Il-Papa Ljun XIV jżur il-ħabs ta’ Bata

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
ŻJARA FI-ĦABS TA’ BATA
TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
Bata
L-Erbgħa, 22 ta’ April, 2026

Għeżież ħuti,

F’xi postijiet jingħad li x-xita hi sinjal tal-barka t’Alla.  Nitolbu biex dan ikun verament il-każ.  Ejjew ukoll ngħixu dal-mument bħala sinjal tal-qrubija t’Alla magħna, Alla li qatt ma jabbandunana.

Smajt kliemkom b’attenzjoni.  Grazzi għas-sinċerità tagħkom u talli wrejtuna li d-dinjità umana u t-tama qatt ma jintiflu anki qalb l-ikbar diffikultajiet.

Illum ninsab hawn biex ngħidilkom ħaġa sempliċi: Alla ma jeskludi lil ħadd minn imħabbtu!  Ilkoll kemm aħna, bl-istejjer tagħna, l-iżbalji u t-tbatijiet, jibqgħu dejjem prezzjużi f’għajnejn Alla.  Dan nistgħu ngħiduh b’ċertezza, għax Ġesù rrivelahulna f’kull laqgħa, f’kull ġest u f’kull kelma.  Meta arrestawh, ikkundannawh, għalkemm bla ħtija, ħabbna sal-aħħar.  B’dan l-att uriena li emmen fil-qawwa tal-imħabba li tista’ tibdel anki l-aktar qlub iebsa.

Waqt dal-vjaġġ, għamilt esperjenza ta’ Guinea Ekwatorjali bħala art għanja fil-kulturi, lingwi u tradizzjonijiet.  Il-familji tagħkom, il-komunitajiet u l-fidi huma sors kbir ta’ qawwa għal dan-nazzjon.  Intom ukoll tiffurmaw parti minn dal-pajjiż.  L-amministrazzjoni tal-ġustizzja għandha l-għan li tipproteġi lis-soċjetà.  Madankollu, biex tkun effettiva, dejjem għandha tippromwovi d-dinjità u l-potenzjal ta’ kull persuna.  Aktar milli tikkastiga, il-ġustizzja vera tfittex li tgħin lill-vittmi, lill-ħatja u l-komunitajiet midruba mill-ħażen, biex jerġgħu jibnu ħajjithom. Mhemmx ġustizzja mingħajr rikonċiljazzjoni.

Fuq kollox nixtieq inkellimkom dwar it-tama u l-bidla. Għalkemm il-ħabs jidher li hu post solitarju u deżolat, kif intqal, jista’ jservi wkoll bħala spazju ta’ riflessjoni, rikonċiljazzjoni u tkabbir personali.  Għandu jsir kull sforz biex sakemm tkunu għadkom fil-ħabs, ikollkom iċ-ċertezza li tingħataw l-opportunità li tistudjaw u taħdmu bid-dinjità.  Il-ħajja mhix definita biss mill-iżbalji ta’ dak li jkun, żbalji li spiss huma riżultat ta’ ċirkostanzi kumplessi u diffiċli.  Dejjem hemm il-possibbiltà li terġa’ tibda, titgħallem u ssir bniedem ġdid.

Ħuti, mintomx waħedkom.  Il-familji tagħkom iħobbukom u qed jistennewkom.  Ħafna nies ‘il barra minn dawn il-ħitan jitolbu għalikom.  Jekk xi wħud minnkom jibżgħu li kulħadd se jabbandunahom, kunu afu li Alla qatt ma jabbandunakom, u li l-Knisja se tkun dejjem maġenbkom.  Aħsbu f’pajjiżkom u fiż-żgħażagħ tal-Guinea Ekwatorjali li għandhom bżonn eżempji ta’ perseveranza, responsabbiltà u fidi.  Kull sforz għar-rikonċiljazzjoni u kull att ta’ tjubija jista’ jkebbes it-tama fl-oħrajn.

Nixtieq ukoll nirringrazzja lil dawk li jaħdmu f’dil-faċilità korrettiva: id-direttur, l-uffiċjali u l-kappillan.  Billi jgħaqqdu s-sigurtà mar-rispett u l-ġentilezza, huma jipprovdu servizz essenzjali li jiżgura l-kundizzjonijiet meħtieġa li jippermettu lill-ħabsin jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà u jerġgħu jibnu ħajjithom.

Għeżież ħuti, Alla qatt ma jehda jaħfer.  Dejjem jiftaħ bieb ġdid għal dawk li jagħrfu l-iżbalji tagħhom u jixtiequ jinbidlu.  Tħallux l-imgħoddi tagħkom jisirqilkom it-tama għall-ġejjieni.  Kull ġurnata tista’ tkun bidu ġdid.

Ejjew nafdaw dan il-vjaġġ lill-Verġni Marija, Omm il-Ħniena. Jalla takkumpanjakom, tfarraġkom u tipproteġi lill-familji tagħkom.  Illum nixtieq niżgurakom mill-qrubija tiegħi u mit-talb tiegħi għalikom u għall-poplu kollu tal-Guinea Ekwatorjali.  Ftakru dejjem li persuna li terġa’ tqum wara li taqa’, tkun aktar b’saħħitha minn qabel. Jalla l-Mulej jagħtikom il-paċi, it-tama u s-saħħa biex tibdew mill-ġdid.

Ħuti, taħt dix-xita, li hi barka minn Alla, ejjew ngħidu t-talba li għallimna Kristu nnifsu: Missierna li inti fis-smewwiet….

U Alla li jista’ kollox iberikkom, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading