L-attakk tal-President Amerikan fuq il-Papa Ljun XIV

APPOĠĠ GĦALL-POŻIZZJONI TAL-KNISJA F’MALTA U F’GĦAWDEX

Michael Caruana

Għadha kemm kienet ippubblikata l-aħħar ħarġa tar-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin, pubblikazzjoni ta’ kull xahrejn tal-patrijiet Franġiskani Konventwali.

L-editorjal ta’ din il-ħarġa hu maqsum fi tnejn.

Fl-ewwel parti r-rivista tingħaq ma’ Kattoliċi minn madwar id-dinja u wkoll mat-tħassib tal-Arċisqof Charles Scicluna u tal-Isqof Anton Teuma dwar l-attakk bla rażan u mhux ġustifikat li l-President tal-Istati Uniti għamel fuq il-Papa Ljun XIV meta reġa’ afferma l-pożizzjoni konsistenti tal-Knisja tul iż-żminijiet li “l-gwerra tifred; it-tama tgħaqqad; l-arroganza tgħaffeġ lil ħaddieħor: l-imħabba terfa’; l-idolatrija tgħamina u li Alla ħaj idawwalna”.

Il-Papa wara li nsista li l-Knisja dejjem se tippromwovi l-paċi “anki meta r-rifjut tal-loġika tal-gwerra jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ftehim u għad-disprezz”, appella lill-mexxejja dinjin biex “jisimgħu l-ilħna tat-tfal” li ħajjithom inbidlet b’mod irrevokabbli minħabba l-orrur u l-inumanità ta’ azzjonijiet li “xi adulti ftaħru bihom bi kburija”.

Ir-rivista ssostni bħalma għamlu l-Isqfijet tagħna li f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, hu ta’ importanza kbira li dawn il-prinċipji fundamentali jiġu promossi u difiżi u mhux imxekkla jew imnaqqsa fil-valur tagħhom. U ma nixbgħux aħna wkoll intennu kliem il-Papa li “daqshekk idolatrija tagħna nfusna u tal-flus! Daqshekk esebizzjoni ta’ forza! Biżżejjed gwerra! Il-vera qawwa tidher f’min hu qaddej tal-ħajja. Mill-paċi kulħadd vantaġġi jikseb: individwi, familji u popli. Xejn m’hu mitluf bil-paċi. Kollox jista’ jinitlef bil-gwerra”.

Ir-rivista tħeġġeġ lill-qarrejja biex jitolbu għall-Papa Ljun XIV li f’kull sforz tiegħu b’risq il-paċi fid-dinja li jirriflettu l-missjoni tal-Vanġelu li l-Knisja fid-dmir li twettaq.

Jitlob għal diskussjoni biex jinqata l-element pagan mill-festi

It-tieni parti tal-editotjal ta’  Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin titkellem dwar il-festi tal-parroċċi f’Malta u f’Għawdex u jagħmel numru ta’ mistoqsijiet, fosthom jekk il-festi humiex joffri waqtiet ta’ ferħ u għaqda u jekk humiex ikunu mezz ta’ riflessjoni dwar ħajjet il-patruni tal-parroċċi u kemm qed nifhmu l-imħabba li kellhom għal Alla.

Importanti, itemm l-editorjal, li wara l-istaġun tal-festi nidħlu fina nfusna u nwieġbu bis-sinċerità kollha dawn il-mistoqsijiet. “Mhux biss, iżda ejjew flimkien, kappillani u dawk responsabbli mill-festi interi u esterni niddiskutu l-element pagan li għadna naraw f’xi festi tagħna u nieħdu passi biex dak li qed iwassal għal dan jinqata darba għal dejjem”.

Iċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni

Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin fiha numru ta’ artikli ta’ interess fosthom dwariċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni mwaqqaf u mmexxi mill-partrijiet Franġiskani Konventwali stess; aħbarijiet mill-Provinċja tal-Franġiskani Konventwali; tagħrif dwar il-knisja San Franġisk f’Victoria, Għawdex; tkompli s-sensiela ta’ artikli dwar San Ġużepp ta’ Patri Ray Gatt OP; l-artiklu ta’ Professur Paul Pace dwar il-Kontropressjoni Ambjentali u l-Missjoni Profestika tal-Knisja u l-Opinjoni ta’ Dr Klaus Vella Bardon li għandna niġġieldu l-gideb fil-fatti. Interessanti huma l-artiklu dwar il-pubblikazzjoni fi ktieb ta’ tliet riflessjonijiet li għamel l-Isqof George Bugeja, Franġiskan, dwar il-pjagi ta’ Ġesù u ta’ San Franġisk kif ukoll l-omelija tal-Isqof ta’ Għawdex dwar Dun Mikiel Attard. Żewġ inizjattivi meħuda mis-Santwarju Nazzjojali Madonna Ta’ Pinu.

L-intervista ta’ din il-ħarġa ta’  Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin saret lil Gaetano Abela, is-Superjur  tal-fergha tas-soċjetà tal-MUSEUM, Il-Kooperarturi. Konness mas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija hu l-artiklu ta’ Monsinjur Joseph Bajada dwar San Ġorġ Preca. Fuq kollox interessanti ħafna hu l-artiklu dwar l-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ta’ Raymond Abdilla.

Din ir-rivista tinbiegħ mill-ħwienet Emmaus fil-Belt, Birkirkara u f’Victoria Għawdex għall-prezz ta’ żewġ euro.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading