VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
LAQGĦA MAL-KOMUNITÀ ALĠERINA
INDIRIZZ TAL-QDUISJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika tal-Madonna tal-Afrika (Alġiers)
It-Tnejn, 13 ta’ April, 2026
Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-Paċi magħkom!
Għeżież ħuti fl-Episkopat,
Għeżież saċerdoti u djakni, reliġjużi rġiel u nisa,
Maħbubin ulied il-Knisja tal-Alġerija,
Hu ta’ ferħ profond għalija u b’għożża paterna li qed niltaqa’ magħkom illum, intom li l-preżenza diskreta u prezzjuża tagħkom f’din l-art ġejja minn wirt antik u xhieda mdawla ta’ fidi.
L-għeruq tal-komunità tagħkom huma ferm fondi. Intom eredi ta’ għadd ta’ xhieda li taw ħajjithom imqanqlin mill-imħabba għal Alla u għall-proxxmu. Niftakar partikolarment fid-19-il raġel u mara reliġjużi li nagħtaw il-martirju fl-Alġerija għax għażlu li jibqgħu qrib il-poplu tagħha fil-ferħ u fit-tbatija. Demmhom hu żerriegħa ħajja li qatt ma tehda tagħmel il-frott.
Intom eredi ta’ tradizzjoni ferm aktar antika li tmur lura lejn l-ewwel żmienijiet tal-Kristjanità. F’din l-art dewa l-leħen ħerqan ta’ Santu Wistin ta’ Ippona, u qablu kien hemm ix-xhieda ta’ ommu Santa Monica flimkien ma’ dak ta’ qaddisin oħra. Il-memorja tagħhom hi dija u sejħa biex illum inkunu sinjali awtentiċi ta’ komunjoni, djalogu u paċi.
Lilkom ilkoll, għeżież ħbieb, u lil dawk li ma setgħux ikunu preżenti imma qed isegwuna mill-bogħod, nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-impenn tagħkom ta’ kuljum biex tkunu xhieda tal-qalb materna tal-Knisja. Irodd ħajr lill-Eminenza Tiegħu għall-kliem li indirizzali u wkoll lil Rakel, Ali, Monia u Swor Bernardette għal dak li xxerjaw magħna. Fid-dawl ta’ dak li smajna, nixtieq nieqaf u nirrifletti flimkien magħkom fuq tlett aspetti tal-ħajja nIsranija li jien inqishom essenzjali – partikolarment fid-dawl tal-preżenza tagħkom hawnhekk: it-talb, il-karità u l-għaqda.
L-ewwel, it-talb. Ilkoll għandna bżonn nitolbu. Hu u jkellem liż-żgħażagħ, San Ġwanni Pawlu II kien enfasizza li: “Il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr ma jitlob daqskemm ma jistax jgħix jekk ma jiħux nifs” (Laqgħa mal-Musulmani Żgħażagħ f’Casablanca, 19 ta’ Awwissu, 1985, 4). Hu kien iddeskriva d-djalogu ma’ Alla bħala att indispensabbli – mhux biss għall-ħajja tal-Knisja iżda wkoll għal kull individwu. San Charles de Foucauld wkoll kien għaraf dan u kien iqis il-vokazzjoni tiegħu bħala preżenza ta’ talb. Kien kiteb: “Jien kuntent, ferħan li ninsab quddiem is-Santissmu Sagrament tul is-siegħat kollha ta’ ħajti” (Ittra lil Raymond de Blic, 9 ta’ Diċembru, 1907) u ħeġġeġ lil kulħadd: “Itolbu ħafna għall-oħrajn. Ingħataw għas-salvazzjoni tal-proxxmu b’kull mezz li għandkom: bit-talb, bit-tjieba, bl-eżempju” (Ittra lil Louis Massignon, 1 ta’ Awwissu, 1916).
Dwar il-ħtieġa tat-talb, Ali qasam magħna l-esperjenza tas-servizz fin- Notre Dame d’Afrique fejn bosta jersqu biex ifittxu s-silenzju, jistqarru l-preokkupazzjonijiet tagħhom, jitolbu għall-għeżież tagħhom u jiltaqgħu ma’ xi ħadd lest li jagħtihom widen ħalli jkunu jistgħu iferrgħu t-toqol li jġorru fi qlubhom. Hu osserva li hawnhekk bosta jsibu l-paċi u jkunu kuntenti li resqu hawn. It-talb jgħaqqad, jumanizza, isaħħaħ u jsaffi l-qalb. Permezz tat-talb, il-Knisja tal-Alġerija tiżra’ l-umanità, l-għaqda, is-saħħa u s-safa, u tilħaq irkejjen li jkun jafhom biss il-Mulej.
Aspett ieħor tal-ħajja ekkleżjali li nixtieq nirrifletti dwaru hu l-karità. Swor Bernardette kellmitna partikolarment dwar dan, hi u taqsam magħna l-esperjenza tagħha tal-għajnuna lit-tfal b’diżabbiltà u lill-ġenituri tagħhom. Minn dak li qaltilna, wasaln biex nifhmu li l-ħniena u s-servizz huma aktar milli sempliċement nipprovdu għajnuna materjali lill-aktar dgħajfa fostna. Fuq kollox, atti bħal dawn isiru opportunità għall-grazzja, li tippermetti lil kull min hu involut, jikber u jistagħna. Swor Bernardette spjegat kif ġest sempliċi u inizjali ta’ qrubija – żjara lil marid – l-ewwel żviluppat f’ċentru komunitarju u mbagħad f’organizazzjoni ta’ kura dejjem aktar strutturata. Issa saret komunità awtentika li fiha n-nies jaqsmu bejniethom mumenti ta’ ferħ u niket, magħqudin b’rabta ta’ fiduċja, ħbiberija u għaqda. Ambjent bħal dan jagħti l-ħajja u jfejjaq u xejn mhi sorpriża li min kun qed isofri, f’dal-post isib ir-riżorsi li jkollu bżonn biex saħħtu tistejqer waqt li fl-istess ħin inissel il-ferħ fl-oħrajn, bħalma qaltilna Fatima.
Wara kollox, hi propju l-imħabba bejn l-aħwa li ispirat ix-xhieda tal-martri li għadna kif fakkarna. Quddiem il-mibegħda u l-vjolenza, huma baqgħu fidili lejn il-karità sal-punt li ssagrifikaw ruħhom flimkien ma’ rġiel u nisa oħra, Insara u Musulmani. Għamlu dan bla tixjir ta’ bnadar jew daqq ta’ trombi, b’serenità u rieda soda, bla prużunzjoni u lanqas disperazzjoni, għax kienu jafu lil Dak li fih kienu poġġew il-fiduċja tagħhom (cfr 2 Tim 1,12). F’isimhom ilkoll niftakru fil-kliem sempliċi ta’ Brother Luc, il-monaku xwejjaħ u t-tabib tal-komunità ta’ Notre Dame de l’Atlas. Meta ingħata l-possibbiltà li jitlaq u jsalva mill-perikli imminenti, u għalhekk jabbanduna lill-pazjenti u l-ħbieb, wieġeb: “Irrid nibqa’ magħhom” (C. Henning – T. Georgeon, Fratel Luc di Tibhirine. Monaco, medico e martire, Vatican City 2025, Introduzzjoni), u hekk għamel. Fl-okkażjoni tal-Beatifikazzjoni tagħhom, il-Papa Franġisku kien qal dwaru u dwar l-oħrajn: “Ix-xhieda kuraġġuża hi sors ta’ tama għall-komunità Nisranija tal-Alġerija u żerriegħa ta’ djalogu għas-soċjetà kollha. Jalla dil-beatifikazzjoni tkun ta’ ispirazzjoni biex kulħadd jibni flimkien dinja ta’ fraternità u solidarjetà” (8 ta’ Diċembru, 2018).
U b’hekk naslu għat-tielet punt tar-riflessjoni tagħna: l-impenn tagħna għall-promozzjoni tal-paċi u l-għaqda. Il-motto ta’ diż-żjara hu mislut minn kliem Ġesù Rxoxt: “Il-Paċi magħkom!” (cfr Ġw 20,21). Fi skrizzjoni li hemm fost il-mużajċi ta’ Tipasa, naqraw: “In Deo pax et concordia sit convivio nostro”, li nistgħu nittraduċu hekk: F’Alla, jalla l-paċi u l-armonija jkunu l-festa tagħna. Il-paċi u l-armonija kienu minn dejjem il-karatteristiċi tal-komunità sa mill-bidu tagħha (cfr Atti 2,42-47), skont ix-xewqa ta’ Ġesù stess (cfr Ġw 17,23), li qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13,35). Rigward dan, Santu Wistin afferma li l-Knisja “Hi magħmula minn diversi popli iżda lkoll huma membri ta’ dik li hi l-ġisem tiegħu” (Sermo 192,2), u San Ċiprijanu kiteb: “Il-ftehim fratern ta’ bejnietna u l-paċi huma l-akbar sagrifiċċju li nistgħu noffru lil Alla – flimkien ma’ poplu magħqud ħaġa waħda mal-Missier, mal-Iben u mal-Ispirtu s-Santu” (It-talba tal-Missierna). Sabiħ li llum smajna tant varjetà ta’ ħsibijiet u eżempji jidwu f’dak kollu li ntqal.
Kif qal l-Eminenza Tiegħu, dil-bażilika hi sinjal tax-xewqa tagħna tal-paċi u l-għaqda. Hi simbolu ta’ Knisja ta’ ġebel ħaj fejn il-komunjoni bejn l-Insara u l-Musulmani tissaħħaħ taħt il-mantell tal-Madonna tal-Afrika. Hawnhekk, l-imħabba materna ta’ Lalla Meryem tiġbor lil kulħadd bħala wliedha, bid-diversità għanja tagħna, bix-xewqa tagħna għad-dinijità, l-imħabba, il-ġustizzja u l-paċi. Uliedha kollha huma ħerqanin biex jimxu flimkien, jgħixu, jitolbu, jaħdmu u joħolmu, għax il-fidi ma tiżolax, imma tiftaħna għal xulxin; tgħaqqadna imma ma toħloqx konfużjoni; tqarribna lejn xulxin bla ma tomoġeneizzana u trawwem fraternità awtentika. Dan qaltilna Monia. Fit-testimonjanza tagħha, Rakel qasmet magħna l-esperjenza tagħha fil-Fellowship Tlemcen. F’dinja fejn il-firda u l-gwerer jiżirgħu l-uġigħ u l-mewt fost in-nazzjonijiet, fil-komunitajiet u saħansitra fi ħdan il-familji, l-esperjenza tagħkom ta’ għaqda u paċi hi sinjal konvinċenti. Flimkien, intom tifirxu l-fraternità u tqanqlu x-xenqa ta’ komunjoni u rikonċiljazzjoni b’messaġġ qawwi u ċar frott tas-sempliċità u l-umiltà.
Rqajja kbar tat-territorju ta’ dal-pajjiż huma deżert, u fid-deżert ħadd ma jista’ jkampa waħdu. L-ambjent ostili jneħħi kwalunkwe preżunzjoni ta’ awtosuffiċjenza, u jfakkarna li għandna bżonn xulxin, u li għandna bżonn lil Alla. Meta nirrikonoxxu l-fraġilità tagħna, qlubna jinfetħu biex inwieżnu lil xulxin u biex induru lejn Dak li jista’ jagħtina dak li l-ebda qawwa umana ma tista’ ttina: ir-rikonċiljazzjoni profonda tal-qlub u magħha, il-paċi vera
Għalhekk, għeżież ħuti, inħeġġiġkom tkomplu l-ħidma tagħkom fl-Alġerija bħala komunità ta’ fidi magħquda u miftuħa, bħala preżenza ħajja tal-Knisja, is-“sagrament universali tas-salvazzjoni” (Kost. Domm. tal-Knisja Lumen Gentium, 48). Grazzi għal dak kollu li tagħmlu, għat-talb tagħkom, għall-karità tagħkom u għax xhieda tagħkom ta’ għaqda. Niżgurakom li se nżommkom fit-talb tiegħi quddiem il-Mulej, u nafdakom taħt il-ħarsien ta’ Marija, Notre Dame d’Afrique. Inberikkom minn qalbi.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber