LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 11 ta’ Marzu 2026
Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. II. Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium. 3. Il-Knisja poplu ta’ Alla
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Inkomplu bir-riflessjoni tagħna fuq il-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium (LG) u llum nieqfu fuq it-tieni kapitlu, iddedikat lill-Poplu ta’ Alla.
Alla, li ħalaq id-dinja u l-umanità u li jixtieq isalva lil kull bniedem, iwettaq l-opra tiegħu ta’ salvazzjoni fl-istorja billi jagħżel poplu konkret u jgħammar fi ħdanu. Għalhekk, hu jsejjaħ lil Abraham u jwiegħdu dixxendenza numeruża daqs il-kwiekeb tas-sema u r-ramel ta’ xatt il-baħar (ara Ġen 22:17-18). Ma’ wlied Abraham, wara li ħelishom mill-qagħda tal-jasar, Alla jagħmel patt, iseħibhom, jieħu ħsiebhom, jiġborhom kull darba li jixterdu. Għalhekk, l-identità ta’ dan il-poplu ġejja mill-azzjoni ta’ Alla u tal-fidi fih. Hu msejjaħ isir dawl għall-ġnus l-oħra, bħal fanal li jiġbed lejh il-popli kollha, l-umanità kollha (ara Iż 2:1-5).
Il-Konċilju jafferma li “dan kollu ġara biss bħala tħejjija u xbieha tal-patt ġdid u perfett li Alla kellu jagħmel fi Kristu u tar-rivelazzjoni aktar sħiħa li kellu jagħmel permezz tal-Verb ta’ Alla magħmul bniedem” (LG, 9). Fil-fatt, huwa Kristu li, fid-don tal-Ġisem u d-Demm tiegħu, jiġbor fih innifsu u għal dejjem lil dan il-poplu. Issa dan hu magħmul minn nies ġejjin minn kull nazzjon; hu magħqud flimkien mill-fidi fih, mit-twaħħid tiegħu miegħu, mill-fatt li hu jgħix mill-istess ħajja tiegħu mseddqa mill-Ispirtu tal-Irxoxt. Din hija l-Knisja: il-poplu ta’ Alla li jaf l-eżistenza tiegħu lill-ġisem ta’ Kristu[1] u li hu nnifsu hu ġisem ta’ Kristu;[2] mhux poplu bħall-oħrajn, imma l-poplu ta’ Alla, imsejjaħ minnu u msawwar minn nisa u rġiel li ġejjin mill-popli kollha tal-Art. Il-prinċipju li jgħaqqdu flimkien mhuwiex lingwa, kultura, etniċità, imma l-fidi fi Kristu: il-Knisja hija għalhekk – skont espressjoni mill-isbaħ tal-Konċilju – “l-assemblea ta’ dawk li bil-fidi jħarsu lejn Ġesù” (LG, 9).
Hija poplu messjaniku, proprju għaliex għandu bħala ras lil Kristu, il-Messija. Dawk li jagħmlu parti minnu ma jiftaħrux b’merti jew titli, imma biss bid-don li huma, fi Kristu u permezz tiegħu, ulied ta’ Alla. Allura, qabel kull ħidma jew funzjoni, dak li jiswa tabilħaqq fil-Knisja hu li nkunu mlaqqma fi Kristu, li aħna bi grazzja wlied ta’ Alla. Dan huwa wkoll l-uniku titlu ta’ ġieħ li għandna nfittxu bħala Nsara. Aħna qegħdin fil-Knisja biex nirċievu bla waqfien il-ħajja tal-Missier u biex ngħixu bħala wliedu u aħwa bejnietna. B’konsegwenza ta’ dan, il-liġi li tmexxi r-relazzjonijiet fil-Knisja hija l-imħabba, hekk kif nirċevuha u ngħixuha f’Ġesù; u d-destinazzjoni tagħha hija s-Saltna ta’ Alla, li lejha hi timxi flimkien mal-umanità kollha.
Magħquda fi Kristu, Mulej u Feddej ta’ kull bniedem, il-Knisja ma tista’ qatt tingħalaq fiha nfisha, imma hi miftuħa għal kulħadd u hi għal kulħadd. Jekk jagħmlu parti minnha dawk li jemmnu fi Kristu, il-Konċilju jfakkarna li “l-bnedmin kollha huma msejħin biex ikunu l-poplu ġdid ta’ Alla. Huwa għalhekk li dan il-poplu, waqt li jibqa’ wieħed u waħdani, għandu jixtered mad-dinja kollha u għaż-żmien kollu sabiex iseħħ l-għan tar-rieda ta’ Alla li fil-bidu ħalaq natura umana waħda u ried li fl-aħħar ilaqqa’ flimkien lil uliedu li kienu mxerrdin” (LG, 13). Għalhekk, anki min għadu ma rċiviex il-Vanġelu, b’xi mod, hu orjentat lejn il-poplu ta’ Alla, u l-Knisja, waqt li tikkopera fil-missjoni ta’ Kristu, hi msejħa xxerred il-Vanġelu kullimkien u lil kulħadd (ara LG, 17), biex kulħadd jista’ jidħol f’kuntatt ma’ Kristu. Dan ifisser li fil-Knisja hemm u għandu jkun hemm post għal kulħadd, u li kull Nisrani hu msejjaħ iħabbar il-Vanġelu u jagħti xhieda f’kull ambjent li fih jgħix u jaħdem. Huwa hekk li dan il-poplu juri l-kattoliċità tiegħu, billi jilqa’ l-għana u r-riżorsi tad-diversi kulturi u, fl-istess waqt, joffrilhom il-ġdid tal-Vanġelu biex isaffihom u jelevahom (ara LG, 13).
F’dan is-sens, il-Knisja hija waħda imma tinkludi lil kulħadd. Hekk fissirha teologu kbir: “Arka waħdanija tas-Salvazzjoni, hi għandha tilqa’ fin-navata wiesgħa tagħha d-differenzi kollha tal-bnedmin. Sala waħda tal-Ikla tat-Tieġ, ix-xorb li tqassam hija tiksbu mill-ħolqien kollu. Libsa bla ħjata ta’ Kristu, hija wkoll – u hi l-istess ħaġa – il-libsa ta’ Ġużeppi, ta’ ħafna lwien”.[3]
Hu sinjal kbir ta’ tama – fuq kollox fi żminijietna, milquta minn tant kunflitti u gwerer – li nafu li l-Knisja hija poplu li fih jgħixu flimkien, bil-qawwa tal-fidi, nisa u rġiel differenti f’dawk li huma nazzjonalità, lingwa jew kultura: hija sinjal imqiegħed fl-istess qalba tal-umanità, sejħa u profezija ta’ dik l-għaqda u dik il-paċi li lejhom Alla l-Missier isejjaħ lil uliedu kollha.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Ara J. Ratzinger, Il nuovo popolo di Dio, Brescia 1992, 97.
[2] Ara Y. M.-J. Congar, Un popolo messianico, Brescia 1976, 75.
[3] Ara H. de Lubac, Cattolicismo. Aspetti sociali del dogma, Milano 1992, 222.