Diskors waqt Laqgħa mal-Awtoritajiet, mas-Soċjetà Ċivili u l-Korp Diplomatiku

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U
L-KORP DIPLOMATIKU
DISKORS TAL-QDUSIIJA TIEGĦU LJUN XIV

“Palacio Libertad, Centro Cultural Domingo Faustino Sarmiento” 
(Buenos Aires)

Il-Ħadd, 8 ta’ Novembru, 2026

Sur President tar-Repubblika,
distinti Awtoritajiet u membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,

jien hieni ħafna li ninsab f’din l-Art Arġentina llum. Sur President, irroddlok ħajr għall-kliem kordjali li bih indirizzajtni u għall-akkoljenza li permzz tiegħek qed jilqagħni biha dal-poplu. Insellem ukoll lill-membri tal-Korp Diplomatiku u lill-Awtoritajiet l-oħra preżenti, waqt li b’għożża nsellem ukoll lill-Arġentini kollha.

Jien ġejt bħala Suċċessur tal-Appostlu Pietru, u għaldaqstant, bħala Ragħaj. Nixtieq niltaqa’ mal-Knisja f’mixja ta’ din l-Art u nindirizza wkoll lin-nazzjon kollu u lil dawk li ġie afdat f’idejhom il-kompitu li jservuha. Il-Knisja takkumpanja l-ħajja tal-popli permezz tal-missjoni li ġiet fdata f’idejha. Għalhekk, li dawk li għandħom inkarigi pubbliċi tixtieq toffrilhom kelma mnebbħa mill-Evanġelju bl-għan li jitħarsu d-dinjità ta’ kull persuna, l-għaqda u l-ġid komuni.

Iż-żjara tiegħi f’din l-art għandha tifsira partikolari. Għal tnax-il sena l-Knisja universali semgħet il-leħen ta’ Papa Arġentin, li miegħu ġarr, fil-memorja u l-qlub, il-postijiet, il-persuni u l-fidi li rċieva hawn. Illum, li jien is-suċċessur tiegħu fil-minsteru Petrin, f’ċertu sens qed nagħmel il-vjaġġ bil-maqlub u ġejt fil-patrija fejn il-Papa Franġsiku kien beda mixja li aktar tard intisġet ma’ dik tal-Knisja kollha. Li niġi fl-art li fiha kiber ifisser ukoll li nersaq qrib storja ferm aktar wiesa’ magħmula minn ġenerazzjonijiet ta’ rġiel u nisa li qablu u warajh għażlu din l-art bħala patrija u ħallew it-timbru tagħhom fiha.

Uħud twieldu hawn, oħrajn ġew mill-bogħod u hawn sabu darhom, oħrajn jappartjenu għal popli indiġeni li kienu hawn sa minn qabel ma twieled in-nazzjon. Minn dik il-laqgħa bejn oriġini u esperjenzi diversi, maż-żmien issawwar poplu li għaraf jiftaħ il-bibien tiegħu, jagħmel wisa’ lil  min kien qed jasal u, anki fiż-żminijiet diffiċli, jikseb ħila kbira li jerġa’ jqum u jibqa’miexi. Ilkoll taw sehemhom biex jiffurmaw l-Arġentina li llum qed inżur bil-ferħ. Ebda ġenerazzjoni ma tibni l-patrija mix-xejn. Kollox għandu preċedent.

Dan jitwettaq bis-saħħa tal-lingwa u rabtiet li ġew qabel; permezz ta’ istituzzjonijiet imwaqqfin minn ħaddieħor u risq, li tkattru bis-saħħa tal-ħidma ta’ ħafna. L-istorja tħaddan fiha elementi ta’ gratitudni, iżda wkoll tifkiriet ta’ niket. Hu dmir ta’ kull ġenerazzjoni li tiddixxerni dak li jistħoqqlu jibqa’, tiffaċċja l-konsegwenzi inġusti tal-imgħoddi u tkattar il-patrimonju materjali u spiritwali komumi. Il-patrija li llum għandkom f’idejkom, għada se tkun wirt għal ħaddieħor.

Il-kultura toffri xi manifestazzjonijiet mill-aktar karatteristiċi ta’ dan il-wirt, u l-Arġentina għarfet tesprimi ruħha b’leħen li jingħaraf ferm ‘l hinn mill-konfini tagħha: fil-ktieb Martin Fierro ta’ José Hernández; fil-paġni ta’ Jorge Luis Borges u ta’ tant kittieba oħra li għanew il-lingwa spajnola b’aċċenti tar-Rio de la Plata; bit-tango, li nibet  mir-rabta bejn il-kwartieri, il-portijiet u diversi sorsi oħra. L-istess jgħodd għall-mużika u għat-tradizzjonijiet l-oħra, għat-teatru u wkoll għall-ġesti sempliċi tal-ħajja ta’ kuljum, bħalma hu l-mate li bil-kondiviżjoni jibdel pawsa f’okkażjoni ta’ konversazzjoni u viċinanza. Huma espressjonijiet diversi f’memorja kollettiva unika wirt tal-ġenerazzjonijiet imgħoddija u mħolli għall-kreattività ta’ min ġie wara. F’wirt bħal dan hemm imħawla profondament il-fidi nisranija. It-timbru tagħha hu mwaħħad mal-memorja tan-nazzjon u għadu ħaj f’bosta Arġentini li fl-Evanġelju sabu għajn li tagħti sens, tama u fratellanza.

Il-kondiviżjoni ta’ wirt komuni teħtieġ ukoll li nitgħallmu ngħixu flimkien, anki fil-preżenza ta’ opinjonijiet differenti. L-istorja tgħallimna kemm hu ta’ fejda għat-tisħiħ ta’ poplu meta d-differenzi jinbidlu f’okkażjoni ta’ djalogu u laqgħa. Għal dir-raġuni d-demokrazija wkoll hi parti mill-wirt u jeħtieġ tkun imħarsa. L-għażla ta’ min jiggverna permezz tal-elezzjonijiet, is-sehem fil-ħajja pubblika, l-istqarrija ħielsa tal-konvinzjonijiet personali, il-fiduċja fil-liġi u l-għarfien tal-istituzzjonijiet bħala spazju komuni, huma elementi li jissaħħu maż-żmien u li kull ġenerazzjonni għandha sejħa li tħarishom u ssaħħaħhom (cfr San Ġwanni Pawlu II, Enċ. Centesimus annus, 1 ta’ Mejju, 1991, 46).

Id-demokrazija tikkonsolida ruħha wkoll kuljum bil-mod tal-aġir fil-ħajja pubblika: fid-disponibbiltà għas-smigħ, fl-attenzjoni għall-kliem, fit-tfittxija bil-paċenzja għal ftehim u fil-ħila li f’min jaħsibha differenti minna naraw persuna tal-istess nazzjon tagħna li magħha naqsmu destin wieħed. B’hekk tinħoloq il-fiduċja li lis-soċjetà tippermettilha tiffaċċja d-diversitajiet bla ma titlef l-għarfien ta’ dak li jżommha magħquda.

Dawk li għandhom karigi pubbliċi huma mgħobbijin b’kompitu partikolarment impenjattiv. L-awtorità tilħaq l-għola grad tagħha meta titħaddem bħala servizz, meta tagħraf tħares lil hinn mill-immedjat u meta l-ħiliet tagħha tużahom għall-kura ta’ dak  kollu li hu ta’ kulħadd. Min għandu l-awtorità għandu wkoll id-dmir li jġib ruħu bil-prudenza, jaċċetta l-limitazzjonijiet tas-setgħa li ġiet fdata f’idejh u jorjenta d-deċiżjonijiet tiegħu lejn il-ġid tal-komunità kollha kemm hi (cfr San Ġwanni XXIII, Enċ. Pacem in terris, 11 ta’ April, 1963, 53-60).

Il-ġid komuni li għalih hi dedikata l-awtorità għandu jkun jinħass ukoll fil-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum. Il-familja, iċ-ċellula fundamentali tas-soċjetà, f’das-sens tokkupa post essenzjali. Fi ħdanha, kull persuna titgħallem tiskopri li ħajjitha hi marbuta ma’ dik tal-oħrajn u wkoll, li hi responsabbli fil-konfront tagħhom. Il-familja tgħallimna nieħdu ħsieb min hu l-aktar dgħajjef, naħfru, nixxerjaw, nieqfu ma’ min għandu bżonn l-għajnuna; u fiha wkoll bosta rġiel u nisa jirċievu l-ewwel żerriegħa tal-fidi.

Għal dan il-għan waħda mill-kundizzjonijiet fundamentali hi li x-xogħol ikun il-mezz tal-għejxien. Din l-art taf tajjeb il-valur tal-impenn ta’ min jaqla’ ħobżu fl-għelieqi u fil-bliet, fl-uffiċini, fl-iskejjel u fl-isptarijiet; ta’ min jibda’ inizjattivi ġodda u ta’ min kuljum irid isostni l-familja tiegħu. Ix-xogħol jippermetti lil dak li jkun jgħajjex lill-għeżież tiegħu, jiżviluppa l-ħiliet tiegħu u jħossu sehem mill-bini tal-patrija tiegħu (cfr Eż. App. Dilexi te, 4 ta’ Ottubru, 2025, 115). Għalhekk, jeħtieġ li tingħata importanza lil dak kollu li joħloq opportunitajiet ġodda, jistimula l-inizjattiva privata, u jippermetti li t-tkabbir jilħaq anki lil dawk li jiffaċċjaw l-akbar diffikultajiet. Qed naħseb partikolarment f’dawk il-familji tturmentati mill-inċertezza, f’min qed ifittex ix-xogħol, fl-anzjani, li għal snin sħaħ taw kontribut għat-tiswir tas-soċjetà, f’min, minkejja li jaħdem, qed isibha diffiċli jipprovdi għall-ħtiġijiet tal-familja tiegħu. L-ekonomija għanhda tkun ta’ servizz għall-persuna u mhux il-persuna ta’ servizz għall-ekonomija.

Fl-Arġentina bosta huma r-riżorsi umani. Biex din ir-rikkezza tagħti frott għal kulħadd hemm bżonn tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ. Mill-opportunitajiet li għandhom illum jiddependu fil-biċċa l-kbira l-possibiltajiet tagħhom li jwettqu l-proġetti ta’ ħajjithom f’pajjiżhom. In-nazzjon għandu jagħrbel lilu nnifsu b’mod serju biex jara fejn żbalja meta ż-żgħażagħ tiegħu qed ikollhom bilfors jitilqu mill-pajjiż biex iwettqu l-ħolm tagħhom.

Biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ħalli bil-libertà jwettqu l-proġetti tagħhom fl-Arġentina, hemm bżonn tisħiħ partikolarment fl-edukazzjoni, fil-formazzjoni professjonali, universitarja u fir-riċerka. Tul l-istorja tiegħu, dan in-nazzjon ipprova jestendi l-edukazzjoni lejn setturi dejjem aktar wiesa’ tas-soċjetà. Bis-saħħa ta’ dan l-impenn ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Arġentini rnexxilhom jirfinaw il-ħiliet tagħhom u jagħtu sehemhom fl-iżvilupp tal-pajjiż permezz ta’ varjetà ta’ mestjieri u professjonijiet. Il-preservazzjoni u t-tisħiħ ta’ dil-vokazzjoni edukattiva titlob li liż-żgħażagħ noffrulhom formazzjoni li tippermettilhom jiskopru t-talenti tagħhom, jiżviluppawhom u jqegħduhom għas-servizz tal-oħrajn (cfr San Pawlu VI, Enċ. Populorum progressio, 26 ta’ Marzu, 1967, 14-15). Dan jitlob li nqiegħdu l-fiduċja tagħna fihom, napprezzaw il-ħiliet tagħhom u noħolqu spazji li fihom huma jkunu jistgħu iwasslu l-ideat tagħhom u jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom. In-nazzjon jeħtieġ minn issa, l-intelliġenza tagħhom, il-kreattività u l-parteċipazzjoni tagħhom.

Dax-xenarju jqanqal mistoqsija oħra: fid-deċiżjonijiet tagħna x’post għandhom dawk li għad iridu jitwieldu? Qabel ma nsaqsu liema dinja rridu nħallulhom, hemm bżonn nagħtu għarfien sħiħ lid-dinjità tagħhom. Ir-responsabbiltà tagħna lejn il-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu tibda billi nilqgħu l-ħajja sa mill-ewwel waqtiet tagħha u nħarsuha sat-tmiem naturali (cfr San Ġwanni Pawlu II, Enċ. Evangelium vitae, 25 ta’ Marzu, 1995, 101). Id-dinjità, minnha nfisha titlob attenzjoni partikolari fil-każ tal-mard, dipendenza u diżabbiltà. F’dawn il-każi wkoll hu dmir tagħna li nieħdu ħsiebom, intaffulhom it-tbatijiet, nakkumpanjawhom u ngħinu lil kull persuna tħoss li ħajjitha dejjem għanda valur li ebda ċirkustanza ma tista’ tnaqqsu.

Dir-reponsabbiltà lejn il-ġeneru uman torbot ukoll mal-kura tal-art. L-Arġentina hi mbierka minn Alla b’għana naturali straordinarju. L-għelieqi tagħha, ir-riżervi tal-ilma, l-għejjun tal-enerġija, il-minerali u d-diversità tal-ekosistemi tagħha joffru possibbiltajiet kbar ta’ żvilupp. Ekoloġija awtentikament umana tagħraf tgħaqqad il-kura tal-ħolqien ma’ dik tal-bnedmin, u tara li l-isfruttament ta’ dawn ir-riżorsi jkun kontribut lejn il-ġid tal-komunità u jippreserva l-kundizzjonijiet li jkunu ta’ fejda għall-ħajja u għax-xogħol fit-territorji tagħhom (cfr Benedittu XVI, Enċ. Caritas in veritate, 29 ta’ Ġunju, 2009, 51).

Min-naħa tiegħu, il-progress mgħaġġel tat-teknoloġija, joffri possibbiltajiet li sa ftit snin ilu ftit li xejn konna nimmaġinawhom. Għalhekk, iqumu mistoqsijiet li għandhom effetti kbar speċjalment rigward l-intelliġenza artifiċjali. Il-mediċina, l-istruzzjoni, il-produzzjoni, ir-riċerka, illum għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom strumenti li kapaċi jittrasformaw mill-qigħ il-ħajja umana. Dal-progress jeħtieġ li jieħu in kunsiderazzjoni l-użu tagħhom u r-responsabbiltà ta’ min jiddeċiedi kif jużahom. L-iżvilupp teknoloġiku jeħtieġ kuxjenza etika pari passu mal-isfidi li joffri (cfr Franġiku, Eżort, app. Laudate Deum, 4 ta’ Ottubru, 2023, 21-24.

Bosta minn dawn l-isfidi jmorru ‘l hinn mill-konfini ta’ stat singlu. Ix-xmajjar il-kbar jgħaqqdu flimkien bosta territorji; l-ekosistemi jgħaddu minn pajjiż għal ieħor; l-enerġija, l-ikel, l-għarfien u l-movimenti tal-persuni joħolqu rabtiet li jmorru ‘l hinn mill-konfini. Bħala konsegwenza, il-ġejjieni tal-Arġentina jitlob minnha li tagħti kas tal-popli li magħhom taqsam dal-kontinent. L-Amerika t’isfel hi mogħnija b’rikkezzi umani u naturali kbar u l-popli tagħha huma marbutin flimkien b’rabtiet storiċi u tradizzjonijiet kuturali li joffru possibbiltajiet kbar ta’ koperazzjoni. L-Arġentina tista’ tagħti sehemha f’dan bis-saħħa tal-esperjenza u l-kapaċitajiet tagħha. It-tisħiħ tal-ispazji għall-inkontru u l-kollaborazzjoni hu mezz biex b’mod kollettiv jiġu indirizzati responsabbiltajiet li l-ebda pajjiż ma jista’ jiffaċċja waħdu.

Dil-koperazzjoni hi daqstant ieħor meħtieġa quddiem theddid gravi. Il-kriminalità organizzata, ix-xbieki tan-negozju tal-persuni umani, it-traffiku tal-armi u d-droga, u daqstant ieħor il-korruzzjoni, jimminaw il-konvivenza, ikebbsu l-vjolenza u huma serq ta’ riżorsi neċessarji għall-ġid komuni. Quddiem dir-realtà, azzjoni koordinata bejn l-Istati flimkien ma’ istituzzjonijiet solidi, huma indispensabbli. Dis-solidità tiddependi wkoll mill-integrità personali ta’ min ġiet afdata f’idejh ir-responsabbiltà li jiggverna, għax il-korruzzjoni tnawwar il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħhom (cfr San Ġwanni Pawlu II, Eżort. App. Ecclesia in America, 22 ta’ Jannar, 1999, 23 u 60).

Dan l-impenn komuni jsib waħda mill-għola espressjonijiet tiegħu fis-servizz għall-paċi. L-interessi leġittimi ta’ kull nazzjon għandhom jitħarsu bid-djalogu, bir-rispett tad-dritt u tfittxija bla heda għall-ftehim. Fil-mumenti diffiċli tal-istorja, l-Amerika t’Isfel dejjem għarfet issib toroq ta’ nogozjar u ftehim biex tegħleb tensjonijiet gravi. L-Arġentina għandha sejħa biex iżżomm ħajja din ir-rieda għad-djalogu u biex tkun ta’ kontribut sabiex dan ikompli jħalli l-frott.

Il-Knisja wkoll tixtieq tikkopera f’dir-responsabbiltà komuni. Il-preżenza tagħha fl-Arġentina hi parti minn storja li tinfirex mal-Amerika kollha. Għal sekli sħaħ akkumpanjat il-popli tal-kontinet bit-tħabbir tal-Evanġelju u ċ-ċelebrazzjoni tal-fidi, edukat, għenet lill-morda, waqfet mal-foqra, segwiet familji u ħadmet għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

Dil-missjoni titnissel mill-imħabba ta’ Kristu, li xerred demmu għal kulħadd, u qed tkompli fil-parroċċi u l-komunitajiet, li għandhom sejħa jżommu l-bibien tagħhom miftuħa ħalli kull persuna tkun tista’ ssib fihom akkoljenza u qrubija. Il-kliem “Merħba bikom ilkoll” (cfr Mt 22,9-10) jiġbru fihom l-istedina universali tal-Evanġelju li jilħaq lil kull persuna u jistedinha għal-laqgħa ma’ Kristu u għall-konverżjoni. Minn din l-akkoljenza toħroġ ukoll il-missjoni: “Morru u xandru” (cfr Mk 16,15). Dal-mandat għadu jagħti frott fl-iskejjel u l-universitajiet, fl-inizjattivi soċjali u fit-tesimonjanza ta’ kuljum ta’ rġiel u nisa li jqiegħdu l-fidi tagħhom għas-servizz tal-oħrajn.

Hemm ħwejjeġ ta’ fejda u ħtieġa għas-soċjetà li ebda politika pubblika ma tista’ tipproduċihom waħedha. Il-fiduċja, il-maħfra, id-disponibbiltà għas-servizz u l-għarfien li l-ħajja fiha sens li jisboq is-suċċess u l-utilità: dawn kollha jiġu kultivati fil-kuxjenza personali u fil-ħajja tal-familja u tal-komunitajiet. Il-fidi żżoqq u sostni dan il-ġid. Għal dir-raġuni l-Knisja għandha xewqa li tibqa’ qrib in-nazzjon Arġentin, tgħix il-karità, taqsam miegħu il-piżijiet u l-ferħat waqt li toffrilu t-tama li tiġi mill-Evanġelju.

Aħna u niftakru fil-mixja ta’ dan-nazzjon, tiġi f’moħħna l-immaġni li akkumpanjat id-diskors tagħna: kull ġenerazzjoni tirċievi patrija li ħaddieħor ikun ħalla f’idejha. Għal xi żmien ikun dmir tagħha tgħammar fiha, isserviha u tkabbarha. Imbagħad ikollha ttiha li ta’ warajha (cfr Franġisku, Enċ. Laudato si’, 24 ta’ Mejju, 2015, 159). Iva, kif kien ikanta Gradel, il-ħajja hi żiffa, iżda l-ġid li kull ġenereazzjoni tagħraf tħares u tittrażmetti, jibqa’. U l-fidi tistedinna nħarsu aktar ‘l hinn, lejn l-hena etern li Alla qed isejħilna għaliha.

Għeżież Arġentini, illum parti importanti minn din ir-responsabbiltà taqa’ fuq spallejkom. Il-patrimonju straordinarju tagħkom jippermettilkom tħarsu lejn il-ġejjieni bil-fiduċja. Imiss lilkom tagħmlu l-frott minn dak li rċevejtu u żżommu ħajja l-mira li “tibnu l-għaqda nazzjonali”, mistqarra fi-Preambolu tal-Kostituzzjoni tagħkom. Jalla min jiġi warajkom jirċievi patrija magħquda, li tixraq lill-istorja tagħha u l-possibbiltajiet li tħaddan fiha.

L-aħħar ħsieb tiegħi imur lejn Nuestra Señora de Luján, kustodju silenzjuża tal-memorja. Quddiem ix-xbieha tagħha, generazzjoni wara oħra ġiet iżżurha, ommijiet, missirijiet, ħaddiema, żgħażagħ u anzjani minn kull rokna tal-pajjiż, li kollha ġabu magħhom il-preokkupazzjonijiet u t-tamiet ta’ żmienhom. Ma’ dak it-talb illum nixtieq inżid tiegħi. U rrid nagħmel dan bil-kliem li uża l-Papa Franġisku hu u jiftakar fikom: “Jalla l-Mulej jgħinkom tikbru bħala poplu” (Messaġġ bl-vidjow lill-poplu Arġentin, 30 ta’ Settembru, 2016). Minn qalbi dan nitlob lill-Mulej bl-interċessjoni ta’ Marija Santissma ta’ Luján. Jalla hi tkompli tishar fuq din l-Art, tieħu ħsieb kull wieħed u waħda minn uiedha u żżommhom dejjem qrib Ġesù.

Alla jbierek l-Arġentina u l-abitanti tagħha kollha. Grazzi ħafna.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?