Persekuzzjonijiet oħra

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea (10)

Il-Kunflitt mal-Insara

It-tielet seklu kien żmien fejn kull forma ta’ twemmin iffjorixxa, it-tempji pagani kienu mfawra bin-nies, il-Manikej bdew jinfirxu fil-beraħ u l-kulti Misteriċi kienu qed jiksbu popolarità aktar minn qatt qabel. (Dawn kienu riti sigrieti li oriġinaw mill-Greċja u Ruma tal-qedem b’ċerimonji asoteriċi, żfin estatiku u wegħdiet ta’ beatitudni.) Il-Kristjaneżmu ukoll beda jikber, skond l-istudjuż Michael Grant, in-numru ta’ l-insara f’Ruma, fis-sena 200 kien aktarx ta’ xi 10000 ruħ, fl-aħħar tas-seklu żdied għal 50000.

Forsi jistà jidher numru żgħir iżda meta wieħed iqis il-popolazzjoni ta’ dak iż-żmien u l-fatt li l-Kristjaneżmu kien jinsab l-aktar fl-ibliet, allura dan juri preżenza ta’ minoranza relattivament kbira.


Wara l-mewt ta’ Valerjanu mhux biss seħħ it-tmiem tal-persekuzzjoni, iżda saħansitra l-mod kif in-nies kienu jħarsu lejn l-insara beda jinbidel. L-insara ma baqgħux aktar dawk in-nies strambi, ta’ min jistmerrhom. Huma kienu ċittadini rispettabbli, kien hemm saħansitra nies fil-palazz imperjali li kienu jimxu wara Kristu. L-istess Dioklezjanu qatt ma wera li hu kien kontrihom. Fil-fatt mhux l-insara kellhom jieħdu l-ewwel attakki, iżda l-Manikej li fis-sena 299 kienu fil-mira ta’ numru ta’ digrieti kontrihom.

Fis-sena 303 WK, waqt ċerimonja li fiha kien jinqara l-futur permezz tal-intern tal-bhejjem, il-qassisin pagani ma setgħux iħabbru kif soltu kienu jagħmlu. Kien għalhekk li l-ħtija waqgħet fuq l-insara. Jew aħjar din kienet l-iskuża. Hu x’inhu inħarġu numru ta’ digrieti li permezz tagħhom il-postijiet ta’ qima ta’ l-insara jew ikkonfiskati, kulħadd kellu joffri inċens lill-imperatur, u min ma’ jagħmilx hekk isofri l-mewt jew jiġi mutilat u mitfugħ jaħdem fil-minjieri.

L-aktar li kienet qawwija din il-persekuzzjoni, li damet għaxar snin, kien fil-Lvant u b’mod speċjali fl-Eġittu, fejn il-qawwa militari Rumana intużat b’mod sistematiku. Fil-każ ta’ l-Eġittu l-vjolenza kienet eħrex, għaliex din il-provinċja kienet għadha kif irribellat kontra Dioklezjanu, għalhekk kien hemm ukoll element ta’ tpattija. Komunitajiet sħaħ kellhom quddiem kienu jiġu mġiegħla jistqarru u jiċħdu twemminhom.

It-tradizzjoni Kopta titkellem dwar toroq miksija bid-demm tal-martri u kif il-mannara tal-bojja kienet tixxaqqaq u tinqasam daqskemm kienet tintuża. Min-naħa l-oħra fil-Punent, fejn Kostantinu Kloru kien jaħkem (il-Gallja u l-Brittanja) ftit li xejn kien hemm persekuzzjoni, għalkemm l-insara f’dawn l-inħawi kienu ftit. X’aktarx li b’kollox mietu ’l fuq minn tlett elef ruħ, numru kbir meta wieħed iqis in-numru ta’ l-insara preżenti fl-Imperu f’dan iż-żmien.    

Tmiem il-Persekuzzjoni

Sena wara d-Digriet tal-Persekuzzjoni Dioklezjanu rtira mit-tmexxija (iżda xorta baqa’ imperatur) u ħalla lil Galerju fil-Lvant. Dan ħadha bl-aħrax kontra l-insara iżda għas-sena 311, hekk kif kien jinsab marid b’marda li kellha twasslu għall-mewt, huwa ħareġ editt li fih il-persekuzzjoni kellha tieqaf, l-insara kellhom jitħallew ħielsa u ġew mitluba biex jitolbu għall-imperatur. F’dan l-editt issieħbu Kostantinu, iben Kostanzu Kloru, u Liċinju wieħed mis-suċċessuri ta’ Galerju.

Iżda Massiminu Daia suċċessur ieħor irrifjuta l-paċi ma’ l-insara. Li hu żgur hu, li l-Knisja irnexxielha tirreżisti u ma nqerditx quddiem dan l-attakk sistematiku. Tassew li kienu bosta dawk li ċaħdu l-fidi, iżda l-qlubija tal-martri ġibdet is-simpatija ta’ bosta fost il-pagani, li issa kienu draw jaraw lill-insara bħala ġirien u mhux bħala xi barranin strambi. Fi ftit kliem din il-persekuzzjoni wriet li l-insara kienu preżenza li ma stajtx tinjora kif ġieb u laħaq.

Ftakar:

1. Min kien Dioklezjanu.

2. Għaliex Dioklezjanu ippersegwita l-insara.

3. Kif intemmet din il-persekuzzjoni.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading