Il-Papa Ljun XIV fil-laqgħa mal-Kleru u Ħaddiema Pastorali f’Luanda

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
LAQGĦA MAL-ISQFIJIET, SAĊERDOTI, DJAKNI, IRĠIEL U NISA KONSAGRATI U ĦADDIEMA PASTORALI
INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima (Luanda)
It-Tnejn, 20 ta’ April, 2026

Għeżież ħuti fl-Episkopat, saċerdoti,
rġiel u nisa konsagrati, katekisti,
ħuti!

Merħba lill-patrijiet Franġiskani Kappuċċini li qed jilqgħuna f’darhom illum.  Grazzi ħafna!

Hu ta’ ferħ kbira għalija li qed niltaqa’ magħkom.  Grazzi tal-laqgħa sabiħa li tajtuni!  Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lil dawk kollha li ħadmu biex ixerrdu u li għadhom ixerrdu l-Evanġelju f’Angola.  Grazzi tal-ħidma tal-evanġelizzazzjoni li twettqu f’dal-pajjiż, għat-tama li tiżirgħu fi qlub ħutna u għall-karità li tagħmlu ma’ min hu l-aktar fil-bżonn.  Grazzi wkoll tal-impenn sod tagħkom bil-kontribut li tagħtu lejn il-progress ta’ dan-nazzjon, kontribut mibni fuq is-sisien solidi tar-rikonċiljazzjoni u l-paċi.  Nagħti merħba speċjali lil ħuti l-isqfijiet li jippresjiedu x-xandir tal-fidi u s-servizz tal-karità.  B’mod partikolari, nirringrazzja lill-Eċċellenza Tiegħu José Manuel, Arċisqof ta’ Saurimo għall-kliem ta’ merħba f’isem il-Konferenza Episkopali.

Filwaqt li f’isem il-Knisja universali hu dmir tiegħi nirrokonoxxi l-vitalità Nisranija karatteristika tal-komunitajiet tagħkom, il-ħlas tirċevuh mingħand Alla.  Hu qatt ma jonqos mill-wegħdiet tiegħu!  Ġesù qal dal-kliem li jgħodd għalikom ukoll, għax irċevejtuh bil-fidi u wassaltuh għall-milja tiegħu: “Fost dawk kollha li jħallu lil djarhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix ukoll……persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej” (Mk 10, 29-30).

Għeżież ħuti, il-Mulej jaf b’liema ġenerożità intom tħaddnu l-vokazzjoni tagħkom, u mhuwiex indifferenti lejn dak kollu li tagħmlu għall-imħabba tiegħu biex titimgħu lill-poplu tagħkom il-verità tal-Evanġelju.  Allura ta’ min jiftaħ qalbu kollha għal Kristu!  Jista’ jkollkom it-tentazzjoni li taħsbu li Hu jiġi biex jeħdilkom xi ħaġa, inkella ttellgħu w tniżżlu jekk tħallux ir-riedni ta’ ħajjitkom f’idejh.  F’waqtiet bħal dawn ftakar li “Hu ma jieħu xejn għalih u jtik kollox.  Meta ningħataw lilu, nirċievu lura għal mitt darba.  Iva, iftħu l-bibien għal Kristu – u ssibu l-ħajja vera” (Benedittu XVI, Omelija fil-bidu tal-Ministeru Petrin tiegħu, 24 ta’ April, 2005).  Nixtieq nindirizza dal-kliem, b’mod partikolari, lill-bosta żgħażagħ li hemm fis-seminarji tagħkom u fid-djar tal-formazzjoni.  Tibżgħux tgħidulu “iva” lil Kristu, tfasslu ħajjitkom kompletament fuq tiegħu!  Tibżgħux minn għada, għax intom għal kollox tal-Mulej.  L-unika ħaġa li jeħdilna u jitgħabba biha Hu hi d-dnub.  Iva, mingħandu tirċievu kollox: din l-art u l-famlja li twelidtu fiha; il-Magħmudija, li daħħlitkom f’dil-familja kbira li hi l-Knisja; u l-vokazzjoni tagħkom.  “Lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem” (Ap 1,6).

Għeżież ħuti, il-Mulej itikom il-ferħ għax intom dixxipli missjunarji tiegħu, itikom il-qawwa biex tegħlbu n-nases tal-Ħażin u t-tama tal-ħajja ta’ dejjem.  Dan kollu tagħkom, u kollox hu rigal.  Rigal li jinnobilita u jkabbrek, itik is-setgħa.  L-akbar rigal hu l-Ispritu s-Santu, li msawwab fi qlubkom fil-Magħmudija, ikkonfermakom b’mod speċjali fi Kristu fid-dawl tal-missjoni tagħkom.  Hu bagħatkom sabiex, ibda mill-Evanġelju, intom tibnu l-kbira soċjetà Angolana, ħielsa, rikonċiljata u sabiħa.  F’dil-missjoni hu ta’ importanza fundamentali l-ministeru tal-katekisti!  Fl-Afrika, b’mod partikolari, hu espressjoni fundamentali tal-ħajja tal-Knisja, u jista’ jkun ta’ ispirazzjoni għall-komunitajiet Kattoliċi madwar id-dinja kollha.

“Għax kollox hu tagħkom…. u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla” (1 Kor 3,21-23) jgħallem San Pawl.  Ħamsin sena wara l-indipendenza ta’ pajjiżkom, dal-kliem tal-Appostlu jgħidilna li l-preżent u l-futur tal-Angola hu takom, imma intom ta’ Kristu.  L-Angolani kollha, mingħajr ebda eċċezzjoni, għandhom dritt li jibnu dal-pajjiż għall-benefiċċju kulħadd mingħajr ebda distinzjoni.  Iżda d-dixxipli tal-Mulej huma fid-dmir li dan jagħmluh imdawlin mil-liġi tal-karità.  L-identità tagħkom bħala dixxipli ta’ Ġesù hi l-qofol tal-azzjonijiet kollha tagħkom.  Huwa dmir tagħkom ilkoll li tkunu rifless u xbieha tiegħu, u f’dan ħadd ma jista’ jeħodlok postok. Hawnhekk tinsab l-uniċità tagħkom!  Intom il-melħ u d-dawl ta’ din l-art għax intom membri tal-Ġisem ta’ Kristu; u għal din ir-raġuni, il-ġesti, il-kliem u l-azzjonijiet tagħkom – li jirriflettu l-imħabba tiegħu – jibnu komunitajiet u jibnuhom għall-eternità.

Id-dixxipli ta’ Kristu msejħin biex jibqgħu magħqudin sfiq miegħu (cf Ġw 15,1-8).  Il-bqija mbagħad kollox isib postu.  Naf li tinsabu f’nofs pjan pastorali ta’ tliet snin bil-motto “Dixxipli fidili, dixxipli ferħanin” (cf Atti 11,23-26) dedikat għat-talb u r-riflessjoni dwar il-ministeru ordnat u l-ħajja konsagrata.  Liema toroq qed jiftaħ il-Mulej għall-Knisja f’Angola?  Żgur li se jkun hemm ħafna.  Iprruvaw imxu fihom kollha!  Imma l-ewwel, il-fedeltà lejn Kristu.  Għaldaqstant, komplu agħtu valur lill-formazzjoni kontinwa, ipperseveraw fix-xandir tal-aħbar it-tajba tal-paċi.

Fl-iskola ta’ Kristu li hu “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14,6), hemm ħafna x’wieħed jitgħallem.  Ftakru fid-djalogu ma’ Filippu, meta Filippu saqsih “Mulej, urina l-Missier u jkun biżżejjed għalina!”  It-tweġiba tal-Imgħallem hi sorprendenti: “Ili daż-żmien kollu magħkom u għadek ma għaraftnix, Filippu?  Min ra lili ra lill-Missieri” (Ġw 14,8-9).  Dan ifakkarna fid-dimensjoni tal-formazzjoni kontinwa.  Li tkun taf lil Kristu jseħħ biss permezz ta’ formazzjoni solida mill-bidu, bil-gwida personali ta’ min jagħti formazzjoni; jinvolvi aderenza mal-programmi tad-djoċesijiet, tal-kongregazzjonijiet u tal-istituti tagħkom; jinvolvi studju personali serju sabiex tkunu tistgħu ddawlu lill-fidili afdati f’idejkom biex, fuq kollox, issalvawhom mill-illużjoni perikoluża tas-superstizzjoni.  Madankolllu, il-formazzjoni hi ferm aktar minn hekk. 

Tikkonċerna l-għaqda tal-ħajja interna tagħna, il-kura tagħna nfusna u tad-don ta’ Alla li rċevejna (ara 2 Tim 1:6), billi nirrikorru għal-letteratura, il-mużika, l-isports, l-arti inġenerali, u fuq kollox, it-talb ta’ adorazzjoni u kontemplazzjoni.  B’mod partikolari, fil-mumenti ta’ skoraġġiment u provi, “Kemm hi ħaġa sabiħa li nieqfu quddiem Kurċifiss, jew għarkupptejna f’riġlejn Ġesù Sagramentat, u sempliċement noqogħdu taħt għajnejh!  Kemm ikun ta’ ġid għalina jekk inħalluH jerġa’ jiġi u jmissilna ħajjitna u jibgħatna biex inxerrdu l-ħajja ġdida li hu jagħti!” (Franġisku, Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 264).  Jekk din id-dimensjoni kontemplattiva hi nieqsa, ma jirnexxilniex ngħixu konformi mal-Evanġelju, u lanqas nirriflettu dwar il-qawwa tal-Qawmien.

“Il-bniedem modern”, qal San Pawlu VI, “jisma’ iżjed bil-qalb lix-xhieda milli lill-għalliema, u jekk jisma’ lill-għalliema, dan jagħmlu għaliex huma xhieda” (Eż. App. Evangelii Nuntiandi, 41; cf. Udjenza Ġenerali, 2 ta’ Ottubru, 1974).  Il-fedeltà ta’ Kristu li ħabbna sal-aħħar, hija l-forza vera li tmexxi l-fedeltà tagħna.  Fedeltà li titrawwem mill-għaqda tas-saċerdoti mal-isqof tagħhom u mas-saċerdoti ħuthom, u tal-irġiel u n-nisa konsagrati mas-superjuri tagħhom u bejniethom.  Għeżież ħuti, indukraw i

l-fraternità ta’ bejnietkom bis-sinċerità u t-trasparenza.  Iċċedux  għall-arroganza u l-egoiżmu, tinqatgħux mill-poplu tagħkom, speċjalment il-foqra, u aħarbu mill-privileġġi.  Għall-fedeltà tagħkom – u għalhekk għall-missjoni tagħkom – il-familja tas-saċerdoti jew il-familja reliġjuża hi indispensabbli, u l-istess hi l-familja li twelidtu u trabbejtu fiha.  Il-Knisja għandha stima kbira tal-istituzzjoni tal-familja, u tgħallem li d-dar hija l-post fejn il-membri kollha tagħha jitqaddsu.  Ċertament li għal ħafna minnkom il-benniena tal-vokazzjoni kienet il-famlija li ħaddnet u rawmet it-tnissil tas-sejħa speċjali li rċevejtu.  Għalhekk, nestendi l-gratitudni tiegħi lill-membri tal-familji tagħkom, talli ħadmu, appoġġjaw u ħarsu l-vokazzjoni tagħkom. Fl-istess ħin, inħeġġiġhom biex dejjem jgħinukom tibqgħu fidili lejn l-Evanġejlu u ma tfittxux qligħ personali mis-servizz ekkleżjali tagħkom.  Jalla jweżnukom bit-talb tagħhom u jkunu ta’ ispirazzjoni bil-pariri tajba ta’ missier u ta’ omm, sabiex tkun qaddisin u qatt ma tinsew illi, bħala xbieha ta’ Ġesù, intom qaddejja ta’ kulħadd.

Finalment, il-lealtà tagħkom lejn l-Angola – kif għandu jkun madwar id-dinja kollha -, illum hi marbuta partikolarment mat-tħabbir tal-paċi.  Fl-imgħoddi intom urejtu kuraġġ meta kkundannajtu l-flaġell tal-gwerra.  Dan għamiltuh billi waqaftu mal-poplu li kien qed isofri, billi bnejtu u erġajtu bnejtu u ssuġġerejtu toroq u soluzzjonijiet biex jintemm il-kunflitt bl-armi.  Il-kontribuzzjoni tagħkom hi rikonoxxuta u apprezzata ħafna.  Iżda r-responsabbiltà għadha ma spiċċatx!  Ninkoraġġikom biex tmexxu ‘l quddien sens ġdid ta’ rikonċiljazzjoni billi tedukaw lil kulħadd ħalli japprezza l-paċi u jagħraf il-valur tax-xhieda armonjuża ta’ dawk fost ħutkom, li wara li ġarrbu provi iebsa ħafna, irnexxilhom jaħfru.  Ifirħu magħhom u ċċelebraw il-paċi!

Barra minn hekk, fi kliem San Pawlu VI, tinsewx li “l-iżvilupp hu l-isem il-ġdid tal-paċi” (Enċ. Populorum Progressio, 87).  Għalhekk huwa essenzjali li, waqt li tinterpretaw il-ġrajjiet kurrenti bl-għerf, qatt ma tehdew tikkundannaw l-inġustizzji, toffru soluzzjonijiet skont il-karità Nisranija. Komplu kunu Knisja ġeneruża, ikkoperaw fl-iżvilupp integrali ta’ pajjiżkom.  Għal din ir-raġuni, dak kollu li wettaqtu fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa kien u jibqa’ kruċjali. F’dan is-sens, meta jinqalgħu diffikultajiet, ftakru fix-xhieda erojka tal-fidi mogħtija mill-Angolani – irġiel u nisa, missjunarji mwielda hawn jew li ġew minn barra – li kellhom il-kuraġġ jagħtu ħajjithom għal dan il-poplu u għall-Evanġelju, billi ppreferew il-mewt milli jittradixxu l-ġustizzja, il-verità, il-ħniena, il-karità u l-paċi ta’ Kristu.  Ibda minn kull Ewkaristija, intom ukoll, għeżież ħbieb, intom il-ġisem offrut u d-demm imxerred għall-ħajja u s-salvazzjoni ta’ ħutkom.  Il-Verġni Marija, Mamã Muxima, dejjem tinsab qribkom.  Alla jbierekkom u jagħmel l-impenn u l-missjoni tagħkom dejjem aktar għammiela.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading