Diskors waqt Laqgħa mad-Dinja tal-Edukazzjoni fl-Università Cattolica dell’Uruguay (Montevideo)

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ
6-17 ta’ Novembru, 2026

LAQGĦA MAD-DINJA TAL-EDUKAZZJONI
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Università Cattolica dell’Uruguay (Montevideo)
Is-Sibt, 7 ta’ Novembru, 2026

Għeżież ħuti,

inħossni hieni ħafna li nista’ ningħaqad magħkom, intom, li fuq l-eżempju ta’ Ġesù, Mgħallem Divin, tiddedikaw ħajjitkom għas-servizz tal-edukazzjoni. Insellem lill-Kardinal Sturla SDB, Gran Kanċillier ta’ din l-Università Kattolika. Insellem lill-Isqfijiet, lir-Rettur, Padre Julio Fernandez Techera S.J, u lill-awtoritajiet ċivili kollha. Tislima speċjali lill-għalliema u lill-istudenti ġejjin minn tant realtajiet edukattivi ta’ dal-pajjiż.

Ftit aktar minn tmienjawtletin sena ilu, San Ġwanni Pawlu II, kien żar din id-Dar tal-Istudju illi, dak iż-żmien, kienet għadha fil-bidu tagħha. Illum, wara tant snin, irroddilkom ħajr minn qalbi għall-ħidma edukattiva li wettaqtu u li għadkom twettqu fil-komunitjiet ta’ formazzjoni u tat-tagħlim, fil-livelli kollha u fid-diversi etajiet tal-ħajja umana. Dil-perseveranza turi li l-edukazzjoni kattolika fl-Urugwaj ingħatat “forma konkreta li biha l-Evanġelju jittrasforma ruħu f’ġest edukattiv, relazzjoni u kultura”. Tikkonferma wkoll li “L-Evanġelju ma jeqdimx iżda jġedded kollox” (Apok 21,5). Kull ġenerazzjoni tilqgħu bħala novità li tiġġenera mill-ġdid. Kull ġenerazzjoni tiskopri s-setgħa seminali u moltiplikatriċi tiegħu” (Ittra App. Disegnare nuove mappe di speranza, Proemio, 1.1).

l-għan tal-missjoni pastorali fl-ambitu edukattiv hu, li l-istudent, l-għalliem, it-tmexxija tal-iskola, jisimgħu, jaraw, iduqu, imissu, ixommu r-riħa tal-Aħbar it-Tajba: hi ddawwal is-sensi, kif jagħmlu l-murales vivaċi ta’ dal-campus universitarju, sabiex min jifforma parti mill-komunità edukattiva jikber u jissaħħaħ fid-dinjità inaljenabbli tiegħu ta’ persuna umana. L-istess japplika fil-kuntesti edukattivi extra-skolatiċi u informali, fil-komunitajiet edukattivi u ta’ reinseriment soċjali jew terapewtiku, fejn, aktar milli l-kliem, tgħodd il-preżenza attenta u x-xhieda tal-ħajja ta’ adulti kredibbli, kompetenti, li jikkollaboraw bejniethom.

Biex dan l-għan jintlaħaq, jidhirli li quddiem ir-realtà dinjija li qed ngħixu fil-preżent, hemm bżonn “negħlbu l-viżjonijiet duwalistiċi: il-persuna umana hi għaqda bejn il-ġisem u r-ruħ”. Il-ġisem li jispiċċa biex ikun meqjus bħala “oġġett” li arbitrarjament nistgħu niddisponu minnu, jibqa’ dejjem negazzjoni tad-dinjità tal-persuna” (cfr Gaudium et spes, 14; Udjenza ġenerali , 9 ta’ Settembru, 2026).

Għalhekk nistedinkom tagħmlu “passiġġata” qasira tul il-ħames sensi tagħna u b’riflessjoni dwarhom, tiskopru s-sbuħija tal-Evanġelju u l-grandjożità tal-umanità tagħna.

Nibdew b’kumment fuq vers ta’ Salm : “Inħares lejn is-smewwiet” (Salm 8,4). Is-salmista jressaqna lejn waħda mill-għola funzjonijiet ta’ għajnejna: il-kontemplazzjoni. Illum il-ġurnata, il-kontemplazzjoni tfisser li nħarsu b’attenzjoni, kważi b’meravilja, lejn xi ħaġa spiritwali jew materjali. “Mill-kontemplazzjoni tal-maħluq u mil-laqgħa mal-Ħallieq jitnissel fina l-għarfien tal-post speċjali li għandna fil-pjan meraviljuż ta’ Alla u tar-responsabbiltà personali u kollettiva għall-kura tal-armonija oriġinarja” (Omelija 1 ta’ Settembru, 2026). Nistgħu napprezzaw dan anki fit-tnax-il binja tal-campus, li jitwaħħdu b’mod armonjuż mal-ambjent ta’ dal  kwartier.

Tikkontempla jfisser li tevanġelizza b’dak il-proċess konjittiv li qed isir dejjem aktar diffiċli: l-attenzjoni. Meta dal-proċess jissaħħaħ, it-tfal tagħna u ż-żgħażagħ tagħna jilħqu l-profondità li jixtiequ; jiskbu spazji ta’ silenzju u dixxerniment; ikabbru l-familjarità tagħhom ta’ djalogu mal-kuxjenza u ma’ Alla (cfr Ittra App. Disegnare nuove mappe di speranza, 10,3). Nitlobkom li fil-ħidma edukattiva tagħkom, il-kontemplazzjoni jkollha post privileġġjat.

It-tieni ħaġa, is-salmista jgħid: “is-smewwiet għemil subgħajk” (Salm 8,4). Hekk, ikompli l-kontemplazzjoni tiegħu sal-punt li jirnexxilu jara s-swaba t’Alla bħala dawk ta’ artist li fil-ħolqien qiegħed id-dawl, l-anġli, l-essri ħajjin li jgħammru l-firmament, l-art u l-ilmijiet. Minn dawn l-essri kollha,  il-bniedem biss għandu s-swaba li, flimkien ma jdejh, jaħdmu l-art, jipproduċu l-frott, isellmu lil bnedmin bħalhom, imellsu, jgħannqu. Madankollu ma nistgħux ninsew li llum is-swaba umani qed jipproduċu l-aktar “opra umana” terribbli: il-gwerra (cfr Diskors fis-Sede tal-UNESCO, 25 ta’ Settembru, 2026).

L-edukazzjoni kattolika li qed tmexxu intkom hi msejħa biex lill-komunità edukattiva u li teduka tgħinha tiskopri l-importanza tal-mess, tal-idejn, tas-swaba, biex jimmpromwovu l-paċi. Jekk l-istudenti tagħna jħossu t-tgħannieqa batteżimali li tana l-Mulej meta konna żgħar, jixxenqu wkoll għat-tgħannieqa l-oħra, dik tal-ħanin Missier tagħna li qed jistennina fil-glorja. Il-ħidma iebsa imma sabiħa ta’ min jipprietka l-Vanġelu hi dik li ngħinu lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna jħossu li qegħdin bejn dawn iż-żewġ tgħanniqiet (cfr Franġisku Il-Ferħ tal-Vanġelu, 144). Min iħossu mħaddan mill-Missier, inevitabbilment hu bennej tal-paċi.

Fil-mixja li qed nagħmlu, l-Appostlu Pietru jressaqna lejn is-sens tat- togħma. Jgħid: “Jekk intom tabilħqq doqtu kemm hu tajjeb il-Mulej” (1 Pt 2,2). Dan is-sens jevoka t-togħma, l-għerf li jiġi mill-esperjenza, mir-riflessjoni meta nduqu xi ħaġa li togħġobna. Qed nitkellem dwar l-għerf li jqarribna lejn it-tjubija ta’ Alla; l-għerf li jagħmilna lkoll aħwa; l-għerf li jagħmilna qaddisin.

Meta ntiegħmu ma nillimitawx ruħna biss għall-apprezzament tat-togħmiet, il-klassifikazzjoni tal-ikel jew li dak li nieklu nikklassifikawh skont xi ġerarkija tal-gosti. Bl-istess argument ma jistax jitqies għaqli min jiġbor l-informazzjoni bla ma jiddixxerni, bla ma jirrifletti, bla ma jkun jaf il-kuntest tal-fatti.

Għalhekk hu urġenti li l-istruzzjoni skolastika u universitarja li nagħtu tkun kontribut “għall-użu għaqli tat-teknoloġiji u tal-IA billi tqiegħed lill-persuna ‘l fuq mill-algoritmu u ġġib armonija bejn l-intelliġenza teknika, emotiva, soċjali, spiritwali u ekoloġika” (cfr Ittra App. Disegnare nuove mappe di speranza, 10,3). Jalla t-tfal tagħna u ż-żgħażagħ tagħna jduqu “xinhu t-tajjeb li jogħġbu u xinhu perfett” (Rum 12,2).

Biex nirriflettu fuq ix-xamm, nistgħu nirreferu għall-episodju tad-dilka f’Betanja li jirrrakkuntalna l-evanġelista Ġwanni: “Id-dar imtliet bir-riħa tfuħ” (12,3). “Id-dinja mtliet b’fama tajba, għax il-fama tajba hi riħa tfuħ”, ifakkarna Santu Wistin (Kumment dwar San Ġwann, Diskors 50, n. 7). Il-fama tal-bniedem tal-lum ħadet ħafna daqqiet sal-punt li x-xamm tagħna aċċetta r-riħa li ddardrek tal-iskart, tar-rifjut, tad-disprezz.

Il-proċess ta’ diżumanizzazzjoni li qed naraw iseħħ hu sfida għall-istituzzjonijiet skolatiċi u universitarji tagħna. “Il-paradoss qed jidher dejjem aktar evidenti: filwaqt li “l-intelliġenza” qed tkun attribwita lis-sistemi komputazzjonali, qed insibuha bi tqila nirrikonoxxu d-dinjità inaljenabbli tal-persuni umani, li l-ħajja tagħhom qed tkun imkejla bil-kriterju tal-effiċjenza, u li meta jidher li ma tkunx aktar produttiva, tisfa rifjutata u skartata (Diskors fis-Sede tal-UNESCO, 25 ta’ Settembru, 2026).

Huwa indispensabbli li niddefendu “r-riħa tfuħ” tal-persuna umana, billi nibnuha fuq “ir-riħa tfuħ” tal-Messija. Jeħtieġ inħabbru mill-ġdid li l-ħajja umana jixirqilha rispett fil-fażijiet kollha tagħha u f’kull stat li tkun tinsab fih. Ħadd ma jistħoqqlu jkun imwarrab.

Intemmu dil-mixja tagħna bis-sens tas-smigħ billi nikkwotaw lill-evanġelista Mattew li jgħid: “Min għandu widnejn ħa jisma’” (Mt 13,9). Intemmu hawn  bl-awgurju li dak li rriflettejna dwaru f’din id-dar tal-istudju jingħata widen, u wara jinstama’ fl-istituzzjonijiet edukattivi tagħkom. Fid-dinja tal-lum importanti li nirfinaw is-smigħ. Meta qarreb l-għerf bibliku lejn it-tradizzjoni Greco-Rumana, Santu Wistin fehem li l-għalliem veru jqanqal xenqa għall-verità u jeduka l-libertà li biha l-bniedem jagħraf jaqra s-sinjali u jisma’ l-leħen ġewwieni tiegħu” (Ittra App. Disegnare nuove mappe di speranza, 2,2).

L-edukazzjoni kattolika tagħna ma tistax tibqa’ limitata għal xi grupp magħluq. Pjuttost għandha tidra tisma’ lill-familji, lis-soċjetà ċivili, lill-aworitajiet politiċi u amminstrattivi, kif ukoll lir-rappreżentanti  tas-setturi produttivi u tal-kategoriji tal-ħaddiema. Illum il-ġurnata t-tfal tagħna u ż-żgħażagħ tagħna “jisimgħu” meta jipparteċipaw fil-volontarjat, fil-missjoni u fi proġetti komunitarji. Min jisma’, fl-ieħor jara t-tajjeb mhux theddida. Fl-Iskrittura Mqaddsa, is-smigħ tal-Kelma tal-Mulej kien meqjus bħala att ta’ għerf, prudenza u ġustizzja (cfr. Pr 1,2-5; 2, 1-9). Dawn it-tliet virtuwijiet għandhom iżejnu l-proġetti edukattivi tagħna, proġetti li jżommu f’moħħhom li l-ġenerazzjonijiet jinbidlu b’temp aktar mgħaġġel minn qabel u hi sfida kbira li nżommu l-pass maż-żmien bla ma nabbadunaw it-tradizzjoni sana.

Għeżież ħuti, nitlobkom tkomplu timxu, tevanġelizzaw u tikkontemplaw il-persuna fis-sħuħija tagħha: “ġisem, ruħ, qalb, kuxjenza, intelliġenza u rieda” (Gaudium et spes, 3). M’għandniex permess nieqfu. Inkomplu nimxu f’Dak li sar Triq, Verità u Ħajja. Irroddiklom ħajr mill-ġdid għall-ħidma edukattiva tagħkom filwaqt li nqegħedha taħt il-protezzjoni tal-Beata Verġni Marija, Tron tal-Għerf, jien u ntikom minn qalbi l-Barka Appostolika.

_____________________________________

Tislima impromptu tal-Qdiuija Tiegħu waqt iż-żjara fl-Università Kattolika tal-Urugwaj.

Grazzi! Il-waranofsinhar it-tajjeb lil kulħadd u grazzi li tinsabu hawn.

Ngħidilkom li f’qalbi għandi xewqa kbira: li l-entużjażjamu li qed tgħixu llum jibqa’ magkom kuljum u li intom tistgħu tkunu l-leħen li tant għandu bżonn l-Urugwaj biex jiskopri tassew kemm hi importanti l-fidi f’Alla, kemm hi prezzjuża l-ħajja umana u kemm għandha valur il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Komplu għejxu b’dan l-entużjażmu, b’dan il-ferħ! Il-ferħ iħabbrilkom id-Don il-kbir.

Grazzi! Il-Mulej iberikkom.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?