumeniċi u l-pellegrini li qed jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni.
Is-sussidji għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara ta’ din is-sena ġew imħejjija mill-Knejjes fl-Armenja. Bi gratitudni profonda l-ħsieb tagħna jmur lejn ix-xhieda Nisranija qalbiena tal-poplu Armen matul l-istorja, storja li fiha l-martirju kien karatteristika kostanti. Fi tmiem din il-Ġimgħa ta’ Talb, niftakru fil-qaddis Catholicos San Nersès Šnorhali “l-Grazzjuż”, li ħadem għall-għaqda tal-Knisja fis-seklu 12. Hu kien qabel żmienu f’li għaraf li t-tiftix tal-għaqda hu dmir tal-fidili kollha u jitlob il-fejqan tal-memorja. San Nersès jista’ jgħallimna wkoll l-atteġġjament li għandna nadottaw fil-mixja ekumenika tagħna, kif fakkar il-predeċessur meqjum tiegħi San Ġwanni Pawlu II: “L-Insara għandu jkollhom konvinzjoni profonda interjuri li l-għaqda hi essenzjali mhux għal xi vantaġġ strateġiku jew gwadann politiku, imma għall-interess tal-predikazzjoni tal-Vanġelu” (Omelija fiċ-Ċelebrazzjoni ekumenika, Yerevan, 26 ta’ Settembru 2001).
It-tradizzjoni għadditilna x-xhieda tal-Armenja bħala l-ewwel nazzjon Nisrani, bil-magħmudija tar-Re Tiridate fis-sena 301 min-naħa ta’ San Girgor l-Illuminatur. Irroddu ħajr għall-mod kif, bil-ħidma ta’ ħabbara qalbiena tal-Kelma li ssalva, il-popli tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Punent laqgħu l-fidi f’Ġesù Kristu; u nitolbu biex iż-żerriegħa tal-Vanġelu tissokta tagħmel f’dan il-Kontinent frott ta’ għaqda, ta’ ġustizzja u ta’ qdusija, anki għall-ġid tal-paċi fost il-popli u n-nazzjonijiet tad-dinja kollha.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard