VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ
6-17 ta’ Novembru 2026
RIT TAL-INKURUNAZZJONI TAL-VERĠNI IMMAKULATA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Katidral ta’ Santa Marija (Chiclayo)
Is-Sibt 14 ta’ Novembru 2026
Omelija tal-Papa
Għeżież ħuti,
B’qalbi mimlija ferħ nirringrazzja lil Alla li llum ninsab hawn magħkom, niċċelebraw flimkien il-fidi tagħna, kif għamilna trant drabi f’dan il-katidral, li kien xhud tal-ewwel passi tal-ministeru episkopali tiegħi għas-servizz ta’ din id-Djoċesi ta’ Chiclayo. B’sentimenti ta’ gratitudni għas-snin li fihom il-Mulej tana li nimxu flimkien, issa qed inħejji ruħi bħala Suċċessur ta’ Pietru biex ninkuruna x-xbieha wisq sabiħa tal-Verġni Marija Immakulata. Dan il-ġest għandu tifsira speċjali, għax il-kuruna li se nqiegħed fuq ir-ras ta’ Sidtna Marija trid tissimbolizza l-omaġġ ta’ gratitudni u mħabba filjali li qed jagħmlilha l-Papa, flimkien magħkom u mal-Knisja kollha, huwa u jilmaħ fiha l-Omm attenta u ħarriesa ta’ Chiclayo, mgħollija minn Alla bħala Sultana tas-Sema u tal-art.
Kif smajna fil-qari ta’ Iżaija, illum ukoll id-dlamijiet qed ikomplu jonsbuna u donnhom qed idawruna kompletament. Inħossuna mhedda mill-inċertezza tal-vjolenza mifruxa, tat-tbatija bla tarf li tkompli tolqot lil tant aħwa. Minkejja din id-dalma, li spiss iċċajpar it-tama tagħna u ddgħajjef il-fiduċja tagħna, id-don ta’ Alla jissokta jilma quddiem għajnejna: “tweldilna tifel, ingħatalna iben” (Iż 9:5). Din it-Tarbija hi Ġesù Kristu, Bin Alla u Bin Marija. Iva, tarbija li ma għandhiex x’jiddefendiha hija t-tweġiba li Alla jagħti lill-umanità mgħaddsa qalb id-dlamijiet, imma mixtieqa għall-għaqda u r-rikonċiljazzjoni. Hu biss huwa d-dawl li jdawwal l-irkejjen l-aktar moħbija tal-ħajja umana; l-uniku dawl li jista’ jsalvana mid-dnub u jneħħi l-konsegwenzi qerrieda tiegħu fil-ħajja personali u komunitarja tagħna. Hu jiżvelalna dak li aħna tassew: ulied Alla, mistiedna nieħdu sehem fil-ferħ tas-salvazzjoni tiegħu, fil-ferħ li nafu li aħna aħwa.
Bir-raġun aħna nsejħu lill-Verġni Immakulata bħala “kawża tal-ferħ tagħna” għax grazzi għall-“iva” li biha wieġbet għat-tħabbira tal-Anġlu (ara Lq 1:38), Alla, magħmul bniedem, jidħol fl-istorja tad-dinja tagħna u, waqt li jġedded kollox bl-ubbidjenza lill-Missier (ara Apok 21:5), isalvana mit-traġedja tad-dnub u jurina d-destin tal-ħajja ta’ dejjem li għalih kull bniedem hu msejjaħ.
Għeżież tiegħi wlied din l-art maħbuba ta’ Chiclayo: id-devozzjoni lejn il-Verġni Immakulata tagħmel parti mill-għeruq Insara li jsawru l-identità tagħkom u jsaħħu l-fidi tagħkom. L-Omm ta’ Alla, b’għożża u mħabba, sieħbet għal ġenerazzjonijiet sħaħ lil dan il-poplu, u tissokta tagħmel dan. Għalhekk, aħna u nafdaw fl-interċessjoni u l-ħarsien tagħha, nistedinkom tkomplu timxu lkoll flimkien, bħala familja waħda ta’ Alla. Familja li tixtieq dinja li tingħaraf mill-imħabba u l-ħniena, mill-maħfra u mit-tiftix tal-ġustizzja. Familja ċerta li Marija Santissima turina dejjem il-mixja żgura li twassalna għand Ġesù, li hu għajn ta’ ħajja bil-kotra u verità, li joffrilna dejjem opportunitajiet ġodda.
Lejk, Omm Immakulata tagħna, illum indawwar ħarsti u qalbi bi mħabba ta’ iben. Fi ħdanek tgħallimt kif inkun ragħaj ta’ Chiclayo. Int akkumpanjajtni fl-irħula u l-ibliet tiegħu, għallimtni niltaqa’ man-nies tiegħu u nkun attent għall-bżonnijiet tagħhom, kif għamilt int fit-Tieġ ta’ Kana. Lill-Qalb Immakulata tiegħek jiena nafda llum ħajti u l-ministeru tiegħi bħala Suċċessur ta’ Pietru. Nitolbok ukoll tieħu ħsieb u tħares lill-Poplu ta’ Alla pellegrin f’dawn l-artijiet u tmexxih dejjem lejn Ibnek Ġesù Kristu.
Għeżież ħuti, qabel ma nagħlqu, u sa ma nerġgħu niltaqgħu, nixtieq li ningħaqdu u naqsmu flimkien din it-talba lill-Omm tagħna tas-Sema:
Santa Marija, mimlija bil-preżenza ta’ Alla,
li matul ħajtek fuq din l-art obdejt umilment
ir-rieda tal-Missier u tajtna eżempju ta’ sempliċità,
nitolbuk tkompli timxi magħna,
u li l-qalb tiegħek ta’ omm tiksbilna mingħand Ibnek Ġesù Kristu
d-don li nisimgħu bil-ħlewwa lill-Ispirtu s-Santu,
biex inħejju qalbna, bl-għajnuna tal-grazzja tiegħu,
biex nimxu warajh b’fedeltà,
u nkunu bennejja tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni,
qaddejja tas-Saltna ta’ Alla u ta’ ħutna. Ammen.
