“AGĦMLU L-QALB, JIENA HU TIBŻGĦUX XEJN … !
Kien żmien meta l-bastimenti kienu jbaħħru minn pajjiż għall-ieħor permezz tal-qlugħ minfuħin bir-riħ. Mela wieħed żagħżugħ, iddeċieda li jsir baħri, rikeb bastiment biex bil-mod il-mod jitgħallem is-sengħa li xtaq jaqbad. Darba minnhom, kien maltemp kbir u l-baħar kien imqalleb sew. Dak inhar waħda mil-lezzjonijiet kienet li jixxabbat ma’ arblu għoli li kien iżomm xi qalgħa importanti. Mela beda tiela’, idejh u saqajh iggranfati mal-arblu. Pero’ ġara li f’nofs triqtu ‘l fuq, għamel żball: ħares ‘l isfel lejn il-baħar imqalleb, beda jagħtih il-mejt u għal ftit ma waqax fuq il-gverta tal-bastiment, imma minn isfel, baħri anzjan, li kien qed isegwieh beda jgħajjat: “Baħri żagħżugħ, ibqa’ ħares lejn is-sema!” Hekk għamel il-baħri żagħżugħ u spiċċa wasal sa fuq nett, sal-quċċata tal-arblu!
Kemm hu personaġġ sabiħ Pietru fil-ġrajja li għadna kemm smajna. Nimmaġinah il-baħri żagħżugħ tar-rakkont li bdejt bih fil-bidu. Ried jimxi fuq l-ilma bħal Ġesu’ u sakemm kien qed iħares lejh, għajnejh fissi fuqu, beda miexi, beda miexi fuq l-ilma iżda meta ħares lejn l-ilma mqalleb taħt saqajh, beża’, qabdu l-mejt u ħabat jegħreq…Aħna kif nidħlu f’dawn iż-żewġ esperjenzi? Ħa nagħmel tliet riflessjonijiet …
L-ewwel riflessjoni. Xi ħaġa sabiħa u ta’ min jixtieqha meta kollox ikun miexi ħarir. Ħa nagħtikom xi eżempji…Ngħidu aħna jkollok tfulija sabiħa, ikollok ġenituri li jħobbuk u jagħmlulek il-qalb, tibda ż-żgħożija tal-ħajja mxebbħa mal-istaġun tar-rebbiegħa b’entużjażmu u mingħajr ħafna problemi, issib xogħol għal qalbek, tiddeċiedi l-istat tal-ħajja: forsi tidba t-triq tal-ħajja saċerdotali kif bdejt jien, forsi tiltaqa’ ma’ partner li tħobbha jew tħobbok u tidħol għal ħajja miżżewġa, jibdew ġejjin it-tfal: l-ewwel tarbija u t-tieni tarbija…Kollox sabiħ, kollox miexi ħarir. Dan huwa l-baħri żagħżugħ iħares ‘il fuq għadu nofs triq. Dan hu Pietru miexi fuq l-ilma bħal Ġesu’.
It-tieni riflessjoni. Imma fil-ħajja dejjem hemm il-pero’ għax kif ngħidu bil-Malti: “Il-ħajja mhix ward u żahar, fiha wkoll ix-xewk u l-għollieq”. Sibt daqsxejn ta’ esperjenza miktuba minn koppja f’rivista Taljana, ta’ min jismagħha. Se naqralkom biss l-ewwel biċċa u l-aħħar parti naqrahielkom bħala konklużjoni. Tgħid hekk din il-koppja: “Konna mexjin ħarir, konna ferħanin, pero’ f’dawn l-aħħar erba’ snin, il-baħar bħal donnu qam għalina. It-tifla ż-żgħira tajritha karozza u se tibqa tiddependi għal kollox mill-oħrajn, u dan għal għomorha kollu. Mitulna l-erba’ ġenituri tagħna. Darba oħra d-dar tagħna ħadet in-nar; aħna ħlisniha ħafif, iżda tlifna kollox…Kemm immiet u maltemp fil-ħajja hux hekk!
Tiltaqa’ ma’ nies li jgħidulek: “It-tifel qabad ma’ kumpanija ħażina, beda jixrob u mess id-droga wkoll u taf int taħlita ta’ xorb u droga x’tagħmel!”
Tiltaqa’ ma’ xi ħadd u jgħidlek: “Messitni marda serja u ma nafx inhiex se neħlisha ħafif!” Bħala saċerdot tiġini kriżi vokazzjonali u nbati ħafna biex noħroġ minnha. Tiltaqa’ ma xi ħadd li jgħidlek: “Iż-żwieġ bejni u bejn il-partner tiegħi qed narah jitfarrak biċċa biċċa. Ma nafx x’se jiġri minna t-tnejn u mit-tfal tagħna! Insomma lista ta’ “immiet” li ma tispiċċa qatt. Dan hu l-baħri li żagħżugħ li jħares ‘l isfel u tah il-mejt. Dan hu Pietru li jħares ‘l isfel lejn il-baħar imqalleb taħt saqajh u ħabat jegħreq.
It-tielet riflessjoni. Kif se nibqgħu telgħin l-arblu bħall-baħri żagħżugħ, jew kif se nerġgħu bħal Pietru niġu fuq saqajna u ma ngħerqux? Soluzzjoni waħda hemm…tħares fiss lejn il-wiċċ ta’ Ġesu’, temmen fih. Dawk li qabel kienu ħasbuh xi fantażma, issa emmnu fih hekk kif tela’ fid-dgħajsa ma’ Pietru għax ir-riħ waqaf u huma nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!” Fil-konkret: temmen f’ Ġesu’ ma jfissirx temmen fih b’moħħok, imma temmen fih għax kellek esperjenza tiegħu, forsi fil-Kelma qawwija tiegħu, forsi fl-Ewkarstija, forsi int u tgħin lill-proxxmu tiegħek fqir u batut. Jista’ jkun li għadni ma ġarrabtx biżżejjed u bis-serjeta’ min hu Ġesu’…ma jimpurtax: il-ħajja li qed jislifni Alla żgur hija biżżejjed biex nagħraf u biex ikolli esperjenza ta’ Ġesu’. Dan billi nikkoopera dejjem mal-grazzji li jibgħatli.
Nispiċċa. Għedtilkom li l-esperjenza ta’ dik il-koppja li semmejtilkom fil-bidu ħa nikkonkludi biha. Ikkonkludiet hekk din il-koppja. “Fil-mumenti diffiċli tal-ħajja, lill-Mulej ħassejnieh qrib tagħna ħafna, xi ħaġa li trid iġġarrabha iktar milli temminha!”