Il-Ġimgħa, 26 ta’ Ġunju 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-50 Anniversarju tal-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Fr Gerard Bonello MSSP. St Agata, Rabat.
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
Ħamsin sena ta’ saċerdozju mhumiex biss anniversarju sabiħ. Huma storja twila ta’ fedeltà, ta’ servizz, ta’ għotja, ta’ talb, ta’ sagrifiċċju, ta’ mħabba. Huma storja li fiha naraw mhux biss dak li għamel Fr Gerard Bonello, imma fuq kollox dak li għamel Alla fih, u permezz tiegħu. Għax kull ġublew saċerdotali, qabel xejn, huwa ċelebrazzjoni tal-fedeltà ta’ Alla. Aħna llum qegħdin ngħidu: “Mulej, grazzi li sejjaħt lil Fr Gerard u kkonsagrajtu. Grazzi għax akkumpanjajtu. Grazzi għax sostnejtu. Grazzi għax matul dawn il-ħamsin sena ma tlaqtx lil dan il-qaddej tiegħek”.
Illum, filwaqt li nħarsu lejn il-ħajja u l-ministeru ta’ dan is-saċerdot, naraw quddiemna mixja tassew sabiħa. Insemmi partikolarment 30 sena bħala rettur tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, fejn akkumpanja u fforma tant żgħażagħ; u mbagħad kważi 16-il sena bħala missjunarju l-Pakistan, fejn kompla wkoll il-ħidma tiegħu edukattiva. Żewġ kapitli differenti, imma fil-fond kapitlu wieħed biss: ħajja mogħtija lil Ġesù u lill-Knisja tiegħu bħala saċerdot fis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, ispirat mill-ħeġġa missjunarja ta’ Mons. Ġużeppi Depiro, il-fundatur.
Il-qalba tas-saċerdozju
Fl-Evanġelju, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni l-Missier, hekk ħabbejtkom jien. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15:9). Dawn il-kelmiet jiġbru fihom is-sigriet kollu tas-saċerdozju. Is-saċerdot ma jibdiex mill-ħidmiet tiegħu, mir-responsabbiltajiet tiegħu. Qabel xejn, ġie maħbub minn Ġesù, magħżul minn Ġesù – “mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom” (Ġw 15:16). Magħżul b’imħabba, u msejjaħ biex jgħix f’din l-imħabba.
U forsi llum, wara 50 sena ta’ saċerdozju, l-isbaħ ħaġa li nistgħu ngħidu hi proprju din: Fr Gerard għex ħajtu fl-imħabba ta’ Ġesù, ir-ragħaj tiegħu. Mhux għax dejjem kien kollox faċli. Mhux għax ma kienx hemm piżijiet, sfidi, deċiżjonijiet diffiċli, jew mumenti ta’ prova. Imma għax fil-fond tas-saċerdozju hemm dan: li jibqa’ marbut mal-Mulej, jibqa’ jafda fih, jibqa’ jħalli lilu jmexxih, isostnih u jġeddu.
Il-fedeltà ta’ saċerdot għal ħamsin sena ma tinbeniex fuq l-entużjażmu tal-bidu biss. Tinbena fuq ħafna “iva” żgħar ta’ kuljum. “Iva” ta’ talb. “Iva” ta’ servizz. “Iva” ta’ paċenzja. “Iva” ta’ disponibbiltà. “Iva” ta’ għotja. U din hija l-ġmiel ta’ ġublew bħal dan: ifakkarna li Alla jaf jagħmel affarijiet kbar b’qalb li tibqa’ tgħidlu “iva”. Li timtela bl-imħabba tiegħu, biex bħal Ġesù tgħix l-ikbar imħabba: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu…” (Ġw 15:13). Hi din l-imħabba li mexxiet dejjem lil Fr Gerard, kif hemm fil-kwotazzjoni minn San Ġwann Bosco, fil-bookmark: “I have always worked, studied and exercised my priesthood out of love for them”.
Il-formazzjoni taż-żgħażagħ
Meta nħarsu lejn dawn il-50 sena, hemm kapitlu importanti ħafna: 30 sena bħala rettur tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl. U dan mhux dettall żgħir. Tletin sena jfissru ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ studenti, familji, edukaturi u persuni li għaddew minn idejh, minn kelmtu, mill-preżenza tiegħu, mill-eżempju tiegħu.
Li tkun rettur mhuwiex biss xogħol amministrattiv. Mhuwiex biss li tmexxi istituzzjoni. Huwa ministeru. Huwa vokazzjoni fi ħdan il-vokazzjoni. Għax fl-edukazzjoni Nisranija wieħed ma jkunx qed jittrasmetti biss tagħrif, imma jkun qed jgħin biex jifforma persuni sħaħ: moħħhom, qalbhom, il-kuxjenza tagħhom, il-valuri tagħhom, il-fidi tagħhom.
Kemm żgħażagħ, matul dawk is-snin, sabu fih kelma ta’ gwida! Kemm irċevew minnu direzzjoni, sabu fih xhud ta’ serjetà, ta’ dedikazzjoni. Kemm tgħallmu mingħandu x’jiġifieri tieħu l-ħajja bis-serjetà quddiem Alla, x’jiġifieri sservi lill-oħrajn b’sens ta’ responsabbiltà!
Il-frott mhux dejjem jidher minnufih. Xi drabi wieħed jiżra’ u ma jarax hu stess il-ħsad. Xi kelma li jgħid illum, tagħmel frott snin wara. Xi eżempju li jagħti, jibqa’ mnaqqax fil-qalb ta’ xi żagħżugħ għal ħajtu kollha. Xi ġest ta’ tjubija jew ta’ ħin mogħti lil xi student fil-bżonn, jista’ jkun li biddel it-triq ta’ ħajtu. Dan huwa l-frott sabiħ u moħbi tal-ħajja saċerdotali u reliġjuża.
U llum nistgħu nirringrazzjaw lill-Mulej għal dan il-frott. Forsi aħna ma nafux kemm kien kbir. Imma Alla jaf. Alla jara l-ġid li sar fis-skiet, fil-fedeltà ta’ kuljum.
Il-qalb missjunarja
Imma l-istorja kompliet. Wara dawk it-30 sena ta’ servizz fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Mulej fetaħ kapitlu ieħor: snin ta’ ħajja missjunarja fil-Pakistan, fejn għadu sal-lum, u fejn għaraf ukoll ikompli l-missjoni edukattiva – fil-fatt issa qed imexxi kulleġġ fil-Pakistan, u mexxih ħafna ’l quddiem, u ħoloq għajnuna għal dawk l-istudenti li jridu jmorru l-Università, speċjalment dawk żvantaġġjati. U hawnhekk il-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju jinstema’ b’mod qawwi ħafna: “Ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott” (Ġw 15:16).
“Biex tmorru”. Din hija kelma sabiħa ħafna. Il-missjunarju hu wieħed li jkun lest jitlaq, li joħroġ, li jmur fejn il-Mulej jibagħtu, li ma jagħlaqx il-vokazzjoni tiegħu fil-kumdità jew fil-familjarità.
Li wara snin twal ta’ responsabbiltà bħala rettur, Fr Gerard baqa’ disponibbli biex jagħti lilu nnifsu wkoll fil-missjoni, hija xhieda tassew sabiħa. Turi qalb li ma qaletx: “Issa għamilt biżżejjed”. Imma qalb li baqgħet tisma’ l-vuċi tal-Mulej u twieġbu. Fr Gerard fehem li l-vokazzjoni mhijiex xi ħaġa li wieħed jagħlaqha f’kaxxa wara ċertu żmien, imma hi sejħa li tibqa’ tiġġedded.
Il-ħajja missjunarja tfisser ħafna affarijiet: li tħalli warajk dak li hu familjari, li tadatta ruħek għal realtà ġdida, li tiltaqa’ ma’ nies ġodda, kultura ġdida, li taqdi b’umiltà, li tgħix b’fiduċja akbar fil-providenza ta’ Alla.
U għalhekk illum, meta niftakru f’dawn is-snin ta’ missjoni fil-Pakistan, nistgħu naraw fihom frott ieħor sabiħ ta’ din il-ħajja saċerdotali: qalb li ma kinitx biss kapaċi tmexxi u tifforma, imma wkoll qalb li kienet lesta tintbagħat ’il bogħod.
Sejjaħtilkom ħbieb
Fl-Evanġelju Ġesù jgħid ukoll: “Ma nsejħilkomx iżjed qaddejja… sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15:15). Din hija kelma li tolqot il-qalba. Għax il-qassis, qabel ma hu bniedem ta’ ħidmiet, huwa ħabib ta’ Ġesù. Huwa wieħed li l-Mulej daħħlu fil-familjarità tiegħu, fil-qalb tiegħu, fil-misteru tiegħu. Is-saċerdozju ma jistax ikun biss xogħol; irid ikun relazzjoni. Irid ikun ħbiberija mal-Mulej.
Ġesù jgħid: “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11). Dan huwa wieħed mill-isbaħ rigali li llum nistgħu nitolbu għal Fr Gerard: li filwaqt li nħarsu lura b’ringrazzjament lejn dawn il-50 sena, il-Mulej ikompli jsaħħaħ fih il-ferħ li jkun qrib tiegħu, il-paċi li tiġi mill-ħbiberija miegħu, u l-konsolazzjoni li wieħed iħoss meta jaf li ħajtu ma kienx qed jgħixha għalih innifsu, imma għall-Mulej.
Għax fil-fond, il-ferħ ta’ Fr Gerard ma jiġix mill-ħidmiet importanti li kellu, lanqas mis-suċċessi li kellu – li kienu ħafna. Il-ferħ veru jiġi minn dan: li jaf li l-Mulej sejjaħlu b’ismu, mexa miegħu, u għamel minnu strument tal-imħabba tiegħu.
Talba
Illum nixtieq nagħmel din it-talbu lill-Mulej bi gratitudni:
Mulej Ġesù, nirringrazzjawk għal dawn il-50 sena ta’ saċerdozju ta’ Fr Gerard, għall-ġid li għamilt permezz tiegħu, speċjalment fil-qasam edukattiv u fil-ħidma missjunarja. Nirringrazzjawk għall-fedeltà tiegħu, għall-ġenerożità tiegħu, għall-imħabba li biha qeda lilek u lill-poplu tiegħek. Bl-interċessjoni ta’ Ommna Marija u ta’ San Pawl, u t-talb ta’ Ġużeppi Depiro, ibqa’ bierku, sostnih, ferrħu, u agħmel li l-frott tal-missjoni li fdajtlu jibqa’ jagħti l-ħajja lill-Knisja.
L-aħħar kelma: 47 sena ilu, jien spiċċajt il-Form V fil-Kulleġġ. Dak iż-żmien kellna d-drawwa, uħud minna, li nduru bl-autograph book biex l-għalliema jagħtuna messaġġ u jiffirmaw. Jien għadni ngħożż dak li kitibli Fr Gerard, kwotazzjoni minn San Pawl, u l-ktieb qiegħed miegħi hawn: “I have only sought to know one thing in you, and that Jesus Christ”. Dan kien tliet snin wara li ġie ordnat saċerdot. Fr Gerard, grazzi talli għext dan il-kliem b’mod hekk sabiħ tul il-ħamsin sena ta’ ħajja saċerdotali tiegħek!
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju