Tliet riflessjonijiet tal-Isqof George Bugeja OFM ippubblikati fi ktieb
Michael Caruana
Fl-okkażjoni tat-800 mitt sena mill-mewt tal-Qaddis Serafiku Franġisku t’Assisi, is-Santwarju Nazzjonali Madonna Ta’ Pinu ħaseb li jorganizza tliet riflessjonijiet marbuta mal-Pjagi ta’ Kristu u l-Pjagi ta’ San Franġisk. It-tliet riflessjonijiet saru mill-Isqof George Bugeja OFM fit-30 u l-31 ta’ Marzu u fl-1 t’April 2026.

It-tema tal-pjagi ġiet magħżula peress li din is-sena qed jiġi ċċelebrat il-mitt anniversarju mill-mewt ta’ Franġisk Portelli (1926-2026). Lil dan iż-żagħżugħ, magħżul mill-Madonna Ta’ Pinu, twassal messaġġ marbut mad-devozzjoni tal-Pjaga l-Moħbija. Dan il-messaġġ hu attwali peress li s-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu hu post li jilqa’ fi ħdanu diversi nies li jmorru f’riġlejn il-Madonna jġorru pjagi moħbija.
“Ta’ Pinu hu għajn ta’ fejqan u serħan kif jixhdu l-istess pellegrini li f’dan il-post isibu qawwa u paċi li ħafna drabi ma tfissirhomx bil-kliem”, qal Monsinjur Carmelo Refalo, ir-Rettur tas-Santwarju Nazzjonali Madonna ta’ Pinu, fid-daħla tal-ktieb ippubblikat mill-istess Santwarju bit-tliet omeliji tal-Isqof Bugeja.
Il-predikatur tar-riflessjonijiet, l-Isqof Bugeja, minbarra r-rabta speċjali li għandu mas-Santwarju Madonna Ta’ Pinu, hu wkoll iben dehen ta’ missieru San Franġisk, kif jixhdu t-tliet riflessjonijiet miġbura f’dan il-ktieb.
Il-ktieb jista’ jinxtara mis-Santwarju Madonna Ta’ Pinu stess għall-prezz ta’ €6.50.
Wara d-daħla tar-Rettur tas-Santwarju Monsinjur Refalo, fil-ktieb wieħed isib it-tliet riflessjonijiet tal-Isqof Bugeja bis-suġġett “It-tbatija bħala espressjoni tal-imħabba”; “Il-Konverżjoni: It-tbatija ta’ Franġisku magħquda mat-tbatija ta’ Kristu” u “It-tbatija ta’ Franġisku: Mhux jien ngħix, imma Kristu li jgħix fija”.
Dawn it-tliet riflessjonijiet tal-Isqof Bugeja se jkunu ppubblikati fil-qosor fil-ħarġiet li ġejjin tar-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin, rivista ppubblikata kull xehrejn mill-Partrijiet Franġiskani Konventwali.