66. Il-kult tal-Beata Verġni

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  15/10/1997.

«Meta waslet il-milja taż-żmien. Alla bagħat lil Ibnu, mwieled minn mara…» (Gal 4,4).

1. Il-kult marjan jissejjes fuq id-deċiżjoni divina tal-għaġeb li torbot għal dejjem, kif ifakkar l-appostlu Pawlu, l-identità umana tal-Iben ta’ Alla ma’ mara, Marija ta’ Nażżaret.

Il-misteru tal-maternità divina u tal-koperazzjoni ta’ Marija mal-opra feddejja tqanqal f’dawk li jemmnu ta’ kull żmien atteġġjament ta’ tifħir kemm lejn il-Feddej kif ukoll lejn Dik li ġġeneratu fiż-żmien, waqt li hekk ikkoperat fil-Fidwa.

Mottiv ulterjuri ta’ mħabba rikonoxxenti lejn il-Beata Verġni huwa offrut mill-maternità universali tagħha. Waqt li għażilha bħala Omm tal-umanità kollha kemm hi, il-Missier ċelesti ried jirrivela d-dimensjoni biex ngħidu hekk materna  tal-ħlewwa divina u tal-prontezza tiegħu għall-bnedmin taż-żminijiet kollha.

Fuq il-Kalvarju, Ġesù bil-kliem: «Hawn hu ibnek», «Hawn hi ommok» (Ġw 19,26-27), irregala diġa b’mod antiċipat lil Marija lil dawk kollha li kellhom jirċievu l-bxara t-tajba tal-fidwa u hekk qiegħed il-wegħdi tal-imħabba filjali tagħhom għaliha. Waqt li jsegwu l-Vanġelu ta’ Ġwanni, l-insara tawlu flimkien mal-kult l-imħabba ta’ Kristu lejn Ommu, waqt li laqgħuha f’ħajjithom stess.

2. It-testi evanġeliċi  jiċċertifikaw il-preżenza tal-kult marjan sa  mill-bidu nett tal-Knisja.

L-ewwel żewġ kapitoli tal-Vanġelu ta’ San Luqa donnhom jiġbru l-sttenzjoni partikolari lejn Omm Ġesù tal-Lhud-insara li kienu wrew l-apprezzament tagħhom lejha u kienu jgħassu b’mod ġeluż it-tifkiriet.

Fir-rakkonti tal-infanzja, , barra minn hekk, nistgħu niġbru l-espressjonijiet inizjali u l-motivazzjonijiet tal-kult marjan, miġburin fil-qosor fl-esklamazzjoni ta’ Eliżabbetta: «Imbierka inti fost in-nisa… Beata dik li emmnet  fit-twettiq ta’ kliem il-Mulej!» (Lq 1,42.45).

Tracci ta’ qima diġa mifruxa fl-ewwel komunità nisranija jinsabu fil-kantiku tal- Magnificat: «Il-ġenerazzjonijiet kollha jsejħuli beata» (Lq 1,48).

Waqt li jqiegħdu fuq fomm Marija tali espressjoni, l-insara jagħrfu tali kobor uniku, li kellu jibqà jiġi pproklamat sa tmiem id-dinja.

Barra minn hekk, ix-xhidiet evanġeliċi (cf. Lq 1,34-35; Mt 1,23 e Ġw 1,13), l-ewwel formulazzjonijiet ta’ fidi u pass ta’ Sant’Injazju ta’ Antijokja 1  jiċċertifikaw l-ammirazzjoni partikolari tal-ewwel komunitajiet lejn il-verġinità ta’ Marija, marbuta b’mod strett mal-misteru tal-Inkarnazzjoni. 

Il-Vanġelu ta’ Ġwanni, waqt li jindika l-preżenza ta’ Marija fil-bidu u fi tmiem il-ħajja pubblika tal-Iben, iħallina nissopponu fost l-ewwel insara kuxjenza ħajja tar-rwol imwettaq minn Marija fl-opra tal-Fidwa b’dipendenza sħiħa ta’ mħabba minn Kristu.

3. Il-Konċilju Vatikan II,  fl-enfasi tal-karattru partikolari tal-kult marjan, jiddikjara:  «Marija, eżaltata bil-grazzja ta’ Alla, wara Binha, ‘il fuq mill-anġli u l-bnedmin, għaliex hija l-omm imqaddsa ta’ Alla, li ħadet sehem fil-misteri ta’ Kristu, tiġi ġustament onorata mill-Knisja permezz ta’ kult speċjali».2

Waqt li, imbagħad, jirreferi għat-talba marjana tat-tielet seklu «Sub tuum praesidium» – «Taħt il-protezzjoni tiegħek» –, iżid li tali distinzjoni toħroġ sa mill-bidu nett: «Fis-sewwa sa miz-żminijiet l-iktar qodma il-beata Verġni hija meqjuma taħt it-titlu ta’ Omm Alla, taħt il-ħarsien ta’ min il-fidili waqt li jitolbuha jfittxu l-kenn fil-perikoli u fil-bżonnijiet tagħhom».3

4. Din id-dikjarazzjoni ssib il-konferma fl-ikonografija u fid-duttrina tas-Santi Padri tal-Knisja, sa mit-tieni deklu.

F’Ruma, fil-katakombi ta’ Priscilla, huwa possibbli li wieħed jammira l-ewwel rappreżentazzjoni tal-Madonna bil-Bambin, waqt li fl-istess żmien San Ġustinu u Sant’Irinew jitkellmu dwar Marija bħala l-Eva l-ġdida li bil-fidi u bl-ubbidjenza ssewwi n-nuqqas ta’ twemmin u d-diżubbidjenza tal-ewwel mara. Skont l-Isqof ta’ Lyon, ma kienx biżżejjed li Adam ikun  mifdi fi Kristu, imma  «kien ġust u meħtieġ li Eva tkun irrestawrata f’Marija».4 Huwa b’tali mod, jenfasizza l-importanza tal-mara fl-opra tal-fidwa u jimponi sies għal dik l-inseparibiltà tal-kult marjan minn dak attribwit lil Ġesù li  jinfirex tul is-sekli nsara kollha.

5. Il-kult marjan jesprimi ruħu inizjalment fl-invokazzjoni lil Marija bħat-«Theotokos», titolu li kellu konferma awtorevoli, wara l-kriżi nestorjana, mill-Konċilju ta’ Efesu li seħħ fis-sena 431.

L-istess rejazzjoni popolari għall-pożizzjoni ambigwa u oxxillanti ta’ Nestorju, li waslet biex tiċħad l-maternità divina ta’ Marija, u l-ilqugħ ferrieħi suċċessiv tad-deċiżjoni tas-Sinodu Efesjan, jikkonfermaw ir-radikament tal-kult tal-Verġni fost l-insara. Madankollu «b’mod speċjali mill-Konċilju ta’ Efesu ‘l hawn, il-kult tal-poplu ta’ Alla lejn Marija kiber b’mod tal-għaġeb fil-qima u fl-imħabba, fl-invokazzjoni u fl-imitazzjoni…».5

Dan jesprimi ruħu b’mod speċjali fil-festi liturġiċi, fost liema, mis-snin bikrin tas-seklu V assuma għarfien partikolari  «il-jum ta’ Marija Theotokos», iċċlebrat fil-15 ta’ Awissu f’Ġerusalem u suċċessivament sar il-festa tad-Dormizzjoni jew l-Axxensjoni.

Taħt l-influss tal-«Protovanġelu ta’ Ġakbu» kienu, barra minn dan, imwaqqfa l-festi tan-Natività, tal-Kunċizzjoni u tal-Preżentazzjoni, li kkontribwew b’mod notevoli biex idawlu diversi aspetti tal-misteru ta’ Marija.

6. Nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li l-kult marjan żviluppa ruħu sa żmienna b’kontinwità tal-għaġeb, billi għadda minn perijodi fjorixxenti u oħrajn kritiċi li, madankollu, spiss kellhom il-mertu li jippromwovo dejjem iktar ir-rinnovament.

Wara l-Konċilju Vatikan II, il-kult marjan donnu ddestinat li jiżviluppa ruħu f’armonija mal-approfondiment tal-misteru tal-Knisja u fi djalogu mal-kulturi kontemporanji, biex dejjem iktar jgħaddas għeruqu fil-fidi u fil-ħajja tal-poplu ta’ Alla pellegrin fuq din l-art.

NOTI

1 Cf. Sant’Ignazio di Antiochia, Smirn. 1,2: SC 10,155.
2 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 66.
3 Ibidem.
4 Sant’Ireneo, Demonstratio apostolica, 33.
5 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 66.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 563-566.

Miġjub għall-Mati mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading