KONĊISTORJU STRAORDINARJU
(26-27 TA’ ĠUNJU 2026)
QUDDIESA MAL-KULLEĠĠ TAL-KARDINALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju 2026
Għeżież ħuti,
Inġbarna madwar l-altar tal-Mulej, qrib il-qabar ta’ San Pietru, biex niftħu l-Konċistorju. Ġejna niċċelebraw din l-Ewkaristija minn kull naħa tad-dinja: flimkien mal-ħajja tagħna, ejjew mela noffru lil Alla l-komunitajiet u l-popli li nġorru f’qalbna, kif ukoll il-proġetti u l-esperjenzi pastorali, hienja u ta’ taħbit.

Din il-firxa ta’ sentimenti u ta’ ħsibijiet issa tikkonċentra ruħha hawn: jiġifieri ssib dik il-qalba mdawla, li hi Kristu. Hu stess, fil-persuna tiegħu, idur fuqna u jgħidilna: “Jiena d-dielja vera” (Ġw 15:1). Permezz ta’ Ġesù, il-grazzja u l-verità jnixxu fil-ħajja tagħna (ara Ġw 1:17), u jġedduna minn ġewwa: dawn id-doni divini huma li jagħtu l-ħajja għammiela anki lill-Konċistorju li llum qed inniedu. Huwa l-Vanġelu nnifsu li jħejji l-kundizzjoni biex dan iħalli l-frott: “Ibqgħu fija u jiena nibqa’ fikom” (Ġw 15:4). Minn naħa, l-Imgħallem hekk iwissna li “mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (v. 5), u mill-oħra huwa jrid li d-dixxipli tiegħu jagħmlu “ħafna frott” (v. 8). Iva, ħafna: il-grazzja ta’ Alla f’min jilqagħha ma ġġibx maturazzjoni mqanżħa, imma żvilupp kotran. Fil-fatt, il-Verb etern sar bniedem biex ilkoll “ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10). Mibdija fil-fidi, din il-ħajja tiġi saħansitra msaħħa mill-prova taż-żabra, għax hi kkultivata b’attenzjoni mill-Missier.
Għalhekk, waqt li qed nitolbu lil Alla jagħtina l-qawwa u t-tama, hu sinifikattiv li l-Konċistorju tagħna qed jiltaqa’ lejlet is-Solennità tal-qaddisin Appostli Pietru u Pawlu. Nieqfu flimkien f’din it-tifkira, li tfakkar il-kolonni tal-Knisja Kattolika u Rumana, iż-żewġ missjunarji martri li l-predikazzjoni tagħhom saret ħaġa waħda ma’ ħajjithom, sal-punt li saret parti mill-Iskrittura Mqaddsa.
Aħna u nisimgħu llum kliem San Pawl lill-Korintin, nistgħu ninnutaw il-qbil hieni ma’ dak tal-Vanġelu. Fil-fatt, id-diversi kariżmi, il-ministeri u l-ħidmiet ekkleżjali huma bħal friegħi tad-dielja waħdanija, jiġifieri tal-Mulej wieħed (ara 1 Kor 12:4-6) li jsawwab l-Ispirtu s-Santu fil-Knisja tiegħu. Ma’ din l-għaqda organika jikkorrispondi l-kriterju li jagħmel tajba u bnina dawk is-servizzi ekkleżjali kollha: il-kriterju tal-ġid komuni (ara v. 7).
Għeżież, mill-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna nixtieq nislet xi indikazzjonijiet għad-dixxerniment tagħna matul dawn il-jiem.
Qabelxejn, l-eżempju tal-qaddisin Pietru u Pawlu jinkuraġġina biex naqsmu fil-fidi l-libertà vera. Fil-fatt, proprju r-relazzjoni mal-Mulej Ġesù teħlisna mid-dnub u mill-biża’: waqt li jsejħilna biex nimxu warajh, hu stess jibgħatna fid-dinja bħala suċċessuri tal-Appostli. Li nħabbru l-Vanġelu, niċċelebraw is-Sagramenti u niddedikaw ruħna għall-merħla tal-Mulej iseħħ u jġib il-frott skont kemm nemmnu fih, Ragħaj tajjeb. Il-fidi hi dik il-virtù, li qatt ma għandna neħduha bħala ħaġa ovvja, li tagħti l-ħajja lill-Knisja, biex tikkorrispondi għall-grazzja li titma’ l-friegħi tad-dielja waħda. Il-Knisja ħajja hija l-Knisja li temmen, b’don tal-Ispirtu s-Santu mwassab fi qlubna: din il-Knisja tagħmel ħafna frott. Mela kif il-grazzja divina tiġi qabel il-libertà umana, hekk il-fidi tal-Knisja tiġi qabel tagħna u titlob ix-xhieda bil-ħeġġa. Din il-missjoni għandha lil Kristu bħala bidu u tmiem: bil-kelmiet tas-salmista, “ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu. Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu” (Salm 96:2-3).
It-tieni nett, nitolbu d-don tal-paċi fl-għaqda. Waqt li qed nistiednu lill-popli kollha għall-fidi, li fiha aħna tassew ħielsa, tant tensjonijiet internazzjonali u kunflitti qed ifieru gravament il-familja tal-bnedmin. Madankollu, ma jonqsux, anzi, qed joktru fil-Knisja u fid-dinja inizjattivi u esperjenzi li jsejħu għar-rispett tad-dinjità umana, tal-ġustizzja, tad-dritt, sempliċiment ta’ dak li hu uman. Din hi raġuni ta’ tama, għax turi l-ġmiel tal-opra ta’ Alla, li ħalaqna fuq ix-xbieha u s-sura tiegħu, bħala sinjal tal-glorja tiegħu fid-dinja. Meta dan is-sinjal jiġi miġruħ, ilkoll inħossuna miġruħa. Meta jiġi mħassar, kollha nbatu. Meta jiġi maqtul, kollha nħossuna minfuda. Għalhekk il-gwerra qatt ma hi denja tal-bniedem, u qatt ma hi mbierka minn Alla, għax il-Ħallieq żejjinna b’intelliġenza u rieda biex insolvu l-kunflitti bħala essri umani u mhux bħala bestji, forsi mgħammra b’armi iperteknoloġiċi. L-għaqda tal-familja umana tiġi qabel il-popli u Stati partikulari. Dan ma hux fatt bijoloġiku: huwa prinċipju etiku. Il-paċi hija dmir ta’ ġustizzja għax aħna familja umana waħda, magnifica humanitas li ssib fi Kristu r-Ras u l-Feddej tagħha.
Aħna u nirriflettu fuq l-Enċiklika li ħriġt fil-15 ta’ Mejju li għadda, jeħtieġ nibqgħu għaddejjin bil-mixja li beda San Pawlu VI: meta hu “introduċa l-espressjoni ‘ċiviltà tal-imħabba’, id-dinja kienet immarkata mill-Gwerra l-Bierda, mill-ġirja għall-armamenti u minn żbilanċi ekonomiċi qawwija. F’dak il-kuntest, il-Knisja wriet triq alternattiva għall-oppożizzjoni ideoloġika bejn sistemi, u stħajlet ordni soċjali fejn ġustizzja u karità jkunu nisġa waħda” (Ittra enċiklika Magnifica humanitas, 186; ara San Pawlu VI, Regina cæli, 17 ta’ Mejju 1970). Fil-fatt, huwa b’dan il-mod li x-xhieda Nisranija ssir profezija ta’ dinja ġdida, evanġelizzazzjoni u servizz, proġett kulturali u soċjali li jippromovi b’mod integrali l-iżvilupp uman. Hija u tħabbar il-Vanġelu, qalb ferħ u persekuzzjonijiet, il-Knisja qatt ma xxaqleb lejn naħa jew oħra: hija għal kulħadd, u lil kulħadd tlissen dik il-kelma waħdanija ta’ konverżjoni u ta’ salvazzjoni.
It-tielet nett, ejjew illum u dejjem niggustaw il-fehma waħda fl-ubbidjenza, jiġifieri fis-smigħ li jagħraf id-don tal-Verb, magħmul bniedem għalina. Permezz ta’ dan it-taħriġ, l-Ispirtu s-Santu jorjentana, u hu stess jindika problemi u opportunitajiet pastorali, isaffi l-intenzjonijiet u jikkoreġi dak li jeħodna bogħod mill-mixja komuni. It-twettiq tas-Sinodu, li għalih qed inħabirku, jistieden lil kulħadd biex jimxi fl-għaqda tal-fidi, fil-promozzjoni tal-paċi, fl-ubbidjenza tal-Kelma ħajja, li hu Ġesù. F’dan id-dawl, “il-bidliet kulturali kbar u mgħaġġlin jitolbu minna li nkunu attenti l-ħin kollu biex nippruvaw nesprimu l-veritajiet li kienu minn dejjem f’lingwaġġ li jippermetti l-għarfien ta’ dak li hu permanentament ġdid fihom” (Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 41). Fil-fatt, il-Verb waħdieni, li sar bniedem, jesprimi ruħu fl-ilsna kollha: Kristu li miet u rxoxta hu d-dielja vera, li tagħmel il-frott permezz tal-kulturi kollha li l-Insara jibdlu minn ġewwa. Hekk, waqt li jinxfu l-ideoloġiji tad-dinja, l-Ispirtu s-Santu jwarrad fil-Knisja l-fehma waħda bejn l-aħwa, l-imħabba, il-ħeġġa missjunarja.
Meta naħdmu flimkien, il-kolleġġjalità tagħna tinġabar fis-sinodalità li fiha l-imgħammdin kollha jieħdu sehem, fl-għaqda tal-poplu ta’ Alla. Sinodalità u kolleġġjalità huma fil-fatt xejriet tal-fraternità Nisranija, li torbotna flimkien bħala mgħammdin u bħala isqfijiet. Għalhekk l-għajnuna li tistgħu tagħtuni, fit-tħaddim tal-ministeru Petrin, se ssib fija min jitlob, mhux min jikkmanda. Fil-fatt, l-awtorità tal-primat hi ta’ min jisma’ u hekk biss jiggwida, ta’ min jifhem u hekk biss jgħallem, dejjem fid-dixxipulat tal-Imgħallem wieħed. L-interċessjoni tal-Appostli Pietru u Pawlu sseħibna f’din il-mixja ħerqana.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard