Kitba ta’ Angelo Xuereb
Il-qaddisin kollha kienu pronti biex jagħmlu r-rieda ta’ Alla u għalhekk kienu dejjem lesti biex jinbidlu. Dan japplika b’mod speċjali għall-ħajja ta’ San Pietru u San Pawl.
Il-bidla li minnha qiegħed nitkellem hija mhux meta l-bniedem jidneb, jindem u jmur iqerr. Hemm bidla oħra jiġifieri tal-mentalità jew tal-qalb. Din iseħħ meta l-bniedem ikun qiegħed miexi f’ċerta direzzjoni u mingħalih qiegħed fit-triq it-tajba. Iżda Alla permezz tal-ġrajja jew tnebbieħ jurih li jrid xi ħaġa aħjar minnu. Din mhix faċli għax għaliex wieħed irid jiċħad lilu nnifsu. Sidna Ġesù Kristu jgħidilna: “Min iħobb lil ħajtu, jitlifha, u min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jżommha għal dejjem” (Ġw 12, 25).
San Pietru
Forsi wieħed iġib quddiem għajnejh iċ-ċaħda ta’ Kristu waqt il-passjoni. Għamel dan mhux minħabba l-ħażen tiegħu iżda għax beża’. U kien pront li kkonverta. Dgħufija oħra li dan il-qaddis wera fil-passjoni hija li raqad kemm-il darba fil-ġnien tal-Ġetsemani u hekk naqas. L-Evanġelju ta’ San Mattew jgħidilna: “U ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin u qal lil Pietru: “Hekk ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib; l-ispirtu kollu ħeġġa, imma l-ġisem dgħajjef” (6,41). Sidna Ġesù Kristu stess isemmi li dan kien ġej mid-dgħufija u mhux mill-ħażen.
Iżda l-bidla tal-qalb naraha aktar sseħħ fil-mixja tiegħu biex jaċċetta lil Kristu sofferenti u rxuxtat. Ta’ min jinnota li meta Kristu kien f’Ċesarija ta’ Filippi Kristu staqsa lid-dixxipli min kien. U San Pietru wieġbu: “Int l-Messija” (Mk 8,29). Imbagħad wara din l-istqarrija Ġesù beda jitkellem dwar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Iżda din it-tħabbira xejn ma għoġbitu tant li: “ġibdu u beda jlumu” (Mk 8,32).
Iżda Kristu ċanfru għal dan l-atteġġjament u qallu: “Warrab minn ħdejja, Xitan! Għax int ma tifhimx il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma l-ħwejjeġ tal-bnedmin” (Mk 8,33). Fit-Trasfigurazzjoni Pietru ried jagħmel tliet għarajex fuq it-Tabor, wieħed għal Kristu, l-ieħor għal Mosè u l-ieħor għal Elija. Kien għadu ma fehemx il-passjoni li kellu jgħaddi minnha Kristu. Din ir-reżistenza li Ġesù jbati baqgħet sal-aħħar tant li fil-Ġnien taż-Żebbuġ qata’ l-widna ta’ Malku, li kien qaddej tal-qassis il-kbir.
Iżda minkejja dan kollu San Pietru li fil-mixja tiegħu wara Kristu ma ħariġx diżilluż. Iżda aktar tqawwa fil-fidi tant li nhar Għid il-Ħamsin ħareġ ixandru b’ħeġġa u konvinzjoni kbira.
San Pawl
F’dan il-qaddis ma tantx naraw tlajja’ u nżul peress li kien bniedem determinat ħafna. Iżda f’ħajtu biddel darbtejn id-direzzjoni li fiha kien miexi. L-ewwel darba kienet fit-triq ta’ Damasku meta dehirlu Kristu. Ma nkunux korretti li ngħidu li kien miexi fit-triq il-ħażina. Kien Fariżew ġenwin u dak li kien qiegħed jagħmel kien ġej mill-imħabba għal-liġi ta’ Mosè. Iżda f’daqqa waħda skopra lil Kristu u dan kien ifisser li sar terremot f’ħajtu. Kien umli biżżejjed li jilqa’ din l-istedina u jimxi wara Kristu. Din l-iskoperta ta’ Kristu ġabet tbatija f’ħajtu. Kif qabel kien Fariżew determinat issa sar appostlu lest għal kull tbatija biex ixandru mad-dinja ta’ dak iż-żmien.
Iżda anki wara li sab lil Kristu għadda minn bidla oħra interjuri u l-mod kif iwassal il-Vanġelu. Fl-Atti tal-Appostli nsibu li mar jippriedtka fil-belt ta’ Ateni u mar fl-Areopagu fejn kellem lill-għorrief ta’ dik il-belt b’mod mill-aktar elokwenti. Iżda din il-missjoni sfat b’falliment għax meta semgħu l-qawmien mill-imwiet xi wħud bdew jiddieħku bih u oħrajn qalulu nisimgħuk darba oħra. Xi ftit konverżjonijiet kien hemm ukoll.
Iżda l-Appostlu tal-ġnus tbiegħed minn Atene u mar f’Korintu. Hemmhekk ma tkellemx bi kliem għaref iżda bi Kristu msallab. Dan insibuh fl-Ewwel Ittra lill-Korintin: “Ngħid għalija, meta ġejt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom ix-xhieda ta’ Alla bi kliem għoli jew bil-għerf. Għax ma ridt naf xejn fostkom ħlief Ġesù Kristu u Ġesù Kristu msallab. U ġejt għandkom b’nuqqas ta’ qawwa, b’biża’ u tregħid kbir, u kliemi u xandiri ma kienx bi kliem li jolqot tal-għerf, imma kien bil-wiri tal-ispirtu u l-qawwa, biex il-fidi tagħkom ma tkunx mibnija fuq il-għerf tal-bnedmin, imma fuq il-qawwa ta’ Alla” (2, 1-5).
Jekk San Pietru u San Pawl li kienu Appostli ta’ Kristu kellhom jgħaddu minn trasformazzjoni kemm hemm bżonn li aħna nġarrbuha wkoll! Tkun ħasra li naħsbu li mexjin fit-triq it-tajba jew rassenjati mal-ħajja medjokri tagħna. Inħallu lil Kristu jidħol aktar fil-ġewwieni ta’ qalbna billi nkunu lesti li nikkonvertu bil-mod il-mod.