Bomba fi knisja tħalli għaxra mejta.

Rapport ippubblikat mill-aġenzija All Africa fit-13 ta’ Marzu jgħid li Dun Peter Umoren, kappillan tal-parroċċa ta’ San Finbar, l-aħħar knisja li sfat attakkata qal li l-quddiesa tal-10.30 kienet ilha li bidet madwr 10 minuti meta semgħu ħoss kbir li heżżeż il-bini. Is-sewwieq suwiċida kien qed jipprova jsuq il-karrozza-bomba għal ġol-knisja meta l-bomba ħadet xħin wasal ħdejn ir-rixtellu. Fil-11 ta’ Marzu l-aġenzija Compass News Direct irrappurtat li l-parroċċa ta’ San Finbar hija waħda mill-akbar knejjes Kattoliċi ta’ Jos u kull nhar ta’ Ħadd tilqa’ fiha madwar 3000 ruħ. Rapport ieħor did-darba mill-BBC, nhar it-12 ta’ Marzu, jgħid li Pam Ayuba, kelliema għall-istat ta’ Jos qalet li l-isplużjoni għamlet ħsara fis-saqaf tal-knisja, tajret it-twieqi kollha u ġarrfet parti miċ-ċint ta’ madwar il-knisja.
Il-popolazzjoni tan-Niġerja li tgħodd madwar 158 miljun ruħ, hija maqsuma bejn Insara, bejn wieħed u ieħor 51.3% tal-popolazzjoni li l-aktar li tinsab hu fin-nofsinhar tal-pajjiż, u Musulmani – madwar 45% tal-popolazzjoni li jgħixu l-aktar fit-tramuntana. Il-belt ta’ Jos, li tinsab fiċ-ċentru tan-Niġerja, titqies bħala xorta ta’ linja li tifred liż-żewġ gruppi.
Sadattant, fuq il-belt qed iħufu l-ħin kollu l-ħelikopters minbarra li fit-toroq hemm preżenza kontinwa ta’ tankijiet u inġenji militari. Il-kummissarju tal-pulizija tal-istat, Emmanuel Diipo Ayeni wissa’ liż-żgħażagħ li mhux se jittollera aktar irvell minn naħa tagħhom, kif ġara l-Ħadd wara l-attakk fuq il-knisja ta’ San Finbar. Hu wissihom biex joqgħodu attenti li ma jwettqux xi azzjoni li trsita’ tiżbroffa fi gwerra bejn ir-reliġjonijiet u żied jgħid li fil-passat ebda nazzjon ma rnexxilu jeħisha ħafif meta nqala’ nkwiet minħabba r-reliġjon. Għalhekk, talabhom bil-ħerqa biex joqgħodu attenti li ma tibdiex xi ħaġa hekk f’pajjiżhom.
L-arċisqof Kattoliku ta’ Jos, Ignatius Kaigama, appella għall-kalma minn naħa tal-Insara u qalilhom li Alla mhux indifferenti għat-tbatijiet tagħhom. L-aġenzija Compass News Direct irrappurtat li l-arċisqof qal li l-fidi tagħna tipprietka r-rispett lejn il-qdusija tal-ħajja umana. Aħna, żied jgħid Kaigama, għandna l-fidi u għandna l-ħila li nirraġunaw. Għalhekk m’għandniex inġibu ruħna bħal dawk li jaħsbu li qed iservu ‘l Alla meta joqtlu lil ħaddieħor.