Ġwanni Pawlu II waqt Adorazzjoni Ewkaristika fil-Vatikan

ADORAZZJONI EWKARISTIKA FIL-BAŻILIKA VATIKANA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Is-Sibt, 24 ta’ Novembru 1984

Ibqà magħna Mulej, għax issa sar ħafna ħin u l-jum wasal biex jintemm” (Lq 24, 29).

1. Din hija l-invokazzjoni li titla spontanja mir-ruħ quddiem Kristu, preżenti fis-sagrament tal-Ewkaristija, waqt li aħna hawn miġbura quddiemu, fi tmiem ta’ jum minnkom iddedikat lit-tema kbira u meraviljuża tat-talb.

Huwa b’qalb kuntenta u rikonoxxenti li ridt ningħaqad magħkom għal dan il-waqt ta’ adorazzoni quddiem l-Ewkaristija, biex nitolbu u biex inkunu għal darb’oħra mdawlin mill-grazzja ta’ Kristu u mid-dawl tal-Ispirtu Santu fuq it-talb stess, nifs tal-ħajja nisranija, sabar ta’ kuljum f’dan il-pellegrinaġġ terren, don vitali ta’ parteċipazzjoni, permezz ta’ Kristu, fil-ħajja tal-grazzja tat-Trinità.

2. Fil-bidu tal-pontifikat tiegħi jiena għidt li t-talb huwa għalija l-ewwel dmir u kważi l-ewwel aħbar, l-istess bħalma hi l-ewwel kondizzjoni tas-servizz tiegħi lill-Knisja u lid-dinja (cf. Insegnamenti di Giovanni Paolo II, I [1978] 78). Hemm bżonn nasserixxi li kull persuna kkonsagrata għall-ministeru saċerdotali jew għall-ħajja reliġjuża, kif ukoll kull min jemmen, għandu dejjem iqis it-talb bħala l-opra essenzjali u insostitwibbli tal-vokazzjoni propja, l-“opus divinum” li tiġi – kważi fil-quċċata tal-għixien u l-operat tiegħu – kwalunkwè impenn tiegħu ieħor. Nafu sewwa li l-fedeltà għat-talb jew l-abbandun tiegħu huma l-prova tal-vitalità jew tad-dekadenza tal-ħajja reliġjuża, tal-apostolat, tal-fedeltà nisranija (cf. Ioannis Pauli PP. II, Allocutio ad Religiosas, die 7 oct. 1979: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, II/2 [1979] 680).

Min jaf il-ferħ tat-talb, jaf ukoll li hemm f’din l-esperjenza xi ħaġa ineffabli u li l-mod uniku biex wieħed jifhem l-għana intima huwa dak li jgħixha: Xinhu t-talb wieħed jifhmu billi jitlob. Bil-kliem wieħed jistà biss jipprova li jlaqlaq xi ħaġa: titlob ifisser tidħol fil-misteru tal-komunjoni ma’ Alla, li jirrivela lir-ruħ fl-għana ta’ mħabbtu nfinita; ifisser tidħol fil-qalb ta’ Ġesù biex tifhem is-sentimenti tiegħu; titlob ifisser ukoll tantiċipa b’xi mod fuq din l-art, fil-misteru, il-kontemplazzjoni ta’ Alla, li jirrendi ruħu viżibli ‘il hemm miż-żmien, fl-eternità.

It-talb huwa mela, tema nfinita fis-sustanza tagħha, u hija ugwalment infinita fl-esperjenza tagħna, ladarba d-don tal-orazzjoni jimmultiplika ruħu f’min jitlob, skont l-għana multiformi, irrepetibli u imprevedibli tal-grazzja divina li tilħaqna fl-att tat-talb tagħna.

3. Fit-talb huwa l-Ispirtu ta’ Alla li jmexxina lejn l-għarfien tal-verità nterna l-iktar profonda tagħna u jirrivelalna l-appartenenza tagħna lill-ġisem ta’ Kristu li huwa l-Knisja. U l-Knisja taf li wieħed mid-dmirijiet tagħha fundamentali jinsab fil-komunikazzjoni lid-dinja tal-esperjenza tagħha tat-talb: tikkomunikah lill-bniedem sempliċi kif ukoll lill-għaref, lill-bniedem meditattiv kif ukoll lil dak li jħossu mgħaffeġ mill-attiviżmu.

Il-Knisja tgħix fit-talb il-vokazzjoni tagħha li tkun gwida ta’ kull persuna umana li, quddiem il-misteru ta’ Alla, issib li għandha bżonn ta’ illuminazzjoni u ta’ sosten, billi tiskopri ruħha fqira u umli, imma wkoll affaxxinata sinċerament mix-xewqa li tiltaqà ma’ Alla biex tkellmu.

4. Ġesù huwa t-talb tagħna. Dan għandu jkun l-ewwel ħsieb ta’ fidi meta nkunu rridu nitolbu, Billi sar bniedem, il-Verb ta’ Alla ħa fuqu l-umanità tagħna biex iwassalha lil Alla Missier bħala krejatura ġdida, kapaċi tiddjaloga miegħu, tikkontemplah, tgħix ma’ Alla komunjoni soprannaturali ta’ Ħajja permezz tal-grazzja.

L-għaqda mal-Missier, li Ġesù jirrivela fit-talb tiegħu, hija sinjal għalina. Ġesù jassoċjana mat-talb tiegħu, huwa hu l-mudell fundamentali u s-sors tad-don tal-adorazzjoni li fih huwa jinvolvi bħala kap il-Knisja kollha tiegħu.

Ġesù jkompli fina -don tat-talb tiegħu, kważi jitlobna b’self lil moħħna, lill-qalbna u lil xuftejna, sabiex fiż-żmien tal-bnedmin ikompli fuq l-art l-orazzjoni li hu beda meta inkarna ruħu u jkompli eternament, flimkien mal-istess umanità, fis-sema (cf. Pio XII, Mediator DeiAAS 39 [1947] 573).

5. Iżda aħna nafu li fil-kondizzjonijiet terreni li fihom ninsabu dejjem hemm xi xogħol xi nwettqu biex nitolbu sewwa, xi ostaklu x’negħlbu. Toħroġ spontanja l-mistoqsija dwar il-kondizzjonijiet tat-talb. Għal dan ir-rigward il-klassiċi tal-ispiritwalità joffru xi suġġerimenti utli, li jqisu l-konkretezza tal-kondizzjoni umana tagħna.

L-ewwelnett it-talb jitlob minna l-eserċizzju tal-preżenza ta’ Alla. Hekk l-għalliema tal-ispirtu kienu jsejħu dak l-att profond ta’ fidi li jirrendina konxji li meta nitolbu, Alla huwa magħna, jispirana  u jismagħna, jieħu bis-serjetà kliemna. Mingħajr dan l-att prijuri ta’ fidi t-talb tagħna jistà iktar jibqà distratt mill-iskop tiegħu prinċipali, dak li jkun waqt ta’ djalogu veru mal-Mulej.

Biex titlob hemm bżonn ukoll li nwettqu fina nfusna silenzju intern profond. It-talb ikun veru jekk aħna ma nfittxux lilna nfusna fl-orazzjoni, imma biss lill-Mulej. Hemm bżonn nirrelataw ruħna fir-rieda ta’ Alla b’ruħna mneżżà, diposta għal dedikazzjoni lil Alla. Imbagħad nintebħu li t-talb kollu tagħna jikkonċentra, min-natura tiegħu, lejn it-talb li Ġesù għallimna u li sar l-unika talba fil-Ġetsemani: “ Mhux dak li rrid jien imma dak li trid int isir” (cf. Mt 6,10; Lc 22,42).

Fl-aħħarnett, ejjew inżommu f’moħħna li fit-talb aħna, ma’ Ġesù, ambaxxaturi tad-dinja mal-Misier. L-umanità kollha għandha bżonn issib fit-talb tagħna leħenha: hawn għandna umanità li għandha bżonn redenzjoni, maħfra, purifikazzjoni. Barra minn dan fit-talb tagħna jrid jidħol ukoll dak li jtaqqalna, dak li nistħu minnu, dak li min-natura tiegħu jifridna minn Alla, imma li jippartieni lill-fraġilità tagħna jew lill-faqar tal-persuni indiviwali tagħna (cf. Insegnamenti di Giovanni Paolo II, II [1979] 543). Hekk talab Pietru wara s-sajda mirakoluża. Meta qal lil Ġesù: “Tbiegħed minni , Mulej, għaliex jiena raġel  midneb” (Lq 5,8).

Din it-talba li titnissel mill-umiltà tal-esperjenza tad-dnub u li tinħass solida mal-faqar morali tal-umanità kollha, tmiss il-qalb ħanina ta’ Alla u ġġedded fil-kuxjenza ta’ min jitlob l-atteġġjament tal-iben il-ħali, li xxukkjat il-qalb tal-Missier.

6. Għeżież ħuti, miġburin quddiem is-sagrament tal-preżenza reali ta’ Kristu, aħna nbaxxu rasna, konxji tax-xejn tagħna, imma kburin fl-istess ħin minħabba d-dinjità mmensa li din il-preżenza  iġġibilna: “Għax liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu hekk qrib tagħna l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejħulu?” (Dt 4, 7). Aħna nistgħu ninġabru madwaru, nistgħu nkellmuh b’mod konfidenzjali, speċjalment nistgħu nisimgħuh, billi nibqgħu siekta quddiemu, bil-qalb għassa, lesti li nilqgħu s-sefsifa misterjuża ta’ kelmtu.

Titlob mhux impożizzjoni, huwa don; mhuwiex irbit, huwa possibiltà; mhuwiex piż, huwa ferħ. Imma biex tiggosta dan il-ferħ, hemm bżonn noħolqu fl-ispirtu propju d-dispożizzjonijiet ġusti.

Għal dan il-lejla wkoll insibu fuq xuftejna l-invokazzjoni tal-appostli: “Mulej, għallimna nitolbu!” (Lq 11, 1). Iva, Mulej Ġesù,għallimna din ix-xjenza singolari, l-unika meħtieġa (cf. Lq 10, 42), l-unika li jistà jitgħallimha kulħadd, l-unika li taqsam il-fruntieri taż-żmien biex insegwuk fid-dar ta’ Missierek, meta aħna wkoll “inkunu nixbħuħ. Għaliex narawh kif inhu” (1 Ġw 3, 2). Għallimna, Mulej, din ix-xjenza divina; hija biżżejjed għalina!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading