Rerum Ecclesiae. Enċiklika tal-Papa Piju XI

ENĊIKLIKA
RERUM ECCLESIAE
Affarijiet li jolqtu l-Knisja
TAL-QDUSIJA TIEGĦU
PIJU XI


LILL-VENERABBLI ĦUTI PATRIJARKI,
PRIMATI, ARĊISQFIJIET, ISQFIJIET;
U ORDINARJI OĦRA
LI HUMA FI-PAĊI U F’KOMUNJONI MAS-SEDE APPOSTOLIKA:

LI QED TWAQQAF MUŻEW MISSJUNARJI
LI SE JINTRAMA FIL-PALAZZ TAL-LATERAN

Venerabbli Ħuti, saħħa u Barka Appostolika.

Meta wieħed janalizza bir-reqqa l-istorja tal-Knisja, ma jistax ma jinnutax kif, sa mill-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu, l-attenzjoni ewlenija u l-kura tal-Papiet kienet it-tixrid tad-dawl tad-duttrina evanġelika u l-benefiċċju li jinkiseb meta ċ-ċiviltà kristjana titwassal lill-popli “li kienu u għadhom fid-dlam u fid-dell tal-mewt”, bla ma qatt qatgħet qalbha quddiem id-diffikutajiet u l-ostakli li ltaqgħet magħhom jew li kienu ta’ tifxkil. Verament, il-knisja m’għandha ebda għan ieħor ħlief dak li lill-ġeneru uman ddaħlu sehem mill-frott tar-Redenzjoni, billi xxered is-Saltna t’Alla madwar  id-dinja kollha; u l-Vigarju ta’ Ġesù, Prinċep tar-Ragħajja, hu min hu, aktar milli jħossu kuntent jibqa’ biss jiddefendi u jħares lill-merħla afdata f’idejh divinament, jekk ma jkunx irid jonqos minn wieħed mid-dmirijiet ewlenin tiegħu, bl-istess mod għandu biż-żelu kollu jikseb għal Kristu lil min għandu mbiegħed.  Tabilħaqq, f’kull żmien, il-predeċessuri Tagħna, kif inhu magħruf, wettqu b’fedeltà l-mandat divin li jgħallmu u jgħammdu lill-ġnus kollha; u s-saċerdoti mibgħutin minnhom, li mhux ftit minnhom, jew bl-eżempju tal-qdusija straordinarja ta’ ħajjithom inkella għax laqgħu l-martirju, u li huma meqjumin pubblikament mill-Knisja, impenjaw ruħhom, mhux dejjem bl-istess riżultati, biex idawlu bil-fidi l-Ewropa u mbagħad reġjuni li kienu għadhom mhux magħrufa iżda li ftit ftit bdew ikunu skoperti u esplorati. Is-suċċess kien ivarja; għaliex kultant, wara ħafna sforzi u għejja li sfaw kważi fix-xejn, dawn il-Missjunarji nqatlu jew tkeċċew mill-għalqa li kienu bdew jaħartu, u din l-għaqla jew kien jirnexxilha ftit ftit tinbidel mill-qagħda rozza tagħha, inkella, minkejja li tkun sfat mibdula fi ġnien imlewwen bil-fjuri, maż-żmien u mitluqgħa riħħha, ftit ftit reġgħet bdiet timtela bix-xewk u l-għollieq.  Madankollu hu ta’ faraġ naraw kif dawn l-aħħar snin, l-Istituti li jiddedikaw ruħhom għall-missjonijiet qalb l-infidili, irduppjaw ħidmiethom u wkoll il-frott, u min-naħa tagħhom, il-fidili wieġbu b’ġenerożità u għajnuna akbar għall-ħidma aktar sfiqa tal-missjunarji.  Għal dan żgur li kienet ta’ kontribut kbir l-Ittra Appostolika, li l-predeċessur tiegħi, minn idu, indirizza lill-Episkopat nhar it-30 ta’ Novembru, 1919 “dwar il-propagazzjoni tal-fidi kattolika fid-dinja”; għax fiha, filwaqat li l-Papa ħeġġeġ il-perseveranza u ż-żelu biex tinkiseb l-għajnuna, bi kliem meqjus wera lill-Vigarji u lill-Prefetti Appostoliċi x’kien it-tfixkil li kellhom jevitaw u kif kellhom jaħdmu d-dipendenti tagħhom biex il-ħidma tal-appostolat imqaddes tħalli aktar frott.

Min-naħa tagħna, Venerabbli Ħuti, tafu tajjeb li sa mill-bidu tal-Pontifikat kien l-għan tagħna li nagħmlu ħilitna biex b’kull mezz lill-popli pagani niftħulhom l-unika triq tal-ħajja, biex permezz tal-predikaturi appostoliċi, jum wara ieħor, titwasslilhom il-verità evanġelika.  Dwar dan, deherilna li l-ħsieb tagħna għandu jieqaf fuq żewġ punti, it-tnejn favorevoli, meħtieġa u marbutin sfiq flimkien: jiġifieri għadd ferm akbar ta’ operaturi evanġeliċi, iffurmati tajjeb u mogħnijin b’ħafna tagħrif, biex jintbagħtu f’dawn ir-reġjuni enormi li għadhom neqsin mill-kultura nisranija, u mogħnijin b’intelliġenza xierqa dwar id-dmir li lill-fidili tiġborhom f’għaqda ħalli jikkoperaw f’Opra tant qaddisa u għammiela, bl-entużjażmu u l-ħerqa, bit-talb bla heda u bil-ġenerożità.  U mhux dan kien l-għan li għalih ridna li tintrama din l-Wirja Missjunarja fil-Vatikan?  U grazzi għat-tjubija tal-Mulej, bosta qlub żgħażagħ, kif qalulna, hekk kif sabu ruħhom, biex ngħidu hekk, spettaturi tal-grazzja divina u tal-ġenerożità u n-nobbiltà umana, nibtet fihom żerriegħa bikrija tal-vokazzjoni appostolika’; u l-ammirazzjoni għall-operaturi evanġeliċi, li tqanqlet f’bosta viżitaturi, minn issa turina, bir-raġun u tama, li din mhix se tkun inizjattiva fiergħa jew ħawlija mill-frott.  Iżda biex tagħlim tant importanti li l-istess ħwejjeġ tal-missjoni iwasslu, minkejja li fis-skiet, ma jintesiex jew jintilef, ordnajna, kif diġà tafu, li jitwaqqaf mużew li fih jitqiegħdu l-esibiti magħżulin minn fost dawk ewlenin.  Dal-mużew se jitħejja fil-Palazz Tagħna tal-Lateran; jiġifieri f’dak il-post li minnu, wara li nagħtaw il-paċi mill-Knisja mill-predeċesssuri tagħna, intbagħtu tant persuni appostoliċi, ammirevoli għall-qdusija ta’ ħajjithom u ż-żelu għar-reliġjon, lejn l-artijiet li kienu “diġà dehbiena lesti għal-ħsad”.  Hekk, il-missjunarji kollha, assistenti jew mexxejja, li, biex ngħidu hekk, se jżuru l-mużew, huma u jqabblu l-istatistiċi u l-metodi ta’ kull missjoni, isibu ispirazzjoni għal opri aħjar u akbar, kif ukoll nemmnu li l-fidili se jħossu l-istess tqanqil ta’ dawk li faħħru ħafna l-Wirja tal-Vatikan.  Sadattant, biex inkomplu nkebbsu l-ħeġġa li nibtet fil-poplu nisrani lejn il-missjoni, Venerabbli Ħuti, induru lejkom bl-appell tagħna u nitolbu minnkom għajnuna fl-impenn sfiq tagħkom.  Jekk qatt, fi tħabrik ieħor kien konvenjenti u meħtieġ l-impenn tagħkom, id-dinjità tal-uffiċju tagħkom u wkoll l-għożża filjali għalina ma jippermettulkomx li ma turux żelu u perseveranza f’din l-okkażjoni.  Żgur li min-naħa tagħna, sakemm il-Providenza divina żżommna ħajjin, id-dmir li jgħabbina bih l-uffiċċju appostoliku tagħna, se jżommna dejjem lesti, għax billi spiss niftakru li l-għadd tal-pagani jilħaq il-biljun, l-ispirtu tagħna jibqa’ bla mistrieħ (1) u jidhrilna li f’widnejna nisimgħu din l-ordni: “Iftaħ garġik, għajjat u la tiskotx!
Għolli leħnek bħal tromba!” (2).

Mhemm bżonn ebda insistenza biex nuru kemm ikun bogħod mill-virtù tal-karità, li jirrigwarda kemm ‘l Alla kif ukoll il-bnedmin kollha, jekk dawk li jiffurmaw parti mill-maqjel ta’ Kristu ma jiftakrux fl-imsejkna li għadhom jimirħu fil-bogħod.  Ċertament, id-dejn tal-karità li jgħaqqadna ma’ Alla jitlob li mhux biss inżidu l-għadd ta’ dawk li jafuh u jadurawh “fl-ispritu u l-verità” (3), iżda wkoll li ndaħħlu fis-saltna tal-aktar maħbub Redentur tagħna l-akbar għadd possibbli,  sabiex kuljum issir aktar għammiela “l-utilità f’demmu: (4) u aħna nsiru dejjem aktar denji tiegħu, filwaqt li, fuq kollox, skont ir-rieda tiegħu, il-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu għall-għarfien tal-verità (5). 

Ladarba lis-segwaċi tiegħu Ġesù tahom il-karatteristika distintiva li jħobbu lil xulxin (6), forsi aħna nistgħu nuru mal-proxxmu karità akbar u aktar sublimi minn dik li noħorġuhom mid-dlam u ngħallmuhom il-vera fidi ta’ Kristu?  Anzi, dan jisboq kull opra oħra ta’ karità bl-istess mod li r-ruħ hi ta’ preġju akbar mill-ġisem, is-sema mill-art, l-eternità miż-żmien; u kulmin iħaddem din l-opra ta’ karità skont il-ħiliet tiegħu juri li jkun qed japprezza d-don tal-fidi daqskemm hu xieraq li jistmaha, u aktar minn hekk, ikun qed jimmanifesta l-gratitudni tiegħu lejn it-tjubija t’Alla għax idaħħal sehem lill-imskejkna infidili fl-istess don, l-aktar wieħed prezzjuż fost kollha, bil-ġid kollu li hemm marbut miegħu.  Ladarba ebda persuna li temmen ma tista’ taħrab minn dad-dmir, forsi jista’ jaħrab minnu l-kleru, li b’għażla ammirevoli u l-vokazzjoni hu sehem mis-saċerdozju u l-appostolat ta’ Ġesù Kristu, Mulej tagħna?  Tistgħu intom taħarbu minn dan id-dmir, Venerabbli Ħuti, li onorati mill-milja tas-saċerdozju intom divinament maħturin ragħajja, kulħadd skont dmiru, tal-kleru  u tal-poplu nisrani?  Hu żgur li nafu li Ġesù Kristu ordna mhux biss lil Pietru, li Aħna qed nokkupaw il-kattedra tiegħu, imma lill-Appostli kollha li intom is-suċċessuri tagħhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (7). Minn dan jidher ċar li, filwaqt li r-responsabbiltà li nxerrdu l-fidi hija tagħna, intom ukoll għandkom tieħdu sehem magħna f’din il-ħidma u tgħinuna sa fejn jippermetti l-qadi tal-kariga speċifika tagħkom.  Għalhekk, Venerabbli Ħuti, m’għandkomx tiddejqu tilqgħu b’rieda tajba t-twissijiet paterni tagħna, għax tafu li xi darba Alla jitlob minna rendikont strett ta’ ħaġa ta’ importanza kbira bħal din.

Ibda biex, bil-kelma u l-kitba li nġabru biex jintroduċu u ftit ftit iferrxu d-drawwa qaddisa tat-talb “lil Missier il-ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (8), u jimplora l-għajnuna għad-dawl u l-grazzja ċelesti, bir-raġun nitkellmu dwar użanza stabbli u kontinwa, illi, kif kulħadd jista’ josserva, għandha valur u effetti wisq akbar quddiem il-ħniena divina mit-talb li jingħad darba biss inkella xi kultant.  U verament, il-predikaturi tal-Evanġelju jistgħu jinfnew jaħdmu u jxerrdu l-għaraq, jagħtu ħajjithom biex iressqu lill-pagani lejn ir-reliġjon kattolika, jużaw kull mezz, ikunu perseveranti u jużaw kull xorta ta’ mezzi umani, għax dan xejn ma jkun jiswa, kollox jispiċċa fix-xejn, jekk bil-grazzja tiegħu Alla ma jmissx il-qlub tal-infidili biex irattabhom u jiġbidhom lejh.  Issa faċli wieħed jifhem, ladarba kulħadd għandu l-possibbiltà li jitlob, li lkoll għandna f’idejna din l-għajnuna u din l-ispeċi ta’ manteniment tal-missjoni.  Għaldaqstant, b’dan intom tkunu konformi max-xewqat tagħna u man-natura u s-sentimenti tal-fidili, jekk tordnaw li, per eżempju, mar-Rużarju tal-Beata Verġni Marija u talb ieħor simili, li soltu jingħadu fil-parroċċi u fi knejjes oħra, tiżdied xi talba speċjali għall-missjonijiet u għall-konverżjoni tal-pagani lejn il-fidi.  Għal dan il-għan, Venerabbli Ħuti, għandha tintalab il-kollaborazzjoni u l-ħeġġa tat-tfal u tar-reliġjużi. Nixtiequ bil-qawwa li fl-iskejjel infantili, fl-orfanatrofji, fl-iskejjel, fil-kulleġġi taż-żgħażagħ u fid-djar u l-kunventi tar-reliġjużi nisa, kuljum tintrefa’ talba lejn is-sema biex fuq tant persuni infeliċi, fuq tant nazzjoniet kbar, tinżel il-ħniena divina.  Kif qatt jista’ jirrufjuta dan il-Missier ċelesti meta ġej minn erwieħ safja u innoċenti?  Mill-banda l-oħra drawwa bħal din tnissel it-tama li fil-qalb tenera taż-żgħar, imdorrijin jitolbu għas-saħħa tal-infidili malli tibda twarrad l-ewwel fjura tal-karità, bl-għajnuna t’Alla tista’ tinbet fihom ix-xewqa tal-appostolat: nixtieq illi dan ikun ikkultivat bl-attenzjoni biex forsi maż-żmien jagħti ħaddiema tajba għall-ministeru apostoliku.

Hawnhekk se mmiss fuq fuq argument denju, Venerabbli Ħuti, li jixraqlu l-attenzjoni sħiħa tagħkom.  Hu magħruf kif l-aħħar gwerra għamlet ħsara kbira lill-propagazzjoni tal-fidi, filwaqt li l-missjunarji, uħud issejħu lura lejn pajjiżhom, oħrajn tilfu ħajjithom fil-kunflitt imdemmi, oħrajn sfaw imkeċċijin mill-għalqa tal-ħidma tagħhom u kellhom bilfors iħalluha mhux maħduma għal żmien twil; danni u telf li kellhom u għad iridu jkunu msewwijja, mhux biss biex l-affarijiet jerġgħu lura għal li kienu, iżda wkoll biex jimxu ‘l quddiem u jirnexxu.

Minbarra dan, kemm jekk inħarsu lejn l-estensjonijiet bla qies ta’ postijiet li għadhom mhux miftuħin għaċ-ċiviltà nisranija, jew lejn l-għadd enormi ta’ dawk li huma neqsin mill-benefiċċji tar-redenzjoni, jew lejn il-ħtiġijiet u d-diffikultajiet li minħabba fihom il-missjunarji, għax l-għadd tagħhom hu skars, iħossuhom imbarazzati u mrażżnin, hemm bżonn li l-Isqfijiet u l-kattoliċi kollha jistinkaw flimkien biex l-għadd tal-vokazzjonijiet jimmoltiplika.  Għaldaqstant, jekk fid-djoċesijiet tagħkom hemm żgħażagħ jew kjeriċi jew saċedoti li juru sinjal li Alla qed isjeħilhom għal dan l-appostolat sublimi, minflok ma topponuhom b’xi mod, – bl-użu tal-pożizzjoni u l-awtorità tagħkom – appoġġjaw l-inklinazzjonijiet u x-xewqat tagħhom.  Bla dubju jkun dritt tagħkom li teżaminawhom spassjonatament biex taraw jekk humiex ta’ Alla (9), iżda ladarba tkunu konvinti li l-proposta siewja tagħhom tkun nibtet u ssaħħet b’ispirazzjoni minn Alla, lanqas in-nuqqas tal-kleru meħtieġ fid-djoċesi m’għandu jżommkom lura milli tagħtu l-kunsens, għax dawk li hemm fil-kwartieri tagħkom, biex ngħidu hekk, u għandhom aċċess għall-mezzi tas-saħħa spiritwali, huma ferm anqas bogħod mis-salvazzjoni mill-infidili, speċjalment dawk li għadhom jgħixu fi stat selvaġġ u barbaru.  Meta tinqala’ okkażjoni bħal din, għall-imħabba ta’ Kristu u tal-erwieħ, aċċettaw bil-qalb kollha li titilfu lil xi ħadd mill-kleru, għalkemm dejjem hu telf, għax jekk tirrinunzjaw għal xi kollaboratur jew għajnuna fil-ħidma tagħkom, il-Fundatur Divin tal-Knisja żgur li se jikkumpensakom jew billi jxerred grazzji abbundanti fuq id-djoċesi inkella billi jsejjaħ vokazzjoniijiet ġodda għall-ministeru mqaddes.  Madankollu, biex ikun żgur li din il-ħidma tintegra sew mad-dmirijiet l-oħra tal-uffiċċju pastorali, araw li twaqqfu l-Għaqda Missjunarja tal-Kleru fid-djoċesi tiegħek, jew, jekk diġà hija mwaqqfa, ħeġġuha — permezz tal-pariri, it-tħeġġiġ u l-awtorità tagħkom — biex twettaq ħidma dejjem aktar ħajja.  Din l-Għaqda, imwaqqfa providenzjalment madwar tmien snin ilu mill-predeċessur tiegħi, kienet mistagħna b’ħafna indulġenzi u mqiegħda taħt il-ġurisdizzjoni tas-Sagra Kongregazzjoni tal-Propaganda Fide, u dawn l-aħħar snin kompliet tinfirex f’bosta djoċesijiet oħra madwar id-dinja kattolika.  Aħna stess onorajnieha aktar minn darba, b’testimonjanzi ta’ benevolenza pontifiċja.  Is-saċerdoti kollha li jagħmlu parti minnha, kif ukoll l-istudenti tad-dixxiplini sagri — b’mod li jixraq lill-istat tagħhom u fi qbil mal-iskop tal-istituzzjoni — jitolbu huma stess (speċjalment waqt is-Sagrifiċċju Qaddis tal-Quddiesa) u jħeġġu lill-oħrajn biex jitolbu għad-don tal-fidi għall-kotra bla għadd ta’ dawk li ma jemmnux.  Kull meta u kull fejn ikun possibbli, jipprietkaw dwar dan l-appostolat li hemm bżonn jitħeġġeġ fost l-infidili, inkella jaraw li dan is-suġġett jiġi diskuss b’mod produttiv u kollettiv minn żmien għal żmien f’laqgħat apposta; iqassmu fuljetti promozzjonali fost in-nies; u kull meta b’ferħ jilmħu ż-żerriegħa ta’ dan l-appostolat f’xi ħadd, jipprovdu l-mezzi għall-formazzjoni u l-istruzzjoni meħtieġa; b’kull mod possibbli, huma jippromwovu s-Soċjetà għall-Propagazzjoni tal-Fidi — kif ukoll iż-żewġ soċjetajiet anċillari tagħha — fi ħdan il-konfini tad-djoċesi tagħhom.  Intom tafu tajjeb, Venerabbli Ħuti, bil-kontribuzzjonijiet li l-Għaqda Missjunarja tal-Kleru ġabret s’issa biex tgħin proprju f’dawn l-opri, kif ukoll bl-appoġġ, saħansitra akbar, li nistgħu nistennew fil-futur — hekk kif il-ġenerożità tal-fidili tikber minn sena għall-oħra; tabilħaqq, ħafna mill-kleru diġà qed jaqdu rwol ta’ patruni u promoturi fit-territorji rispettivi tagħhom, iżda hi xewqa li ma jibqa’ l-ebda ekkleżjastiku li ma jħossux imħeġġeġ minn dan l-ispirtu ta’ karità.  Tabilħaqq, il-poplu Nisrani għandu jgħin lis-Soċjetà għat-Tixrid tal-Fidi – l-aktar waħda prominenti fost is-soċjetajiet missjunarji kollha – bi spirtu ta’ ġenerożità li jikkorrispondi mal-ħtiġijiet numerużi tal-missjonijiet tal-lum u ta’ dawk li se jinħolqu fil-futur; din hija s-soċjetà li – filwaqt li nagħrfu l-glorja tal-mara devota li waqqafitha u dik tal-belt ta’ Ljone – aħna ttrasferejnieha hawnhekk bi struttura organizzattiva mġedda, u b’hekk effettivament tajnieha ċ-ċittadinanza Rumana.

Il-kobor u l-firxa ta’ dawn il-ħtiġijiet – kif ukoll il-faqar li ġeneralment jikkaratterizza lill-ħabbâra tal-Evanġelju – kienu jidhru ċar mill-istess Wirja tal-Vatikan.  Madankollu, ħafna ma ndunawx b’dan, għax kienu mistagħġba bil-kwantità kbira, bin-novità u bis-sbuħija tal-oġġetti esibiti. Għalhekk, Venerabbli Ħuti, la tistħu u lanqas toqogħdu lura milli ssiru, f’ċertu sens, tallaba għall-imħabba ta’ Kristu u għas-salvazzjoni tal-erwieħ; permezz tal-kitbiet tagħkom u l-elokwenza li toħroġ mill-qalb, ħeġġu lill-fidili tagħkom biex ikattru – bil-ħeġġa u l-ġenerożità tagħhom stess – il-ħsad li jinġabar kull sena mis-Soċjetà għall-Propagazzjoni tal-Fidi, biex hekk isir ferm aktar abbundanti.  Billi ħadd ma jista’ jitqies aktar fil-bżonn u nieqes minn kollox, aktar dgħajjef, bil-ġuħ u bl-għatx, mill-persuna li hi nieqsa mill-għarfien u mill-grazzja ta’ Alla, huwa evidenti għal kulħadd li dawk li juru ħniena ma’ nies tant miżerabbli żgur mhux se jonqsuhom il-ħniena u l-ħlas divin.  Minbarra s-Soċjetà ewlenija għall-Propagazzjoni tal-Fidi, hemm – kif diġà semmejna – tnejn oħra; ladarba s-Sede Appostolika ħadithom taħt il-ħarsien dirett tagħha, il-fidili nsara għandhom jappoġġjawhom u jsostnuhom – bi prijorità fuq ħidmiet oħra b’għanijiet speċifiċi – permezz ta’ offerti mogħtija jew miġbura minn kullimkien: dawn huma s-Soċjetà tas-Santa Infanzia u s-Soċjetà ta’ San Pietru Appostlu.  Kif inhu magħruf, l-għan tal-ewwel waħda hu li tistieden lit-tfal tagħna biex ifaddlu u joffru dawn il-flus speċjalment għar-redenzjoni u l-edukazzjoni kattolika tat-tfal tal-infidili, fil-postijiet fejn soltu dawn jisfaw abbandunati jew maqtulin.  Il-kompitu tagħha huwa li permezz tat-talb u l-ġbir tal-offerti taħdem sabiex żgħażagħ indiġeni magħżula jkunu jistgħu jirċievu taħriġ xieraq fis-seminarji u jingħaqdu mal-Ordnijiet Sagri, u b’hekk dawk tal-istess razza, maż-żmien, ikunu jistgħu jikkonvertu aktar faċilment lejn Kristu jew jissaħħu fil-fidi.

Kif tafu, ftit ilu ħtarna lil Tereża tal-Bambin Ġesù bħala l-patruna ċelesti tas-Soċjetà ta’ San Pietru Appostlu; għax waqt li kienet tgħix il-ħajja klawstrali tagħha hawn fl-art, hija kienet tieħu taħt il-ħarsien tagħha – billi, biex ngħidu hekk, “tadottahom” – diversi missjunarji, u tgħinhom (kif kienet id-drawwa tagħha) permezz tat-talb, permezz ta’ penitenzi korporali volontarji jew preskritti, u fuq kollox billi toffri lill-Għarus Divin l-uġigħ qawwi tal-marda li kienet tbati biha.  U aħna, taħt il-ħarsien tal-Verġni ta’ Lisieux, nistennew bil-ħerqa frott  aktar abbundanti u huwa ta’ sodisfazzjoni kbir għalina li għadd kbir ta’ Isqfijiet għoġobhom isiru soċji perpetwi ta’ din l-Opra, waqt li seminarji u għaqdiet oħra taż-żgħażagħ kattoliċi ħadu l-impenn li jgħinu fl-ispejjez tal-manteniment u l-istruzzjoni ta’ xi kjeriku indiġenu.

Bħalma l-Predeċessur tagħna ta’ memorja hienja, Benedittu XV, irrpkkmanda dawn iż-żewġ Opri – li ​​ġustament jissejħu awżiljarji għal dik ewlenija – lill-kura pastorali tal-Isqfijiet, fl-Ittra Appostolika msemmija, hekk ukoll Aħna bla waqfien nirrakkomandawhom lilkom; għax Aħna fiduċjużi li, bis-saħħa tat-tħeġġiġ tagħkom, il-fidili Nsara qatt mhu se jħallu lilhom infushom jinqabżu fil-ġenerożità minn dawk li mhumiex kattoliċi, li b’tant ġeneorożità u abbundanza jappoġġjaw lil dawk li jxerrdu tagħlim żbaljat.

Iżda issa wasal iż-żmien li nindirizzaw lilkom, Venerabbli Ħuti u Ulied Għeżież, li – wara li għal żmien twil, b’ħidma iebsa u bi prudenza, wettaqtu l-missjoni qaddisa fost il-pagani – ġejtu meqjusa denji li tinħatru f’Vikarjati u Prefetturi b’awtorità appostolika. U qabel xejn, rigward il-progress ġenerali li l-Missjonijiet kisbu f’dawn l-aħħar snin – progress li hu frott tal-karità u d-diliġenza tagħkom – Aħna nifirħu ħafna magħkom u mal-ħabbâra tal-Evanġelju li intom tmexxu u tiggwidaw.  Il-predeċessur tagħna għallimkom –  b’tant għerf u elokwenza li ma setgħux ikunu aħjar x’kienu d-dmirijiet ewlenin li jaqgħu fuqkom u liema nases kellkom tevitaw fil-qadi tagħhom; madankollu, jogħġobna, Venerabbli Ħuti u Ulied Għeżież, li nurukom xinhuma l-ħsibijiet tagħna dwar ċerti punti.

L-ewwel nett, nixtiequ niġbdu l-attenzjoni tagħkom dwar l-importanza li jiġu reklutati nies tal-post fil-kleru; jekk dan ma jsirx b’ħeġġa kbira, nemmnu li l-appostolat tagħkom mhux biss ikun nieqes minn xi ħaġa essenzjali, iżda wkoll – maż-żmien – ixekkel u jdewwem it-twaqqif u l-organizzazzjoni tal-Knisja f’dawk ir-reġjuni.

Nagħrfu u nilqgħu bi pjaċir il-fatt li f’xi postijiet diġà ttieħdu passi biex tiġi indirizzata din il-ħtieġa permezz tat-twaqqif ta’ seminarji; fihom, żgħażagħ tal-post li juru potenzjal tajjeb jirċievu l-istruzzjoni u t-taħriġ xieraq biex jiksbu d-dinjità tas-saċerdozju u jgħallmu l-fidi nisranija lil nieshom stess.  B’dankolllu xorta waħda għandna bogħod ħafna mill-għan li jrid jintlaħaq f’dil-ħaġa.  Intom tiftakru dak li l-predeċessur tagħna Benedittu XV kien ilmenta dwaru: “Sfortunatament, għad hemm reġjuni fejn, minkejja li l-fidi Kattolika nfirxet sekli ilu, il-kleru lokali huwa ta’ kwalità fqira ħafna. Bl-istess mod, hemm ħafna popli li diġà laħqu livell għoli ta’ ċiviltà — u li minnhom ħarġu figuri eminenti f’kull qasam tal-industrija u x-xjenza — iżda li, minkejja li ilhom sekli sħaħ taħt l-influwenza tal-Evanġelju u tal-Knisja, għad ma rnexxielhomx ikollhom isqfijiet minn tagħhom biex imexxuhom, u lanqas qassisin influwenti biżżejjed biex imexxu liċ-ċittadini sħabhom” (10).

Forsi qatt ma ngħata biżżejjed kas tal-mod u l-andament li bihom l-Evanġelju beda jinfirex u kif il-Knisja ta’ Alla bdiet tistabbilixxi ruħha fost il-ġnus. Waqt li ttrattajna dan is-suġġett fil-qosor fl-okkażjoni tal-għeluq uffiċjali tal-Wirja Missjunarja, osservajna li l-eqdem xhieda letterarja tal-antikità Kristjana turi biċ-ċar li l-kleru – maħtur mill-Appostli biex imexxi kull komunità ġdida ta’ fidili – ma kienx jinġieb minn barra, iżda kien jintgħażel mill-popolazzjoni lokali nfisha.  Billi l-Isqof ta’ Ruma fada f’idejkom u f’idejn dawk li jaħdmu magħkom il-ħidma li xxandru l-verità Nisranija lill-popli pagani, m’għandkomx taħsbu li s-saċerdoti indiġeni qegħdin hemm biss biex jassistu lill-missjunarji f’kompiti ta’ inqas importanza jew biex sempliċiment jikkompensaw il-ħidma tagħhom b’xi mod. Għax lejn xiex, ngħidu aħna, għandhom jimmiraw il-Missjonijiet Imqaddsa jekk mhux lejn dan: li l-Knisja ta’ Kristu tiġi stabbilita u tħawwel l-għeruq f’territorji tant vasti?  U x’se jifforma l-Knisja fost il-pagani, jekk mhux l-istess elementi li sawruha hawn fostna – jiġifieri, il-poplu u l-kleru tal-post, flimkien mar-reliġjużi u r-reliġjużi nisa ta’ dak l-istess post? Għalfejn il-kleru lokali għandu jitwaqqaf milli jaħdem fl-għalqa tiegħu stess – jiġifieri, li jieħu ħsieb il-poplu tiegħu? Sabiex isir progress dejjem aktar mgħaġġel biex jintrebħu erwieħ ġodda għal Kristu, ma jkunx ta’ benefiċċju kbir li l-istazzjonijiet tal-missjoni jiġu fdati f’idejn saċerdoti tal-post, ħalli jkunu jistgħu jħarsuhom u jikkultivawhom b’mod aktar effettiv?  Anzi, dawn juru li huma aktar utli minn qatt qabel – u saħansitra aktar milli wieħed jista’ jimmaġina – fit-tixrid dejjem akbar tas-Saltna ta’ Kristu. “Għax is-saċerdot tal-post – biex nużaw kliem il-Predeċessur tagħna stess – ladarba jħaddan l-istess oriġini, temperament, mentalità u aspirazzjonijiet ta’ sħabu l-kompatrijotti, huwa adattat b’mod tal-għaġeb biex inissel il-Fidi fi qlubhom, billi jaf it-toroq tal-persważjoni aħjar minn ħaddieħor. Għalhekk, spiss jiġri li huwa jirnexxilu jasal faċilment f’postijiet fejn il-missjunarju barrani ma jirnexxilux jasal“(11).

Xi ngħidu mbagħad dwar in-nuqqas ta’ għarfien tal-lingwa li minħabba fih il-missjunarji stranġieri jsibu ruħhom f’diffikultà biex jesprimu ħsibijiethom u għalhekk il-qawwa u l-effikaċja tal-predikazzjoni tagħhom tiddgħajjef?  Ma’ dawn jiżdiedu diffikultajiet oħra li għandhom jingħataw importanza xierqa, għalkemm jista’ jidher li improbabbli li jseħħu jew ikun eħfef li jiġu evitati. Ejja nieħdu l-każ li, minħabba gwerra jew avvenimenti politiċi oħra, fit-territorju ta’ missjoni gvern jinbidel b’ieħor u tintalab jew tingħata ordni għat-tkeċċija ta’ missjunarji barranin minn xi pajjiż partikolari; nieħdu l-każ ukoll – ħaġa li ċertament aktar diffiċli li sseħħ – li l-indiġeni jkunu laħqu grad għoli ta’ ċiviltà u għalhekk ikunu waslu għal ċerta maturità ċivili, u jfettlilhom li jridu jsiru indipendenti billi jkeċċu lill-gvernaturi, lis-suldati u lill-missjunarji tan-nazzjon stranġier li jkunu jiddependu minnu, u li dan ma jkunux jistgħu jagħmlu ħlief bil-vjolenza.  X’qerda, nistaqsu, x’diżastru jkun għall-Knisja f’dawk l-artijiet, kieku ma jkunu tteħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni li kienet ikkonvertiet għal Kristu, permezz tat-twaqqif ta’ netwerk ta’ saċerdoti tal-post fit-territorju kollu?  U, minbarra dan – peress li f’dawn il-kundizzjonijiet joqgħod ferm dak li qal Kristu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit” (112) – l-Ewropa nfisha mnejn jiġu l-maġġoranza tal-missjunarji, illum il-ġurnata għandha bżonn il-kleru – u dal-bżonn hu tant akbar meta nqisu kemm hu importanti li bl-għajnuna t’Alla, l-aħwa li nfirdu jitreġġgħu lura lejn l-għaqda mal-Knisja u li dawk li mhumiex kattoliċi jinfdew mill-iżbalji tagħhom u lkoll nafu li għalkemm fil-preżent l-għadd taż-żgħażagħ imsejħin għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża mhux anqas minn qabel, hu ferm anqas l-għadd ta’ dawk li jwieġbu għas-sejħa divina.

Minn dak li għidna s’issa, Venerabbli Ħuti u Għeżież Uliedi, joħroġ kemm hemm ħtieġa li lit-territorji tagħkom tfornuhom b’għadd xieraq ta’ saċerdoti indiġeni li waħedhom ikunu biżżejjed biex iwessgħu l-konfini tas-soċjetà nisranija u biex imexxu l-komunità tal-fidili tan-nazzjon tagħhom, bla ma jkun hemm bżonn tal-kleru minn barra.  U fil-fatt, f’xi nħawi, kif għidna ftit qabel, bdew jinfetħu seminarji għal xi indiġeni li qed jinbnew f’siti fejn il-missjonijiet huma qrib xulxin u jiffurmaw parti mill-istess Ordni jew Kongregazzjoni, fejn il-Vigarji u l-Prefetti Appostoliċi jibgħatu u jżommu a spejjez tagħhom, xi żgħażagħ magħżluin, biex għada pitgħada jsiru saċerdoti lesti għall-ministeru qaddis.  Għalhekk, dak li qed isir ‘l hawn u ‘l hinn, nixtiequ, anzi, nordnaw, illi s-Superjuri kollha tal-Missjonijiet jippruvaw jagħmlu bħalu biex ebda indiġenu li jagħti tama u li juri vokazzjoni vera ma jitħalla bogħod mis-saċerdozju u mill-appostolat.  Żgur li akbar ma jkun l-għadd ta’ dawk li tagħżlu għal dil-formazzjoni – u huwa assolutament neċessaarju li jkunu ħafna – akbar se jkunu l-ispejjez; iżda taqtgħux qalbkom, nafdaw fl-aktar maħbub Redentur tagħna, li l-providenza tiegħu tiżgura li, permezz ta’ ġenerożità akbar mill-Kattoliċi, is-Santa Sede tirċievi l-mezzi biex tgħinkom ferm aħjar fit-twettiq ta’ ħidma ta’ tant fejda.

Jekk kull wieħed minnkom jirnexxilu jikseb l-akbar għadd possibli ta’ kjeriċi indiġeni, għandkom ukoll tistudjaw kif tindirizzawhom u tiffurmawhom fil-qdusija li tixraq lill-grad saċerdotali u lill-ispirtu tal-appostolat flimkien maż-żelu għas-saħħa ta’ ħuthom, biex ikunu lesti saħansitra jagħtu ħajjithom għall-membri tat-tribujiet tagħhom u għan-nazzjon.  Madankollu hu importanti ħafna li fl-istess ħin dawn l-istudenti jingħataw formazzjoni xjentifika, sagra u profana, ċara u metodika profonda, mhux korsijiet ta’ studju mgħaġġel u fuq fuq, imma skont kif soltu jkun serju fl-istudju.  Kunu żguri, fil-fatt, li jekk fis-seminarji tagħkom tħarrġu rġiel li jispikkaw għas-safa ta’ ħajjithom u għall-pjetà – irġiel imħarrġa fil-ministeru u kapaċi ħafna fit-tagħlim tal-liġi divina – tkunu qed tħejju individwi li mhux biss igawdu r-rispett tal-awtoritajiet u tal-istudjużi f’arthom stess, iżda li xi darba jistgħu jinħatru biex imexxu parroċċi u djoċesijiet (li għandhom jitwaqqfu skont ir-rieda ta’ Alla) bi prospetti kbar li jħallu frott tajjeb.  Żgur li jiżbalja kull min iqis lil dawn il-popli indiġeni bħala razza inferjuri u ta’ intelliġenza batuta. Fil-fatt, esperjenza vasta turi li l-popli tar-reġjuni tal-Lvant u tan-Nofsinhar kultant m’huma bl-ebda mod inferjuri għalina, u jistgħu tabilħaqq jikkompetu magħna – u jżommu l-livell tagħhom – f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħeffa tal-moħħ.  Jekk, fil-qalba ta’ artijiet barbari, wieħed isib bnedmin li huma tqal ħafna biex jitgħallmu, dan huwa dovut għall-kundizzjonijiet ta’ ħajjithom; billi għandhom bżonnijiet limitati ħafna, mhumiex imġiegħla jagħmlu użu wiesa mill-intelliġenza tagħhom.  Jekk intom, Venerabbli Ħuti u Għeżież Uliedi, tistgħu tkunu xhieda ta’ dak li għedna, aħna wkoll nistgħu nikkonfermawh, billi għandna quddiem għajnejna l-eżempju ta’ dawk l-istudenti indiġeni li, wara li ġew edukati fil-kulleġġi ta’ Ruma f’kull fergħa tat-tagħlim, mhux biss huma ndaqs bħal sħabhom fil-ħeffa tal-moħħ u fil-kisbiet akkademiċi, iżda spiss saħansitra jissuperawhom.  Barra minn hekk, m’għandkomx tqisu lis-saċerdoti indiġeni qiehom ta’ xi grad inferjuri – u għalhekk jingħataw karigi biss tal-ministeri l-aktar umli – bħallikieku ma kinux imseħbin fl-istess saċerdozju tal-missjunarji tagħkom jew mhumiex sehem mill-istess appostolat; anzi, uruhom preferenza, għax xi darba jkollhom imexxu l-Knejjes imwaqqfa bl-għaraq u t-tbatija tagħkom, kif ukoll il-komunitajiet Kattoliċi tal-futur.  Għaldaqstant m’għandu jkun hemm ebda distinzjoni bejn il-missjunarji Ewropej u dawk indiġeni; għandha titneħħa kull firda u jingħaqdu flimkien fi spirtu ta’ rispett reċiproku u mħabba.  U ladarba, għall-organizzazzjoni tal-Knisja fost il-popli tagħkom, huwa meħtieġ – kif diġà għidna – li ​​jsir użu mill-mezzi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha permezz tal-provvidenza divina, bħala konsegwenza għandkom tqisu t-twaqqif ta’ kongregazzjonijiet reliġjużi lokali – kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa – bħala wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-kariga tagħkom.  Allura forsi mhux ħaġa flokha li s-segwaċi novelli ta’ Kristu jkunu jistgħu jħaddnu l-pariri evanġeliċi, meta jħossuhom mistiedna u mħeġġa minn ispirazzjoni divina għal ħajja aktar perfetta?  Rigward dan, huwa importanti li l-missjunarji u r-reliġjużi li jaħdmu fil-qasam tagħkom ma jħallux l-imħabba lejn il-kongregazzjoni tagħhom tifluwenzahom iżżejjed, għalkemm din tista’ tkun ġusta u leġittima fiha nifisha, iżda pjuttost jagħrfu jħarsu lejn l-affarijiet b’moħħ aktar miftuħ.  Għalhekk, jekk ikun hemm nies tal-post ħerqana biex jingħaqdu ma’ Kongregazzjonijiet stabbiliti, żgur li ma jkunx xieraq li tiskoraġġihom jew iżżommhom lura – dejjem jekk juru li għandhom il-potenzjal li jħaddnu l-ispirtu tal-Ordni u jirnexxilhom jistabbilixxu fergħa f’arthom li la tkun anqas u lanqas differenti mill-Istitut li jkunu għażlu.  Madankollu, irriflettu sew – bla ma tħallu interessi partikolari oħra jinfluwenzawkom – jekk forsi jkunx aktar ta’ vantaġġ li jitwaqqfu Kongregazzjonijiet ġodda aktar idoneji mal-karattru u l-inklinazzjonijiet tan-nies tal-post kif ukoll mal-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjun inkwistjoni.

Lanqas ma’ nistgħu ninjoraw punt ieħor ta’ importanza kbira fit-tixrid tal-Evanġelju: jiġifieri, il-benefiċċju kbir li jiżdied l-għadd tal-katekisti – kemm jekk magħżula mill-Ewropej kif ukoll, u dan hu aħjar, mill-popolazzjoni lokali – biex jassistu lill-missjunarji billi jgħallmu lill-katekumeni u jħejjuhom għall-Magħmudija.  M’hemmx għalfejn ngħidu liema kwalitajiet jeħtieġ ikollhom biex jiġbdu lejn Kristu lil dawk li ma jemmnux, aktar bl-eżempju milli bil-kliem; u intom, Venerabbli Ħuti u Għeżież Uliedi, tridu tkunu sodi fir-rieda tagħkom li tħarrġuhom bl-akbar attenzjoni biex ikunu jafu sew id-duttrina Kattolika u, meta jippreżentawha u jispjegawha, ikunu jafu jadattaw ruħhom għall-ħiliet u l-fehim ta’ dawk li jisimgħuhom, ħidma li titwettaq b’aktar faċilità aktar ma jkunu jifhmu fil-fond in-natura tan-nies indiġeni.  S’issa tkellimna dwar l-għażla u r-reklutaġġ tal-ħaddiema li jerfgħu l-piż magħkom.  Madankollu, rigward dan, fadal proposta waħda li nixtiequ nressqu quddiem iż-żelu tagħkom, proposta li, jekk tiġi implimentata, nemmnu li se tikkontribwixxi bil-kbir biex il-fidi tinfirex b’ħeffa akbar.

Prova ċara tal-istima kbira li għandna għall-ħajja kontemplattiva hi l-Kostituzzjoni Appostolika li biha, sentejn ilu, ikkonfermajna bi pjaċir u bl-awtorità appostolika tagħna r-riforma tar-Regola taċ-Cistercensi, Regola approvata mill-awtorità pontifiċja sa mill-bidu nett tal-Ordni, biex tkun konformi mal-Kodiċi tal-Liġi Kanonika.  Għalhekk, bħalma Aħna stess inħeġġu bil-ħerqa lis-Superjuri Maġġuri ta’ dawn l-Ordnijiet kontemplattivi, hekk ukoll intom tridu tħeġġuhom, b’appell wara l-ieħor, biex idaħħlu u jxerrdu din il-forma axxetika ta’ ħajja kontemplattiva fit-territorji tal-missjoni permezz tat-twaqqif ta’ monasteri; għax dawn il-bnedmin jiksbu mis-sema xita tal-għaġeb ta’ grazzji fuqkom u fuq ħidmietkom.  Lanqas m’hemm għalfejn ikollkom biża’ li dawn il-patrijiet ma jsibux art għammiela fostkom; għax l-abitanti, speċjalment f’ċerti reġjuni, għandhom inklinazzjoni naturali lejn is-solitudni, it-talb u l-kontemplazzjoni, għalkemm il-maġġoranza tagħhom huma pagani. F’dan ir-rigward, infakkru fil-monasteru mwaqqaf fil-Vikarjat Appostoliku ta’ Beijing miċ-Ċisterċensi Riformati ta’ La Trappe; hemmhekk, kważi mitt patri – kważi kollha Ċiniżi – jipprattikaw l-ogħla virtujiet, it-talb bla waqfien, stil ta’ ħajja rigoruż u x-xogħol manwali, jiġbdu l-ħniena tal-Maestà Divina a favur tagħhom u ta’ dawk li ma jemmnux u b’hekk jirbħu lil ieshomn stess għal Kristu permezz tal-qawwa kbira tal-eżempju tagħhom.

Għalhekk jidher ċar li l-eremiti tagħna, filwaqt li jżommu ħaj l-ispirtu tal-Fundatur tagħhom u mingħajr ma jingħataw għall-ħajja attiva, jistgħu f’kull waqt ikunu ta’ benefiċċju kbir għas-suċċess u l-frott tal-Missjonijiet. Jekk is-Superjuri ta’ dawn l-Ordnijiet jilqgħu t-talbiet tagħkom u jwaqqfu djar għall-membri tagħhom fejn bi qbil reċiproku jidhrilhom li jkun l-aħjar, huma jwettqu ħidma ta’ benefiċċju kbir għall-kotra kbira ta’ pagani – ħidma li togħġobna ħafna.

U issa Venerabbli ħuti u Għeżież Uliedi, ngħaddu għal suġġett li jirrigwarda organizzazzjoni aħjar tal-Missjonijiet. Għalkemm il-Predeċessur tagħna kien diġà ta pariri u struzzjonijiet simili dwar din il-materja, Aħna nixtiequ ntennuhom, għax bil-ħaqq nemmnu li huma ta’ benefiċċju kbir għal appostolat aktar għammiel.

Għalhekk, ladarba fil-biċċa l-kbira r-riżultat tal-appostolat Kattoliku fost il-pagani jiddependi minnkom, minnkom neħtieġu organizzazzjoni aħjar; waħda li minn issa ‘l quddiem tiffaċilita t-tixrid tad-duttrina Nisranija u żżid l-għadd ta’ dawk li jiksbu d-dawl permezz tagħha. Għalhekk, ħabirku biex tqassmu lill-missjunarji b’tali mod li ebda parti mit-territorju ma tibqa’ mingħajr predikazzjoni, u l-evanġelizzazzjoni ta’ ebda żona ma titħalla għal aktar tard.  Għalhekk imbuttaw ‘il quddiem gradwalment u ħallu missjunarji f’postijiet ċentrali; madwar dawn, waqqfu ċentri minuri fdati f’idejn mill-inqas katekista wieħed u mgħammra b’kappella, li l-missjunarji jżuru perjodikament f’jiem stabbiliti biex iwettqu l-ħidma pastorali tagħhom.

Ħa jiftakru wkoll il-predikaturi tal-Evanġelju li għandhom jersqu lejn l-indiġeni billi jimitaw il-metodu li uża l-Imgħallem divin meta kien jittratta man-nies. Qabel ma kien jgħallem lill-folol, Hu kien ifejjaq lill-morda: “Fejjaq lill-morda kollha (13); Bosta marru warajh u Hu fejjaqhom ilkoll (14); Ġietu ħniena u fejjaq lill-morda tagħhom” (15). Dan hu wkoll l-ordni li ta lill-Appostli, waqt li tahom is-setgħa: “U f’kull belt li tidħlu… fejqu lill-morda, u għidulhom: Is-Saltna ta’ Alla waslet (16); U huma marru u daru l-irħula jipprietkaw l-Evanġelju u jfejqu (17)”.   Il-missjunarji m’għandhomx jinsew it-tjieba u l-qalb tajba li Ġesù wera maċ-ċkejknin u mat-tfal; u meta d-dixxipli lit-tfal ċanfruhom, Hu ordnalhom biex ma jżommuhomx milli jersqu lejh (18).  F’dan il-punt, huwa xieraq infakkru dak li għidna f’okkażjoni oħra: jiġifieri, li l-missjunarji li jipprietkaw lil dawk li ma jemmnux għnadhom ikunu konxji sew tal-ġid kbir u l-għożża li jikseb — anke f’dawk ir-reġjuni — kull min jieħu ħsieb is-saħħa pubblika, jikkura lill-morda u juri mħabba lejn it-tfal u ż-żgħażagħ; kemm hi kbira l-qawwa tal-karità biex tirbaħ qlub il-bnedmin!

Imma biex nerġgħu lura għall-punt li għadna kif semmejna: filwaqt li huwa xieraq li l-knejjes u l-bini l-ieħor tal-missjoni jkunu spazjużi fil-postijiet fejn intom – Venerabbli Ħuti u Għeżież Uliedi – waqqaftu ċ-ċentru tal-ħidma u r-residenza tagħkom, kif ukoll fiċ-ċentri b’popolazzjoni numeruża, madankollu għandkom tevitaw bini ta’ tempji jew strutturi li jkunu wisq lussużi u li jiswew ħafna – bħallikieku wieħed kien qed jibni katidrali u palazzi episkopali għad-djoċesijiet futuri.  Dan isir meta jkun f’waqtu, u b’vantaġġ akbar. Mhuwiex fatt magħruf li f’ċerti djoċesijiet – stabbiliti kanonikament żmien twil ilu – knejjes u palazzi bħal dawn għadhom kemm inbnew, jew forsi għadhom qed jinbnew bħalissa? 

Bl-istess mod, ma jkunx sew u lanqas utli li tiġbru – u kważi takkumulaw – istituzzjonijiet u ħidmiet iddedikati għall-ġid spiritwali u fiżiku tal-proxxmu f’residenza waħda jew fil-post fejn tgħixu intom stess; għax jekk dawn l-inizjattivi huma ta’ importanza kbira, jeħtieġu l-preżenza tagħkom u dik tal-missjunarji, u tant jssorbu l-attenzjoni tagħkom li jwasslu għal tnaqqis fil-pass – jew saħansitra għal waqfien totali – taż-żjarat li jsiru fil-bqija tat-territorju għat-tixrid tal-Evanġelju.

U ladarba semmejna dawn ix-xogħolijiet – minbarra l-isptarijiet, is-swali għall-kura tal-morda u t-tqassmi tal-mediċini, kif ukoll l-iskejjel elementari li għandkom twaqqfu kullimkien huwa xieraq li, bit-twaqqif ta’ skejjel oħra għaż-żgħażagħ li ma jiddedikawx ruħhom għall-agrikoltura, tiftħu t-triq biex dawn ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom f’livell ogħla, u b’mod partikolari biex jitħarrġu fl-arti u s-snajja.

Hawnhekk ukoll, inħeġġukom biex ma tinjorawx lill-mexxejja lokali u lil uliedhom. Huwa minnu li l-kelma ta’ Alla u dawk li jxandruha jsibu akkoljenza aħjar fost in-nies komuni u umli; huwa minnu wkoll li Ġesù qal dwaru nnifsu: “L-Ispirtu tal-Mulej… bagħatni nxandar l-Evanġelju lill-foqra” (19). Madankollu, filwaqt li rridu nżommu quddiem għajnejna l-kliem ta’ San Pawl – “Jien midjun kemm mal-għorrief u kemm ma’ dawk li mhumiex għorrief” (20) – il-prattika u l-esperjenza juruna li, ladarba l-mexxejja tal-poplu jħaddnu r-reliġjon ta’ Kristu, ikun eħfef li l-klassijiet l-aktar umli jimxu fuq il-passi tagħhom.

Fl-aħħar nett, Venerabbli Ħuti u Għeżież Uliedi – imħeġġin miż-żelu eżemplari li tħaddnu għar-reliġjon u għas-salvazzjoni tal-erwieħ – aċċettaw b’dispożizzjoni u b’qalb lesta li tobdi, rakkomandazzjoni tal-aħħar, u mill-aktar importanti. It-territorji fdati mis-Santa Sede lill-kura ħawtiela tagħkom, biex twasslulhom il-liġi ta’ Kristu, fil-biċċa l-kbira tagħhom huma vasti ħafna.  Għalhekk, jista’ jagħti l-każ li l-għadd ta’ missjunarji li jagħmlu parti mill-Istitut partikolari tagħkom ma jkunx biżżejjed biex ilaħħaq mal-ħtiġijiet. F’każ bħal dan, l-istess kif fid-djoċesijiet stabbiliti l-isqfijiet huma mdorrijin isibu l-għajnuna minn ħaddiema li minn diversi familji reliġjużi (kemm qassisin jew lajċi) u minn sorijiet ta’ kongregazzjonijiet differenti – hekk ukoll, peress li dan hu wieħed mill-aspetti tal-propagazzjoni tal-fidi, l-edukazzjoni taż-żgħażagħ tal-post, u ħidmiet vitali oħra simili, m’għandkomx tibqgħu lura milli tistiednu u tilqgħu bħala kollaboraturi reliġjużi u missjunarji minn Istituti oħra, kemm jekk ikunu qassisin jew jekk membri ta’ kongregazzjonijiet lajċi.   Hu tajjeb li l-ordnijiet reliġjużi jiftaħru kemm bil-missjoni fost il-pagani afdati lilhom u wkoll bil-kisbiet li għamlu s’issa għas-saltna ta’ Kristu; iżda għandhom jiftakru li t-territorji tal-missjoni mhumiex propjetà tagħhom qiesu b’xi dritt esklussiv u perpetwu għax dawn huma afdati f’idejhom bl-approvazzjoni tas-Santa Sede, li allura għandha dritt u dmir tara li dawn ikunu kultivati kif jixraq u kompletament.

Lanqas ma jkun qed jaqdi dmiru l-Isqof ta’ Ruma jekk jillimita ruħu sempliċiment biex jassenja territorji, kbar jew żgħar, lil dan l-Istitut jew l-ieħor; anzi, l-aktar li jgħodd hu li bir-reqqa jara li dawn l-Istituti jibagħtu fir-reġjuni afdati f’idejhom biżżejjed missjunarji li b’effikaċja jkunu jistgħu jlaħħqu max-xogħol u bil-ħila jdawwlu b’mod effettiv lil dawk ir-reġjuni kollha bid-dawl tal-verità.  U ladarba r-Ragħaj divin se jitlob mingħandna kont tal-merħla Tiegħu, Aħna ma noqgħodux nittitubaw, kull meta jidher meħtieġ, jew aktar opportun u ta’ benefiċċju għat-tkabbir tal-Knisja Kattolika – milli nittrasferixxu territorji tal-missjoni minn Istitut għal ieħor, jew naqsmuhom u nkomplu naqsmuhom, u nafdaw Vikarjati u Prefetturi Appostoliċi ġodda lill-kleru indiġenu jew lil Kongregazzjonijiet oħra.

Ma fadal xejn aktar, Venerabbli Ħuti u Għeżież Uliedi, hlief li kull min fid-dinja kattolika jaqsam magħna l-ħerqa u l-ferħ tal-uffiċċju pastorali, jgħin lill-missjonijiet, bil-ħidma u bil-mezzi li ssuġġerejnielkom, sabiex dawn, imqanqlin minn ħeġġa ġdida, fil-ġejjieni jipproduċu ħsad akbar.

Jalla Marija, Sultana tal-Appostli, tħares b’ħarsa ta’ mħabba materna lejn ix-xewqat komuni tagħna; hi li laqgħet fil-qalb tagħha ta’ Omm l-umanità kollha fdata lilha fuq il-Kalvarju, tħobb u tipproteġi bl-istess mod kemm lil dawk li ma jagħrfux li ġew mifdija minn Ġesù Kristu, kif ukoll lil dawk li bil-ferħ jaħsdu l-frott ta’ dik il-Fidwa.

Sadanittant, bħala wegħda ta’ doni mis-sema u b’sinjal tal-benevolenza paterna Tagħna, b’għożża nagħtu l-Barka Appostolika lilkom, Venerabbli Ħuti, lill-kleru tagħkom u lill-poplu tagħkom.

Mogħti minn Ruma, minn San Pietru, illum 28 ta’ Frar, 1926, il-ħames sena tal-Pontifikat tagħna.

PIJU PP. XI

Miġjuba għall-Malti minn Joe Huber


[1II Cor., VII, 5.

[2Isai., LVIII, 1.

[3] Ioan., IV, 24.

[4Ps. 29,10.

[5] I Tim., II, 4.

[6Ioan., XIII, 35; XV, 12.

[7Marc., XVI, 15.

[8Matth., IX, 38.

[9I Ioan., IV, 1.

[10] Ep. Ap. Maximum illud.

[11] Ep. Ap. Maximum illud.

[12Matth., IX, 37; Luc., X, 2.

[13Matth., VIII, 16.

[14Matth., XII, 15.

[15Matth., XIV, 14.

[16Luc., X, 8-9.

[17Luc., IX, 6.

[18Matth., XIX, 13-14.

[19Luc., IV, 18.

[20Rom., I, 14.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading