Mulej TINI l-Ispirtu tiegħek

Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd

Ġesu’ Kristu hu FTIT magħruf minn dawk li jgħidu li huma tiegħU

Il-Missier tagħna San Ġwann tas-Salib, li din is-ena qegħdin infakkru 300 sena minn mindu ġie ddikjarat Qaddis u 100 sena minn mindu ġie ddikjarat Duttur tal-Knisja jikteb hekk:

“Mhux se nkompli nespandi fuq dan, għalkemm nixtieq inkompli niddiskuti din il-materja, għax mill-osservazjoni tiegħi Kristu huwa sa ċertu punt mhux magħruf minn dawk li jikkunsidraw lilhom infushom ħbieb tiegħU. Minħabba din l-imħabba lejhom infushom imorru jfittxu fiH il-konsolazjonijiet u dak li jogħġob lilhom. Imma ma jfitxxux, mqanqla minn imħabba kbira għaliH, il-provi morri u l-mewt” (Telgħa tal-Għolja tal-Karmelu II, kap 7, par 12).

This is the whole point l-aħwa.

Ngħidu li nimxu wara Ġesu’, imma l-fatti ta’ ħajjitna juru mod ieħor.

L-Ispirtu tad-dinja

Ngħidu li għandna fina l-Ispirtu ta’ Ġesu Kristu, filwaqt li jkollna ġewwa fina l-Ispirtu tad-dinja.

Bosta u bosta minn dawk li mxew wara Ġesu’ matul ħajtu, kienu jagħtu l-impressjoni li huma dixxipli tiegħU, sa ma mbagħad Ġesu’ ġie maqbud u ttieħed għal qatla, u kważi lkoll marru ‘l hawn u ‘l hemm, qsihom ma kienu ltaqgħu ma’ Ġesu’ Kristu.

U hekk qiegħed jiġri llum ukoll.

L-Ispirtu ta’ Ġesu’ Kristu

Min għandu l-Ispirtu ta’ Ġesu’ Kristu JIBQA’ MIEXI MA’ ĠESU’, ANKI JEKK DIN IL-MIXJA SE TWASSLU BIEX JITLEF DAK KOLLU LI GĦANDU.

Bosta imma għandhom fihom l-ispirtu tad-dinja, u ma tridx tmur wisq ‘il bogħod biex tintebaħ x’inhu dan l-ispirtu tad-dinja. Basta tiftaħ l-aħbarijiet internazjonali, jew tippruva ssuq karozza fit-toroq tagħna. Basta tara x’inhu li qiegħed jixpruna ‘l pajjiżi, lil-bosta familji, lil xi ġenituri, lill-ħafna wlied.

Imma mbagħad tisma li ġewwa Franza se jkun hemm aktar minn 20,000 żagħżugħ u żagħżugħa ta’ bejn it-18 u l-25 sena li se jirċievu l-Magħmudija fil-Velja tal-Għid li ġejja u tagħmel kuraġġ ta’ sur. Tara kif ġewwa Londra biss 800 adult minn kull sfera tal-ħajja se jirċievu l-magħmudija fl-istess Velja tal-Ghid.

L-Ispirtu ta’ Kristu qiegħed ġa jirbaħ lill-Ispirtu li d-dinja tixtieq tbellagħlna.

Il-ftit ħbieb li Ġesu’ għandu għandhom ikunu ħbieb veri

Ejjew tassew inkunu ħbieb intimi ta’ Ġesu’, kif xtaqet minna l-Omm tagħna Santa Tereża ta’ Ġesu’.

“Ix-xewqa ħerqana tiegħi kienet, u għadha llum, li ladarba Hu għandu għadd hekk kbir ta’ għedewwa u hekk ftit ħbieb, dawn għandhom ikunu ħbieb tassew” (Triq tal-Perfezjoni Kap 1, 2).

MULEJ NIXTIEQ INKUN TIEGĦEK U TIEGĦEK BISSSSSSSSSSSSSSSS.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading