Kitba ta’ Edward Tagliferro
Razza Ġdida
Ir-reġjun ta’ Samarija jinsab bejn ir-reġjun tal-Ġudeja fin-nofsinhar u r-reġjun tal-Galilija fit-tramuntana. Meta l-Assirjani attakkaw lir-reġjun tat-Tramuntana, ħadu lis-sinjuri tal-post lejn arthom u ħallew lill-fqar. Dawn ippruvaw iżommu u jipprattikaw il-fidi Lhudija, imma meta xi Assirjani baqgħu f’dan ir-reġjun bdew jitħalltu bi żwieġ man-nies tal-post u jintroduċu qima lejn allat oħra. Din ir-razza mħallta maż-żmien bdiet tissejjaħ tas-Samaritani.
Kienu jqishom ruħhom fidili lejn it-tradizzjoni ta’ Israel, u kellhom il-verżjoni tagħhom tat-Torah u tal-ewwel ħames kotba tal-Bibbja. Għażlu li jaduraw lil Jaħweh fuq muntanja imma mhux ta’ Ġerusalemm (il-muntanja Zion) iżda dik tat-territorju tagħhom, il-muntanja Geriżin.
Meta l-Lhud reġgħu lura Israel wara l-eżilju fil-Babilonja (539 B. C.), ikkritikaw bl-aħrax lis-Samaritani, bdew jgħajruhom ta’ razza mħallta u li huma Lhud eretiċi. Għalhekk, meta xi Samaritani offrew biex jgħinu fil-bini mill-ġdid ta’ Ġerusalem, il-mexxejja Lhud keċċewhom. Dawn tant irrabjaw, li ssieħbu ma’ xi għedewwa tal-Lhud biex jagħmlulhom ostakli fit-toroq minn fejn kellhom jgħaddu bil-materjal tal-bini. Dan l-inkwiet bejn iż-żewġ partijiet kompla sejjer sakemm ir-re Hyrcanus tal-Makkabew kisser it-tempju li s-Samaritani kienu bnew fuq il-muntanja Geriżim għall-qima t’Alla.
Il-Bir ta’ Sikar
Wieħed mill-aktar postijiet importanti fis-Samarija hu l-Bir ta’ Sikar, magħruf ukoll bħala l-Bir ta’ Ġakobb. Fil-ktieb tal-Ġenesi ma nsibux li Ġakobb ħaffer dan il-bir, imma hija tradizzjoni Lhudija, Nisranija u Musulmana. Huwa mħaffer fil-blat u fond ħafna. L-ewwel Insara kienu tal-fehma li dan hu l-istess bir fejn Ġesu’ talab lill-mara Samaritana ittih jixrob.
Kif rajna, mhux soltu li Lhudi jitlob xi ħaġa lil Samaritan. Ma kinux jaħmlu lil xulxin. In fatti meta l-Lhud kienu jkunu fi triqithom lejn Ġerusalem, kienu jevitaw is-Samarija. Jekk jgħaddu minn hemm waqt li jkunu qed iġorru xi offerti għat-Tempju, dawn ma jkunux jistgħu jiffruhom. Għalhekk tinstema’ ftit stramba li xi Samaritan ikun “it-tajjeb” f’xi parabbola ta’ Ġesu’ (Is-Samaritan it-Tajjeb, jew il-lebbruż li kien l-uniku wieħed li reġa’ lura jiżżi ħajr lil Ġesu’).
Il-Bir Fl-Antik Testment
Hawn insibu storja komuni: raġel imur ħdejn il-bir, mara ttih jixrob, jinħabbu u jiżżewġu. Kull tant ir-raġel jibgħat qaddej, bħal meta Abraham bagħat wieħed għan-nom ta’ ibnu Iżakk, u dan sablu lil Rebekka. Bl-istess mod, Ġakobb iltaqa’ ma’ Rakele, Mose’ ltaqa ma’ Zipporah (Sephora) u Boaz iltaqa’ ma’ Ruth. Kull storja tvarja ftit, e.g. Ruth hija barranija u għalhekk Boaz ikun li jofffrilha tixrob.
B’hekk, meta Ġesu’ jiltaqa’ mas-Samaritana, din se tkun l-għarusa tiegħu. Din mhijiex għerusija fiżikali imma għal kollox spiritwali. Is-Samaritani kienu “iżżewġu” ħafna allat. Il-mara ssemmi sitta, numru imperfett għax jonqsu ieħor biex ikun perfett (sebgħa). Ġesu’ se jkun is-sebgħa għarus li jagħmel kollox perfett għax se jitgħarras din l-għarusa l-ġdida: il-Komunita’ Nisranija. Din l-għarusa se twelled ħafna ulied li jġibu l-isem ta’ Kristu billi jissejħu Kristjani.
Il-fatt li Ġesu’ jittratta din is-Samaritana b’tant rispett li saret waħda mid-dixxipli tiegħu, jgħallimna li hekk għandna nagħmlu aħna ma’ nies ta’ twemmin ieħor. Forsi bir-rispett u l-eżempju li nagħtu, inħajruhom jindagaw fuq it-twemmin tagħna.
(Sors: Artiklu ta’Jude Winkler, OFM fil-Messenger of St Anthony – Ġunju 2017)